Strateġija għas-Sajd 2026-2036 - Laqgħat ta’ konsultazzjoni - Nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus mill-Ministeru jew mid-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura għall-organizzazzjoni tal-laqgħat ta’ konsultazzjoni dwar l-Istrateġija għas-Sajd 2026-2036 li saru f’San Pawl il‑Baħar, f’Marsaxlokk u f’Għawdex, u jaqsam din l-informazzjoni skont il-lokalità u t-tip ta’ nefqa, inkluż spejjeż relatati ma’ loġistika, kiri ta’ spazji, komunikazzjoni, servizzi tekniċi u kwalunkwe ħlasijiet oħra relatati mal-proċess ta’ konsultazzjoni?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellanta illi bħala parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika għall-ewwel Strateġija Nazzjonali għas-Settur tas-Sajd, il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali organizza tlett laqgħat ta’ konsultazzjoni pubblika fid-19 ta' Frar f'Għawdex, fl-24 ta' Frar f'Marsaxlokk, u fit-3 ta' Marzu f'San Pawl il-Baħar. Dawn is-sessjonijiet laqqgħu flimkien sajjieda, rappreżentanti tas-settur u membri tal-komunità, fejn kellhom l-opportunità jikkontribwixxu direttament għall-iżvilupp ta' qafas strateġiku fit-tul għas-settur. Infurmat li n-nefqa totali kienet ta’ €43,255.62 (VAT eskluż) li tkopri l-loġistika kollha, id-disinn u l-preżentazzjoni tat-tlett laqgħat.
Kunsilli lokali - Siti, artijiet u/jew binjiet - Devoluzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata tas-siti, artijiet u/jew binjiet kollha li ġew devoluti lil kull kunsill lokali ta’ Malta u Għawdex, u jaqsam din l-informazzjoni lokalità b’lokalità u għal kull sit jindika l-indirizz tas-sit, id-deskrizzjoni tas-sit, l-ammont tal-ħlas mitlub mill-kunsill lokali bl-ammonti mħallsa, l-użu attwali tas-sit, id-data ta’ meta s-sit ġie devolut u t-terminu jew it-tul tad-devoluzzjoni?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir (‘revival plan’)?
Response (DALLI, MIRIAM)
Kif taf tajjeb l-Onor. Interpellanta bħalissa għadu għaddej proċess ta’ konsultazzjoni pubblika dwar il-Grand Harbour Revival Plan li ppreżenta l-Gvern. Infakkar li dan il-Gvern jieħu l-konsultazzjoni bis-serjetà u allura ser nagħtu kas x’jgħidilna l-pubbliku biex infasslu d-dokument tal-Preliminary Market Consultation li huwa l-pass li jmiss wara l-konsultazzjoni pubblika. Mhu qed nagħmlu xejn bil-moħbi u se nkunu qed nippubblikaw id-dokumenti rispettivi u relevanti dejjem fl-istadju li jkun imisshom u bi trasparenza.
Jista’ l-Ministru jgħid xi proġetti innovattivi nħolqu minn Xjenza Malta għal din is-sena, b’appoġġ speċjali għar-riċerkaturi żgħażagħ?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li Xjenza Malta hi aġenzija nazzjonali tal-Gvern responsabbli għall-finanzjament tar-riċerka u l-innovazzjoni skont il-mandat legali, hekk kif stipulat permezz tal-avviż legali numru 112 ta’ l-2024. B’dan il-għan, Xjenza Malta issostni permezz ta’ fondi nazzjonali kif ukoll fondi Ewropej, portafoll wiesa’ ta’ skemi maħsuba biex isaħħu u jkomplu ikabbru l-eko-sistema ta’ riċerka u innovazzjoni fil-pajjiż. Dawn l-iskemi li uħud minnhom huma diġa miftuha għas-sottomissjoniet ta’ proġetti f’dawn l-ewwel xhur ta’ l-2026, ħa jkomplu jsiru disponibbli matul ix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti rreġistrati mal-Academy for Interactive Media (AIM)?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Academy of Interactive Media (AIM) hija inizjattiva edukattiva mfassla biex tappoġġja l-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet fis-setturi tal-logħob diġitali u tal-media interattiva. L-AIM toffri masterclasses fuq perjodu qasir immexxija minn esperti ewlenin fil-qasam (guru-led), kif ukoll workshops u sessjonijiet ta’ taħriġ immexxija mill-industrija.
