Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex – Mezzi ta' trasport

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5073 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u jgħid kemm huma attwalment it-taxis, kemm bojod u kemm ta’ kumpaniji oħra, reġistrati f'Għawdex u kemm jikkalkula li jridu jiżdiedu karozzi reġistrati biex jagħmlu tajjeb għal dawk li jagħżlu jżuru lill-Għawdex bla karozza? Jista’ jgħid ukoll jekk hux se tkun qed tiżdied ukoll il-flotta ta' karozzi tal-linja qabel Jannar 2027?

Response (BONETT, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 50 taxi  irreġistrati f’Għawdex. Il-Y-plates ma jaqgħux fil-kategorija ta’ taxis iżda huma cabs, li huma regolati bil-liġi SL499.68, li ma tagħmel ebda distinzjoni bejn jekk il-vettura reġistrata b’Y-plate toperax f'Malta jew f'Għawdex. Rigward it-trasport pubbliku, Transport Malta se tosserva hux se jkun hemm tibdil fid-domanda għas-servizz sabiex b’hekk ikunu jistgħu jittieħdu l-provedimenti meħtieġa, kemm bħala numru ta’ passiġġieri, il-ħinijiet u anke bħala ‘capacity’ eżistenti fuq il-karozzi tal-linja.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5076 fl-intier tagħha u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsuma skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (BORG, IAN)

Ninsab infurmat li għadd ta’ kollaborazzjonijiet ma’ NGOs huma koperti b’ Public Social Partnerships (PSPs) u l-finanzjament huwa kummerċjalment sensittiv.

Ċittadinanza b’naturalizzazzjoni – Kontribuzzjonijiet lil NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-applikanti għaċ-ċittadinanza Maltija b’naturalizzazzjoni abbażi tal-mertu għamlu, jew intrabtu li jagħmlu, donazzjonijiet, kontribuzzjonijiet finanzjarji jew investimenti f’organizzazzjonijiet volontarji (NGOs) reġistrati f’Malta jew f’Għawdex? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi: i. l-isem ta’ kull NGO li rċeviet, jew hija mistennija li tirċievi, kontribuzzjoni mingħand dawn l-applikanti; ii. l-ammont ta’ flus mogħtija jew imwiegħda lil kull organizzazzjoni, b’distinzjoni bejn kontribuzzjonijiet diġà mħallsa u dawk li għadhom pendenti; u iii. in-numru ta’ applikanti li għamlu jew wiegħdu kontribuzzjoni lil kull organizzazzjoni? Jista’ wkoll jispjega x’mekkaniżmu qed jintuża biex jiġi vverifikat li dawn il-kontribuzzjonijiet effettivament jaslu għand l-organizzazzjonijiet benefiċjarji?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 5318.

Citizenship by Merit – Applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet għaċ-ċittadinanza Maltija taħt il-qafas il-ġdid tas-Citizenship by Merit minn meta daħal fis-seħħ sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari numru 31995 ta' leġiżlatura numru erbatax.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4460 fl-intier tagħha u jagħti s-sena għal kull finanzjament mogħti lil NGOs f’dawn l-aħħar sentejn?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li parti mill-finanzjament li għalih qed issir referenza jingħata fil-qafas tal-Pjan Strateġiku tal-Politika Agrikola Komuni (CAP Strategic Plan) 2023-2027, inkluż permezz tal-programm LEADER, li huwa maħsub sabiex jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni rurali. Il-Pjan Strateġiku jipprovdi wkoll li 5% tal-kontribuzzjoni tal-EAFRD taħtu tiġi riżervata għal LEADER. Il-programm LEADER huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ Community-Led Local Development , permezz ta’ approċċ “bottom-up”. Il-finanzjament ma jingħatax mill-Ministeru lil NGOs fuq bażi ad hoc , iżda jiġi amministrat permezz tal-Local Action Groups (LAGs), li huma sħubijiet lokali pubbliċi-privati magħżula sabiex jimplimentaw Local Development Strategies (LDS) għat-territorji rispettivi tagħhom. Dawn l-istrateġiji jidentifikaw il-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tat-territorju u jwasslu għal sejħiet għal proposti skont il-miżuri, il-kriterji ta’ eliġibbiltà u ta’ għażla u l-baġits approvati. B’dan il-mod, permezz ta’ LEADER jistgħu jiġu appoġġjati proġetti ta’ żvilupp rurali, fosthom inizjattivi relatati mal-wirt kulturali, l-ambjent, l-infrastruttura ekoloġika, l-innovazzjoni, l-intraprenditorija u l-promozzjoni tat-territorju. Fir-rigward tad-dettalji mitluba dwar il-benefiċjarji, l-għan u s-sena tal-finanzjament, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar il-benefiċjarji tal-fondi tal-Politika Agrikola Komuni hija ppubblikata mill-Aġenzija għall-Pagamenti Agrikoli u Rurali (ARPA) skont ir-rekwiżiti ta’ trasparenza previsti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea.

Finanzjament lill-NGOs

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4571, jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija fl-intier tagħha billi jippubblika lista tal-NGOs li rċevew finanzjament mill-Ministeru għal Għawdex fis-snin 2024, 2025 u 2026, bl-ammont u l-għan ta’ kull għotja, maqsuma sena b’sena?

Response (CAMILLERI, CLINT)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tiġi miġbura.

Proprjetajiet pubbliċi għall-użu ta’ NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3739 u 4464 u jelenka l-proprjetajiet pubbliċi mogħtija għall-użu ta’ NGOs taħt ir-responsabbiltà tiegħu, u jispeċifika l-NGO, l-użu u l-kundizzjonijiet ta’ kull ftehim?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3738 u 4463 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, minn żmien għal żmien, il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħtu, joħorġu skemi ta’ assistenza jew sejħiet għal proġetti li minnhom ikunu jistgħu jibbenefikaw l-NGOs. Fost dawn wieħed jista’ jsemmi l-Iskema ta’ Assistenza taħt il-Fond tal-Iżvilupp Sostenibbli, l-iskemi intiżi għal inizjattivi favur użu aktar effiċjenti tal-enerġija kif maħruġa mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma, u skemi oħra fil-qasam tat-trattament xieraq tal-annimali li jipprovdu, fost l-oħrajn, għal titjib fil-faċilitajiet u servizzi veterinarji.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3737 u 4462 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, inklużi l-entitajiet li jaqgħu taħtu, u l-NGOs - l-aktar dawk li joperaw fil-qasam ambjentali - hija waħda soda u stabbilita. Fost l-aqwa eżempji ta’ din il-kollaborazzjoni wieħed jista’ jsemmi d-diversi ftehim ta’ sħubija li jkopru t-tmexxija ta’ siti protetti kif ukoll l-assistenza li tingħata f’inizjattivi ta’ afforestazzjoni, tħaddir,  edukazzjoni ambjentali u f’dik li hija kura u ħarsien tal-annimali. L-NGOs li saret kollaborazzjoni magħhom huma Friends of the Earth Malta, Fondazzjoni Caritas Malta, Scout Association of Malta, Nature Trust Malta, Heritage Parks Federation, FOSAM/LOOP (Fondazzjoni għall-Opri Soċjali fl-Arċidjoċesi ta' Malta), Kaċċaturi San Ubertu, Malta Falconers Club, Birdlife Malta, Malta Beekeepers Association, Richmond Foundation, Hospice, Autism Parents Association, Mosta Girl Guides, Depiro Sports Club, AAA, Noah’s Ark, Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), Island Sanctuary, MSPCA, CSAF, CLAWS, RAR, Animal Guardians, Second Chance Horse u Our Rescue Malta.

Diretturi Ġenerali – Ħatriet u tul ta’ servizz

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 4137, jista’ l-Ministru jgħid meta ġie appuntat għall-ewwel darba kull wieħed mid-Diretturi Ġenerali li attwalment huma fil-kariga, u jekk ġiex sussegwentement riappuntat fil-kariga? Jista’ jgħid ukoll x’inhi l-proċedura segwita f’każ ta’ riappuntament?

Response (AZZOPARDI TANTI, KEITH)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra .

Persuni li jbatu mill-Glaucoma – Għajnuniet

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’għajnuna joffri l-Gvern fir-rigward ta’ min ibati mill-Glaucoma, inklużi spejjeż marbuta ma’ medikazzjoni u xiri ta’ mediċini?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-pazjenti dijanjostikati bil-glawkoma huma intitolati għal mediċini b’xejn taħt l-Iskeda V, u jistgħu jiġbruhom mill-ispiżerija tal-għażla tagħhom permezz tal-iskema POYC. Il-firxa ta’ mediċini disponibbli għal din il-kundizzjoni tiġi riveduta regolarment.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3732 u 4424 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (AGIUS GALEA, MALCOLM PAUL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru għandu numru ta’ skemi li minnhom jibbenefikaw numru kbir ta’ NGOs.  Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta’ NGOs li ġew mgħejjuna fl-aħħar sentejn.

Kollaborazzjoni ma’ NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3730 u 4422 u telenka l-NGOs li l-Ministeru qed jikkollabora magħhom u tispeċifika s-servizzi mogħtija minn kull waħda?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-Ministeru ġie ffurmat f’Ġunju tal-2026. Sa issa qed jikkollabora ma' LBGTIQ+ Gozo biex jipprovdu servizzi lill-komunità LBGTIQ+ u l-familjari tagħhom f'Għawdex.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 3729 u 4421 u tagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (CUTAJAR, ROSIANNE)

Il-Ministeru għal Ugwaljanza u Drittijiet Ċivili fil-ħidma tiegħu jikkollabora ma’ ħafna organizzazzjonijiet biex jaqdi l-missjoni tiegħu fis-soċjetà. Għaldaqstant, fis-snin imsemmija, il-Ministeru, id-dipartimenti u l-entitajiet marbuta miegħu għaddew fondi lil entitajiet mhux governattivi bħal: Malta Women's Lobby, TAMA, Malta Girl Guides Association, Fondazzjoni Saghtar, Friends of Thouret - Dar Hosea, The Good Shepherd Sisters - Dar Merħba Bik Foundation, SOS Malta, St Jeanne Antide Foundation, National Council of Women, Malta Chamber Foundation, Men Against Violence, KOPIN, CORE Platform, Allied Rainbow Communities, Malta LGBTIQ Rights Movement, LGBTI+ Gozo, Migration Policy Group, The Malta Foundation for Human Resources Development (FHRD) u oħrajn.

Użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-misotqsija parlamentari 4133 u telenka l-miżuri li qed jittieħdu mill-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha biex jitrażżan l-użu eċċessiv ta’ sors ta’ enerġija li tista’ tkun ta’ ħsara għall-ambjent? Tista’ telenka x’inċentivi qed jingħataw biex il-pubbliku jagħmel aktar użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir u l-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tiegħu qed jimplimentaw diversi miżuri sabiex tittejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, jitnaqqas il-konsum mhux meħtieġ u jiżdied l-użu ta’ sorsi ta’ enerġija nadifa. Fost l-aktar inizjattivi riċenti hemm EcoTrack, pjattaforma diġitali għall-gvern inġenerali mnedija mill-Awtorità għall-Azzjoni dwar il-Klima f’Settembru 2026 fil-qafas tal-inizjattiva tal-Gvern Leading by Example u b’appoġġ għall-Pjan Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECP). Il-pjattaforma tiċċentralizza data dwar il-konsum tal-elettriku u tal-ilma fil-binjiet pubbliċi, kif ukoll data relatata mal-flotta tal-vetturi tal-Gvern, sabiex l-entitajiet ikunu jistgħu jimmonitorjaw il-konsum tagħhom, iqabblu l-prestazzjoni u jidentifikaw fejn jistgħu jittieħdu miżuri ulterjuri ta’ effiċjenza. EcoTrack tinkludi wkoll gwida dwar l-effiċjenza fl-enerġija msejsa fuq iċ-ċiklu Plan-Do-Check-Act , li jintuża fi standards internazzjonali ta’ ġestjoni tal-enerġija u tal-ambjent. Din tipprovdi lill-entitajiet bi proċess strutturat sabiex jidentifikaw is-sorsi ewlenin tal-konsum u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jużaw l-enerġija u r-riżorsi b’mod aktar effiċjenti. Din il-ħidma hija kkumplimentata minn miżuri oħra li diġà qed jiġu implimentati mill-entitajiet fi ħdan il-Ministeru, fosthom l-installazzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi, dawl LED u sensuri, sistemi aktar effiċjenti tal-arja kkundizzjonata, solar film, ħġieġ doppju u insulazzjoni tas-soqfa, kontroll u monitoraġġ tal-konsum tal-enerġija, kif ukoll it-tiġdid gradwali tal-flotot permezz ta’ vetturi elettriċi. Qed jiġu implimentati wkoll sistemi formali ta’ ġestjoni ambjentali u tal-enerġija. F’dan il-kuntest, l-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti, l-impjanti tar-Reverse Osmosis tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u l-Enemed kisbu ċ-ċertifikazzjoni ISO 14001, filwaqt li Ambjent Malta għaddejja bit-tħejjijiet sabiex tikseb l-istess ċertifikazzjoni. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed timplimenta wkoll politika u sistema speċifika ta’ ġestjoni tal-enerġija, audits regolari u teknoloġiji biex jiġi ottimizzat it-tħaddim tal-impjanti tagħha. Fir-rigward tal-inċentivi għall-pubbliku, ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma jamministra diversi skemi li jappoġġjaw investiment f’enerġija rinnovabbli u effiċjenza enerġetika. Fost dawn, l-iskema tal-2026 għas-Sorsi ta’ Enerġija Rinnovabbli tipprovdi, fost oħrajn, għotja ta’ 65% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €3,000, għal sistema fotovoltajka b’inverter ibridu, filwaqt li għal sistema ta’ ħażna tal-enerġija fil-batteriji tingħata għotja ta’ 75% tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta’ €6,000, skont il-kundizzjonijiet tal-iskema. Hemm ukoll skemi ta’ għajnuna għal ħiters solari tal-ilma u ħiters tal-ilma bil-pompa tas-sħana, kif ukoll għal miżuri ta’ effiċjenza enerġetika bħall-insulazzjoni tas-soqfa u l-ħġieġ doppju. Barra minn hekk, l-iskema tal- feed-in tariff tħeġġeġ il-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli billi tippermetti lill-benefiċjarji eliġibbli jirċievu ħlas għall-elettriku prodott u esportat lejn in-network nazzjonali.

Finanzjament mogħti lil NGOs

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3751 u jagħti rendikont tal-finanzjament mogħti lil NGOs fl-aħħar sentejn, maqsum skont l-NGO, l-għan u s-sena?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari nru. 5075.