Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm water culverts fi Triq id-Dliela, f’Ħaż-Żabbar, u jekk hemmx il-ħsieb li dawn jiżdiedu, peress li r-residenti qed ikollhom il-problemi kull meta tagħmel ix-xita?
Response (ATTARD, JONATHAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed isiru pjanijiet li jinbena culvert (jew culverts) għall-ilma tax-xita. Bħalissa qed jiġu ċċekjati l-livelli tas-survey sabiex jiġi determinat jekk culvert wieħed ikunx biżżejjed u sabiex jiġi identifikat ukoll il-post addattat fejn għandu jinbena.
Studenti tal-Kindergarten u Pre-kindergarten – Lezzjonijiet tal-PE
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-istudenti tal-Kindergarten u l-Pre-Kindergarten hux qed ikollhom lezzjonijiet tal-PE (Physical Education)? Jekk iva, jista’ jgħid kemm ikollhom sessjonijiet fil-ġimgħa?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat li risposta hija fl-affermattiv, jiġifieri li iva t-tfal ikollhom dawn it-tip ta’ sessjonijiet fiżiċi.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-inizjattiva ‘Djar Affordabbli’ daħlitx fis-seħħ u jekk il-persuni li bdew japplikaw għaliha hux qed jibbenefikaw minnha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Inizjattiva "Djar Affordabbli" tinsab fis-seħħ, iżda l-applikazzjonijiet għall-benefiċċjarji għadhom mhux miftuħa billi l-proċess tat-tenders għad-disinn u l-bini jinsab bħalissa fi stadju ta' evalwazzjoni teknika.
Jista’ l-Ministru jgħid b’kemm huwa mistenni li jiżdiedu l-parkeġġi bil-proġett propost f’Marsaskala? Jista’ jgħid ukoll jekk bil-konfigurazzjoni hekk kif proposta għall-bankina quddiem il-gabbana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, il-vetturi hux ser ikunu jistgħu jipparkjaw f’din iż-żona?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-pjanta approvata minn Transport Malta tipprevedi zieda fil-parkeggi. Madankollu, nitlob biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm dam għaddej ix-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura u f’liema ħinijiet kienu qed isiru dawn ix-xogħlijiet?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li x-xogħol fi Triq Hompesch fil-Fgura kien jirrikjedi li tingħalaq it-triq u sabiex jiġu evitati problemi ta’ traffiku, dan ix-xogħol seta biss isir matul il-lejl.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35391 u jgħid x’inhu l-perċentwal li jinqata’ mill-pensjoni meta koppja tirċievi pensjoni waħda peress li r-raġel biss kien jaħdem u l-mara tkun rikoverata ġewwa r-Residenza San Vinċenz de Paule (SVPR), filwaqt li r-raġel jibqa’ jgħix waħdu fid-dar?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, fejn hemm pensjoni kontributorja waħda u wieħed jew waħda mill-konjuġi jidħol jew tidħol f’dar tal-anzjani, 70% tal-pensjoni titħallas lil min jibqa’ fir-residenza tiegħu jew tagħha. It-tnaqqis relatat mar-residenza fid-dar tal-anzjani jsir mit-30% li jifdal jew minn dħul ieħor.
Ix-Xgħajra - Xgħajra Tornados - L-art madwar il-pitch
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 34416 u 35390 u jgħid jekk l-art madwar il-pitch tax-Xgħajra Tornados ġietx devoluta lill-Kunsill Lokali tax-Xgħajra u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat?
Edukaturi - Applikazzjonijiet - Lista ta’ stennija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tibqa’ valida applikazzjoni ta’ persuna li tapplika għal kariga ta’ edukatur, meta ma tkunx ġiet ingaġġata u tibqa’ fuq lista ta’ stennija?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Infurmat li r-riżultati huma validi għal sena mid-data tal-pubblikazzjoni tar-riżultat, sakemm is-sejħa ma tispeċifikax li huma validi għal sentejn.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern fuq il-concert area l-ġdida f’ Ta’ Qali minn meta nfetħet u kemm-il darba ntużat għal avvenimenti sa issa?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sa issa ġew installati r-railings ta’ wara l-palk. Minn Mejju 2024 s’issa din iż-żona intużat għal 13-il avveniment.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ persuni li bħalissa qegħdin fuq il-lista ta’ stennija biex jagħmlu bone density test?