Il-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-AIM hija organizzata fuq bażi ta’ kull sessjoni, fejn il-parteċipanti jirreġistraw biss għas-sessjonijiet speċifiċi li jkunu jixtiequ jattendu, u mhux permezz ta’ programm fiss. Barra minn hekk, permezz tal-AIM, GamingMalta pprovdiet 600 eżami ta’ ċertifikazzjoni ta’ Unity lill-istudenti, kif ukoll appoġġjat mogħdijiet ta’ akkreditazzjoni tal-Unreal Engine kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għall- professjonisti.
Din l-inizjattiva ġiet ippreżentata quddiem il-kumitat parlamentari fil-ġimgħa li għaddiet.
Strateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Video Games
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-Istrateġija Nazzjonali għall-Iżvilupp tal-Video Games?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni relatata mad-direzzjoni strateġika ta’ Malta għall-iżvilupp tal-industrija nazzjonali tal-Video Games hija stabbilita fid-dokument tal-Gvern “Vision for Video Games Development and Esports liema kopja tagħha diġa ġiet imqgħeda fuq il-mejda tal-Kamra.
Għaldaqstant ninforma l-Onor. Interpellant li bħalissa l-Gaming Malta Foundation, qed jahdmu biex din l-istrateġija tiġi aġġornata f’konformità ma’ Malta Vision 2050, inklużi l-objettivi ewlenin u l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni, kif ukoll l-iżvilupp ta’ roadmap aġġornata għas-settur. L-istrateġija aġġornata mistennija titnieda fix-xhur li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm bandli maqlugħin madwar Malta u Għawdex?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onorevoli interpellant kjarifika dwar x’qed jiġi riferut meta ssir riferenza għall-‘bandli’, jekk hux għall-playing field jew għall-bandli individwali sabiex tkun tista’ tingħata tweġiba korretta.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jieħdu l-kunsilli lokali biex inaqqsu l-ħmieġ tal-annimali?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Kunsilli Lokali jieħdu diversi miżuri biex inaqqsu l-ħmieġ tal-annimali. Dawn fost oħrajn jinkludu:
bye-laws
għall-kontroll tal-ħamiem; żamma ta reċipjenti fejn il-pubbliku jkun jista' jpoġġi ħmieġ tal-klieb; tabelli li jfakkru fir-responsabbiltà li wieħed inaddaf il-ħmieġ tal-kelb tiegħu; ħidma mal-
community police
u aġenziji oħra fuq infurzar; kampanji u attivitajiet edukattivi relatati. Dan minbarra t-tindif regolari tal-bankini u t-toroq.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex waslu x-xogħlijiet wara l-inċident fejn kienet iġġarrfet binja tal-akkomodazzjoni soċjali fi Triq l-Antika, l-Birgu, fil bidu tas-sena?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat
li ttieħdu miżuri tekniċi preventivi sabiex jiġi evitat aktar deterjorament u kwalunkwe riskju għas-sigurtà pubblika. Fost dawn il-miżuri kien hemm l-installazzjoni ta’ scaffolding mal-faċċata tal-binja kif ukoll l-installazzjoni ta’ props ta’ appoġġ strutturali, li kienu kruċjali sabiex jiġu evitati danni akbar. Fil-frattemp għaddejjin il-proċessi neċessarji sabiex ikomplu xogħlijiet oħra fuq din il-binja sabiex tkun tista’ tiġi kkonvertita u tintuża għal skopijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ titwaħħal l-istop sign fi Triq Baldassare Lanċi, il-Fgura, peress li bħalissa tinsab mitfugħa fil-ġenb tat-triq?
Response (BONETT, CHRIS)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid meta ser terġa’ titwaħħal l-istop sign fi Triq Baldassare Lanċi, il-Fgura, peress li bħalissa tinsab mitfugħa fil-ġenb tat-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Fgura li t-tabella li qed issir referenza għaliha ser titwaħħal malli jitlestew ix-xogħlijiet fuq il-bankini.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 34349 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi u jgħid x’qed isir mill-awtoritajiet konċernati dwar is-sitwazzjoni relatata mal-culvert fi Triq Hompesch, il-Fgura, li bħalissa qed jikkawża inkonvenjent kbir lir-residenti tal-inħawi u huwa ta’ periklu għas-sewwieqa?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali Il-Fgura li saret kommunikazzjoni ma' Infrastructure Malta biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa.