Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3730 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 3729 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?
Response (CUTAJAR, ROSIANNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex jittejbu l-faċilitajiet u d-dawl fil-korsa taż-żwiemel fix-Xewkija - li tintuża minn diversi persuni għall-mixi u għall-ġiri - sabiex tkun tista’ titgawda b’mod sigur anke wara nżul ix-xemx? Jista’ jgħid ukoll x’interventi huma ppjanati u meta huma mistennija li jitwettqu?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex beda l-proċess biex tinħareġ sejħa għall-offerti biex isir id-dawl fuq in-naħa ta' ġewwa tal-korsa taż-żwiemel, li tintuża minn diversi persuni għall-mixi jew għall-ġiri. Ix-xogħol huwa mistenni li jsir is-sena d-dieħla.
Jista’ l-Ministru jgħid:
i. meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni), u kemm ilu fil-kariga;
ii. meta ġiet appuntata d-Direttur Ġenerali (Affarijiet tal-Konsumatur) u kemm ilha fil-kariga;
iii. meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Standards), u kemm ilu fil-kariga; u
iv. meta ġie appuntat id-Direttur Ġenerali (Regolamenti Tekniċi), u kemm ilu fil-kariga?
Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-Kapitolu 510 tal-Liġijiet ta’ Malta l-karigi imsemmija huma soġġetti għal ħatra ta’ tliet snin u dak iż-żmien jista’ jiġi mtawwal għal perjodi itwal ta’ tliet snin kull wieħed. Infurmat ukoll li għaddej il-proċess ta’ reklutaġġ għall-pożizzjoni ta’ Direttur Ġenerali (Kompetizzjoni) li bħalissa hija vakanti.
Anzjani li mhumiex computer literate – Aċċess għal servizzi online
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri qed jittieħdu mid-diversi entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fir-rigward ta’ dawk l-anzjani li mhumiex computer literate minħabba l-fatt li llum ħafna servizzi huma aċċessibbli biss online?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjoni Diġitali (MDIA) qed timplimenta diversi inizjattivi bil-għan li tissaħħaħ l-inklużjoni diġitali, b’mod partikolari fost l-anzjani, sabiex dawn ikunu jistgħu jifhmu u jużaw aħjar it-teknoloġiji moderni u jibbenefikaw mis-servizzi diġitali.
Fost dawn l-inizjattivi hemm:
AI4All u Bootcamps AI4ALL (b’kollaborazzjoni mal-Lifelong Learning): Programm ta’ taħriġ onlajn bla ħlas, imfassal għal persuni mingħajr għarfien tekniku minn qabel, li joffri introduzzjoni għall-Intelliġenza Artifiċjali (AI), l-użi prattiċi tagħha fil-ħajja ta’ kuljum u l-ħiliet bażiċi meħtieġa biex tintuża b’mod responsabbli. Dan il-programm huwa aċċessibbli wkoll għall-anzjani li jixtiequ jtejbu l-għarfien diġitali tagħhom. Ġew organizzati ukoll total ta’ 10 sessjonijiet ta’ bootcamp, li laħqu 109 parteċipant u li fihom intużaw il-faċilitajiet tal-Msida Lab. Il-programm kien miftuħ għal persuni minn 14-il sena ’l fuq, bil-parteċipazzjoni tinkludi wkoll persuni anzjani li jieħdu sehem regolarment f’inizjattivi tal-Lifelong Learning.
Kollaborazzjoni mal-Pastoral Formation Institute (PFI): Permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, qed jiġu organizzati sessjonijiet ta’ taħriġ dwar l-Intelliġenza Artifiċjali fil-parroċċi u fi gruppi komunitarji, b’enfasi partikolari fuq l-anzjani. Sa Awwissu 2026, kienu diġà saru 39 sessjoni, li minnhom ibbenefikaw 664 parteċipant ta’ 60 sena jew aktar.
Kollaborazzjoni ma’ Active Ageing and Community Care (AACC): Permezz ta’ ftehim bejn l-MDIA u l-AACC, il-programm AI4All se jitwassal direttament lill-anzjani permezz tas-36 Ċentru għall-Anzjanità Attiva, kif ukoll fid-djar residenzjali għall-anzjani. Il-ħaddiema tal-AACC se jingħataw taħriġ speċifiku sabiex ikunu jistgħu jassistu lill-anzjani fl-użu tal-Intelliġenza Artifiċjali u jgħinuhom jiżviluppaw aktar kunfidenza fit-teknoloġija.
AI4All fil-Kunsilli Lokali: Din l-inizjattiva għandha l-għan li twassal taħriġ u assistenza wiċċ imb wiċċ fil-komunitajiet lokali, sabiex persuni li għandhom diffikultajiet biex jużaw it-teknoloġija jkunu jistgħu jirċievu għajnuna diretta. Ħaddiema u studenti mħarrġa se jassistu lill-parteċipanti fil-mistoqsijiet u d-diffikultajiet li jistgħu jiltaqgħu magħhom, bl-appoġġ kontinwu tat-tim tal-AI4All.
Kollaborazzjoni mal-FITA: L-MDIA għandha Memorandum ta’ Ftehim eżistenti mal-FITA. Għal din is-sena kien ippjanat bootcamp immirat lejn persuni anzjani, iżda sfortunatament din l-inizjattiva ma setgħetx titwettaq matul din is-sena. Huwa ppjanat li d-diskussjonijiet jerġgħu jibdew is-sena d-dieħla.
Ħiliet Diġitali għal Gruppi Vulnerabbli: Din l-inizjattiva twettqet b’kollaborazzjoni mal-Lifelong Learning u kienet iffukata speċifikament fuq l-għoti ta’ appoġġ lil persuni vulnerabbli residenti f’xelters. Għaldaqstant, din l-inizjattiva ma taqax taħt il-kategorija tal-parteċipazzjoni tal-anzjani.
Dawn l-inizjattivi jirriflettu l-impenn tal-MDIA li tippromwovi inklużjoni diġitali għal kulħadd, filwaqt li tnaqqas id-distakk fil-ħiliet diġitali bejn il-ġenerazzjonijiet. B’mod partikolari, l-enfasi fuq taħriġ fil-komunità u assistenza diretta għandha l-għan li tgħin lill-anzjani jsiru aktar indipendenti u kunfidenti fl-użu tat-teknoloġija, sabiex ma jitħallewx lura hekk kif aktar servizzi qed jiġu offruti permezz ta’ mezzi diġitali.
Anzjani li mhumiex computer literate – Aċċess għal servizzi online
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’miżuri qed jittieħdu mid-diversi entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fir-rigward ta’ dawk l-anzjani li mhumiex computer literate minħabba l-fatt li llum ħafna servizzi huma aċċessibbli biss online?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għas-Saħħa, permezz tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità u SVP u b’kollaborazzjoni mal-FITA u l-MDIA qed jippromwovi l-ħiliet diġitali fost l-anzjani permezz ta’ taħriġ dwar l-użu tal-mowbajls, tablets, emails, midja soċjali u servizzi online, b’enfasi fuq is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data personali u inizjattivi dwar l-intelliġenza artifiċjali. Dawn l-inizjattivi għandhom l-għan li jsaħħu l-indipendenza, il-kunfidenza u l-ħiliet diġitali tal-anzjani, filwaqt li jnaqqsu l-esklużjoni diġitali u jiffaċilitaw l-aċċess għas-servizzi online.
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu s’issa fir-rigward tal-implimentazzjoni effettiva tal-L.S. 460.42, [European Media Freedom Act (Measures for Implementation) Order]?
Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ġejt infurmat li sal-llum il-ġurnata twaqqaf l-Uffiċċju tar-Reklamar u l-Media hekk kif miltlub f’Artiklu 3 tal-L.S. 460.42. Inħatar ukoll Kap tal-Uffiċċju mill-President fuq il-Parir tal-Prim Ministru wara konsultazzjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni. Bħalissa għaddejjin il-preparamenti meħtieġa sabiex tinġabar l-informazzjonineċessarja bi preparament għall-ewwel rappurtaġġ tagħha.
Tista’ l-Ministru telenka l-miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitrażżan l-użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija li tista’ tkun ta’ ħsara għall-ambjent? Tista’ telenka x’inċentivi qed jingħataw biex il-pubbliku jagħmel aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ impjegati full-time fi ħdan il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) li jaħdmu f’kull waħda mill-kategoriji professjonali li ġejjin:
i. Ekonomisti;
ii. Avukati;
iii. Accountants;
iv. IT Professionals; u
v. Inġiniera?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li n-numru ta’ impjegati full-time fi ħdan il-Malta Digital Innovation Authority (MDIA) li jaħdmu f’kull waħda mill-kategoriji professjonali li ġejjin, huma dawn:
i. Ekonomisti; 1
ii. Avukati; 4
iii. Accountants; 2
iv. IT Professionals; 13
v. Inġiniera: 1
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni bbenefikaw minn servizzi mogħtija mill-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru fl-aħħar sentejn, maqsuma skont l-NGO, is-servizz u s-sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva tagħha.
Jista’ l-Ministru jelenka l-NGOs li jipprovdu servizzi permezz ta’ finanzjament mill-Ministeru, u jispeċifika s-servizzi u l-ammonti mħallsa lil kull waħda fl-aħħar sentejn?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-informazzjoni kif mitluba ma tkunx tista’ tinġabar minħabba n-natura sensittiva tagħha.
Tista’ l-Ministru telenka l-NGOs li għandhom ftehim mal-Ministeru biex jipprovdu servizzi, u tagħti l-valur u t-tul ta’ kull ftehim?
Response (FARRUGIA, JULIA)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għad-dokument imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra għall-Mistoqsija Parlamentari nru 4045, li jinkludi l-lista tal-ftehimiet ta’ sħubija soċjali, magħrufa bħala Public Social Partnerships (PSPs), li għandu dan il-Ministeru.
Jista’ l-Ministru jelenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom biex jipprovdu servizzi f’Għawdex, u jispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?
Response (CAMILLERI, CLINT)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tingabar.