Response (ABELA, JO ETIENNE)
Ninsab infurmat li l-appuntamenti għall-eżamijiet tal-bone density jiġu skedati prinċipalment skont il-post fejn jinsab it-tagħmir disponibbli u l-post ta’ residenza tal-klijent. Il-magni tal-bone density jinsabu fl-Isptar Mater Dei, Residenza ta’ San Vinċenz, iċ-Ċentru Reġjonali tas-Saħħa Ċensu Moran, u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Wieħed għandu jifhem li numru sostanzjali ta’ eżamijiet ikunu ta’ segwitu (“follow-up”), li jridu jsiru fi żmien speċifiku kif mitlub fir-rikjesta tat-tabib.
Infurmat li kull ġimgħa jidħlu medja ta’ 490 talba għal eżamijiet tal-bone density. Dawn jiġu skedati kollha fi żmien qasir.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx policy li tipprojbixxi lill-istudenti li jkunu qed jaħdmu ma’ Transport Malta b’numru ta’ sigħat mandatorji għall-kors tagħhom, milli jaħdmu numru żgħir ta’ sigħat online? Jekk iva, jista’ jagħti r-raġuni għal dan?
Response (BONETT, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Awtorità tat-Trasport tilqa’ studenti kull sena bil-għan li dawn jitgħallmu direttament mill-post tax-xogħol u jiksbu l-għodda neċessarja għal meta jidħlu fid-dinja tax-xogħol.
Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn ma’ kull applikazzjoni għal permess ta’ logħob (tombla), il-Malta Gaming Authority qed titlob id-dettalji tal-membri tal-kumitat kollu u mhux ta’ min qed japplika?
Jista’ ukoll:
i. jgħid x’inhu l-iskop għat-talba ta’ din l-informazzjoni kollha;
ii. jgħid għaliex mhux qed jintalbu biss id-dettalji tas-segretarju jew ta’ dik il-persuni li qed tapplika f’isem il-kumitat; u
iii. jagħti garanzija li tali dettalji qed jinżammu biss mill-uffiċjali nkarigati mid-data f’dik l-awtorità b’tali mod li ma jkollhomx aċċess għalihom terzi inkluż impjegati tal-istess awtorità?
Response (CARUANA, CLYDE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 35367 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali u tgħid meta se jibda jopera l-Inclusion Hub fir-Rabat?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanta għat-tweġiba ta’ PQ 35368.
Skejjel – Laptops li ngħataw lill-istudenti - Taħriġ
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 35366 u ċjoè: B’referenza għall-istudenti li ngħatalhom laptop, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn humiex qed jingħataw taħriġ dwar kif jużaw laptop?
Response (GRIMA, CLIFTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellanta li, sabiex jiġi żgurat użu effettiv u responsabbli tal-laptops, inħarġet ċirkulari indirizzata lill-ġenituri u lill-iskejjel flimkien ma’ dokument edukattiv li jispjega fid-dettall il-funzjonijiet tal-laptops kif ukoll l-għodod ewlenin li għandhom jintużaw għal skopijiet edukattivi. Dan id-dokument għandu l-għan li jkompli jsaħħaħ il-litteriżmu diġitali u joffri gwida ċara dwar l-użu xieraq tat-teknoloġija.
Barra minn hekk, huwa importanti li jiġi enfasizzat li dawn il-laptops huma maħsuba għal użu edukattiv u l-istudenti jkunu dejjem iggwidati mill-għalliema u mill-ġenituri jew kustodji tagħhom waqt l-użu tagħhom. Meta l-għalliema jużaw il-laptops fil-klassi, huma jkunu qed juru b’mod viżiv u prattiku kif dawn għandhom jintużaw, u b’hekk l-istudenti jitgħallmu direttament permezz tal-eżempju. Ikun għaqli wkoll li meta wieħed iħares u jitkellem dwar dan is-suġġett, iħares lejn l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali.