Ambaxxati – Bini li mhux proprjetà ta’ Malta — Kera
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid liema huma l-binjiet barra minn Malta li jservu bħala ambaxxata ta’ Malta u li mhumiex proprjetà tal-Istat Malti? Jista’ jgħid ukoll kemm hija l-kera jew xi ħlas ieħor li jitħallas għal kull waħda minn dawn l-ambaxxati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba dwar il-missjonijiet ta’ Malta barra l-pajjiż, tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – persons of trust
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm hemm persons of trust ingaġġati mal-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid ukoll x’inhu l-inkarigu, is-salarju, il-perkaċċi u l-allowances ta' kull wieħed u waħda minn dawn il-persons of trust?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persons of trust jiġu impjegati skont il-manwal li kopja tiegħu diġà tqiegħdet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid preżentement kemm hemm ambaxxaturi tematiċi (Thematic Ambassadors) appuntati mill-Istat Malti? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma li saret minn kull wieħed minn dawn l-ambaxxaturi tematiċi fis-snin 2023 u 2024 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent hemm għaxar Ambaxxaturi Tematiċi kif ukoll żewġ Mibgħuta Specjali li huma uffiċċjali għolja li jaħdmu wkoll fuq kwistjonijiet tematiċi b’referenza għat-tema speċifika li jkopru. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport tal-ħidma li saret minn kull wieħed/waħda minnhom matul l-2023 u l-2024.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Gifts register
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid jekk fil-Ministeru tiegħu jinżammx ‘gifts register’ bħala rendikont tar-rigali li jingħata l-Ministru u/jew l-uffiċjali fil-Ministeru tiegħu fi żjarat u laqgħat li jkollu l-Ministru u/jew l-uffiċjali tal-Ministeru ma’ terzi, kemm fil-pajjiż kif ukoll barra l-pajjiż? Jekk iva, jista’ jgħid kemm hemm items imniżżla f’dan ir-reġistru sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm hemm Ambaxxaturi residenti jirrappreżentaw lil Malta barra l-pajjiż u f’liema pajjiżi qegħdin?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista t’Ambaxxaturi residenti hija din li ġejja:
Numru
Isem u Kunjom
Pajjiż
1
E.T. Mario Farrugia Borg
L-Awstralja
2
E.T. Natasha Meli Daudey
L-Awstrija
3
E.T. Clint Tanti
Il-Belġju
4
E.T. John Joseph Aquilina
Il-Brażil
5
E.T. Mark Anthony Pace
Il-Kanada
6
E.T. John Busuttil
Iċ-Ċina
7
E.T. Roberto Pace
L-Eġittu
8
E.T. Ronald Micallef
L-Etjopja
9
E.T. Pierre Clive Agius
Franza
10
E.T. Giovanni Xuereb
Il-Ġermanja
11
E.T. Jean Claude Mallia
Il-Ghana
12
E.T. Joseph Cuschieri
Il-Greċja
13
E.T. Giovanni Buttigieg
L-Irlanda
14
E.T. Reuben Gauci
L-Indja
15
E.T. Cecilia Attard Pirotta
L-Iżrael
16
E.T. Daniel Azzopardi
L-Italja
17
E.T. André Spiteri
Il-Ġappun
18
E.T. George Said Zammit
Il-Kuwajt
19
E.T. Carmelo Saliba
Il-Libja
20
E.T. Marisa Farrugia
Il-Polonja
21
E.T. John Camilleri
Il-Portugal
22
E.T. Marlene Bonnici
Il-Belġju (UE)
23
E.T. Simon Pullicino
Il-Qatar
24
E.T. Carmelo Inguanez
Ir-Russja
25
E.T. Clive Aquilina Spagnol
L-Arabja Sawdija
26
E.T. Francesca Camilleri
Strasburgu (Kunsill tal-Ewropa)
27
E.T. Jeffrey Curmi
In-Netherlands
28
E.T. Emmanuel Mallia
Ir-Renju Unit
29
E.T. Godfrey Xuereb
L-Istati Uniti tal-Amerka
30
E.T. Maria Camilleri Calleja
L-Emirati Għarab Magħquda
31
E.T. Joseph Sammut
It-Tuneżija
32
E.T. Chris Grima
Ġinevra (Nazzjonijiet Magħquda)
33
E.T. Vanessa Frazier
New York (Nazzjonijiet Magħquda)
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm mill-Ambaxxaturi residenti li jirrappreżentaw lil Malta barra l-pajjiż, huma political appointees u kemm minnhom huma career diplomats?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru t’Ambaxxaturi residenti li huma "political appointees", hekk kif qed issejħilhom l-interpellant, huwa ta’ 21 filwaqt li hemm 12 -il Ambaxxatur li huma career diplomats.
Din hija prassi identika għal dak li seħħ fis-snin li għaddew. Pereżempju, fl-aħħar tal-2012, kellek ċirkostanza ta’ 24 Ambaxxatur residenti, li 15 minnhom kienu political appointees, 8 kienu career diplomats, u missjoni minnhom kienet immexxija minn Charge d’Affaires.
B'differenza għal dak li kien iseħħ fil-passat, illum dawk li jkunu nominati għal dawn il-karigi diplomatiċi qed ikunu skrutinjati mill-Parlament qabel jingħataw il-ħatra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati career diplomats bejn Jannar 2022 u Settembru 2024, maqsuma sena b’sena, u f'liema karigi jew nomenklaturi ġew impjegati?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru, n-numru ta’ career diplomats li ġew ingaġġati bejn Jannar 2022 u Settembru 2024, maqsuma sena b’sena, u f'liema karigi jew nomenklaturi huwa kif ġej:
Sena 2022 - 8 Second Secretaries
Sena 2023 - 8 Second Secretaries
Sena 2024 (sa Settembru 2024) – 5 Second Secretaries
Kunsilli għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta — Laqgħat
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret mill-Kunsilli għall-Maltin li Jgħixu Barra minn Malta fis-snin 2022, 2023 u 2024, maqsuma sena b’sena?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Kunsill għall-Maltin li jgħixu barra minn Malta ltaqa' f'Malta darba fl-2022, darba fl-2023 u ser jiltaqa' din is-sena fit-30 u l-31 ta' Ottubru.
L-Art. 6 (4) tal-Att XX tal-2011 jirrikjedi "Mill-inqas darba fis-sena, iċ-Chairman għandu jlaqqa’ seduta tal-Kunsill f’Malta li fiha jistieden il-membri kollha li jgħixu barra minn Malta biex jattendu u jipparteċipaw f’dik is-seduta.”
Jista’ l-Ministru jgħid jekk ingħatatx ordni lill-Pulizija illi meta jkunu jenħtieġu 'barriers' tal-Pulizija għal xi attività barra, bħalma hija festa, dawn il-barriers iridu jinġabru mill-Furjana minn min qiegħed jorganizza l-attività u wara jeħodhom lura?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi sussegwenti d-diskussjonijiet u ftehim bejn il-Pulizija u l-Għaqda Każini tal-Baned, għal attivitajiet esterni bħal festi, il-Pulizija ser tibqa’ tipprovdi barrikati mingħajr ħlas u fejn possibbli ġie provdut transport. Meta dan ma jkunx possibli dawn jinġabru mill-organiżżaturi mil-lok fejn huma maħżuna fil-Furjana u wara jiġu rritornati.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Lista ta’ Direct Orders
Question
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12175 u hekk kif mitlub mill-Ispeaker fis-seduta tas-16 ta’ Ottubru 2023, jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u l-valur ta’ kull direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ Direct Orders mogħtija mill-Ministeru minn Marzu 2022 sal-ġurnata li fiha ġiet imħejjija t-tweġiba.
Attachments:PQ 12709 - Direct Orders - March to December 2022.pdfPQ 12709 - Direct Orders - January to 22 October 2023.pdf
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Ambaxxatur/Konslu Malti għall-Ukrajna? Jekk iva, jista’ jgħid min hu? Jekk le, jista’ jgħid kemm ilha vakanti din il-pożizzjoni u għaliex ilha daqstant vakanti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Ambaxxatur Malti għall-Ukrajna huwa l-E.T. John Debono. L-Ambaxxatur m’huwiex residenti iżda bbażat Malta.
Malta għandha wkoll Konslu Onorarju ġewwa Kyiv, is-Sur Pavlo Mykolayovych Grechkivsky.
Din l-informazzjoni hija anke aċċessibli fuq is-sit elettroniku tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ - https://consularplus.gov.mt/travel-advice/e02d8937-e31a-13cc-17c1-f4a9c5b3ddd6/2?lang=en
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Contracting Authority tippubblika din l-informazzjoni fuq il-Gazzetta tal-Gvern għal kull procurement li jsir għal kull perjodu ta’ sitt xhur, skont ir-Regolament 111(2) tal-Public Procurement Regulations.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ – Lista ta’ Direct Orders
Question
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu minn Marzu 2022, sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari, u l-valur ta’ kull direct order?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 12174 tal-istess Seduta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’laqgħat li huwa kellu fis-Saudi Arabia f’Settembru li għadda, qajjimx il-materja tal-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem mis-Saudi Arabia, b’mod partikolari in vista tal-qtil tal-ġurnalista li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (BORG, IAN)
Il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem huwa wieħed mill-pilastri tal-politika barranija tal-Unjoni Ewropea. F’dan il-kuntest ninforma lill-Onor. Interpellant li f’kull laqgħa uffiċjali li jkolli barra mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, dejjem nara li jkun inkluż punt fuq l-aġenda dwar ir-relazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea ma’ dak il-pajjiż. Dan l-eżerċizzju sar ukoll għal laqgħa li qed jagħmel referenza għalija l-Onor. Interpellant.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji qabel ittieħdet id-deċiżjoni sabiex tiġi mblukkata/ostakolata b'mod permanenti tieqa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, bil-konsegwenza li dawl naturali li sa llum seta’ jidħol minn tali tieqa, issa mhux se jkun possibbli iktar? Jekk fil-fatt saru studji, jista’ jgħid meta saru dawn l-istudji, minn min saru tali studji kif ukoll ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn l-istudji?
Response (BONNICI, OWEN)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra press statement li ħarġet il-Fondazzjoni tal-konkatidral ta’ San Ġwann datata s-Sibt li għadda.
Jista’ l-Ministru jikkonferma illi l-persuna, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li kienet iffirmat memorandum of understanding għan-nom tal-kumpanija, li d-dettalji dwarha wkoll qed jintbagħtu separatament ukoll, għandhiex ċittadinanza Maltija? Jekk fl-affermattiv, jista’ jikkonferma li sabiex hija ngħatat iċ-ċittadinanza Maltija ħallset dak kollu dovut lill-Istat Malti sabiex akkwistat tali ċittadinanza u ma kien hemm ebda 'waiver' ta' tariffi, obbligazzjonijiet u ħlasijiet dovuti?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija fil-Mistoqsija Parlamentari hija Ċittadin Malti kif ukoll li tħallsu d-drittijiet dovuti bħal kull applikazzjoni oħra.
Search and Rescue Area ta’ Malta – talbiet għal għajnuna
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm talbiet għal għajnuna fis-Search and Rescue Area ta’ Malta mill-1 ta Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Infurmat illi fil-perjodu msemmi kien hemm disgħa u sittin (69) notifika fiż-żona ta’ tiftix u salvataġġ ta’ Malta. Dawn jinkludu każijiet ta' għawwiema, tfittxija għal persuni nieqsa, bastimenti inkluż tas-sajd, rapporti ta' flares, rapporti ta' immigrazzjoni irregolari u anke rapporti li rriżultaw foloz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta' vjolenza domestika mill-1 ta Jannar 2023 sal-ġurnata li fiha tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmati illi mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Mejju 2023 il-Pulizija rċeviet seba’ mija u tmienja u disgħin (798) rapport ta' vjolenza domestika.