Jista’ l-Ministru jikkonferma li għad hemm ċelel fil-ħabs li sal-lum m’għandhomx flushing u jintuża barmil ilma biex jitnaddaf it-toilet? Jekk fl-affermattiv, kemm hemm ċelel f’dan l-istat u f’liema diviżjoni qegħdin?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Kif jaf tajjeb ħafna l-Onorevoli interpellant, ladarba kellu tali responsabbiltà jew simili meta kien Assistent Parlamentari fi ħdan il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, din il-problema ilha tkarkar u ġiet iffaċċjata minn kull amministrazzjoni fl-aħħar snin. Għalkemm tipprova tingħata l-istampa li l-problema tieqaf mal-flushings, fil-verità nifhem li jeżistu problemi loġistiċi u strutturali f’dawk iċ-ċelel li jaqgħu fil-parti l-antika tal-Faċilità Korrettiva. Minbarra kwistjonijiet infrastrutturali, hemm oħrajn bħal fejn se jitpoġġew il-priġunieri waqt li jkun għaddej ix-xogħol inkwistjoni. Dan il-Gvern hu impenjat li jindirizza dawn il-problemi. Għal din ir-raġuni qed isiru l-evalwazzjonijiet ta’ kif dan jista’ jsir.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm psikoloġi li huma ngaġġati sabiex jassistu lill-persuni li jinsabu fil-ħabs?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Fil-preżent il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qed tħaddem 4 Psychology Assistants full time taħt is-superviżjoni ta’ Principal Forensic Psychologist li tagħti numru ta’ sigħat ta’ servizz. Flimkien ma’ dawn il-Faċilità timpjega wkoll Psychology Assistant, part-time, b’warrant ta’ counsellor. Fil-preżent għaddej ukoll proċess ta’ reklutaġġ ta’ iktar Psychology Assistants.
Il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin qiegħda wkoll fi ftehim mad-Dipartiment tas-Saħħa fejn żewġ Psikoloġi minn dan id-dipartiment jagħtu numru ta’ sigħat ta’ servizz lill-Faċilità.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nħarġu jivvotaw mill-Ħabs ta’ Kordin u minn postijiet ta’ detenzjoni oħra għall-Elezzjoni Ġenerali tat-3 ta’ Ġunju 2017? Jista’ jgħid f’liema distrett ittieħed kull priġunier biex jivvota?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ priġunieri li vvutaw kien ta’ 126 u dawn kienu mqassma b’dan il-mod:
Distrett 1 – 24
Distrett 2 – 15
Distrett 3 - 7
Distrett 4 – 11
Distrett 5 – 9
Distrett 6 – 14
Distrett 7 – 6
Distrett 8 – 11
Distrett 9 – 6
Distrett 10 – 5
Distrett 11 – 4
Distrett 12 – 8
Distrett 13 – 6
Ħabs – lista ta’ uffiċjali li akkumpanjaw lil detenuti tal-Ħabs — votazzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-uffiċjali tal-ħabs li akkumpanjaw lid-detenuti tal-ħabs biex imorru jivvotaw fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li 33 Uffiċjal akkumpanjaw lid-detenuti tal-ħabs biex imorru jivvotaw fl-elezzjoni tat-3 ta’ Ġunju 2017
Jista’ l-Ministru jelenka n-nazzjonalitajiet tal-ħabsin fil-31 ta’ Awwissu 2017 u kemm kien hemm persuni minn kull nazzjonalità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba tinsab fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Nota: id-data fil-qiegħ tad-dokument tindika d-29 ta’ Settembru, biss dik hija d-data ta’ meta ġie pprintjat id-dokument. Il-lista tirreferi għall-31 t’Awwissu.
Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm hemm żgħażagħ taħt il-25 sena fil-ħabs? Kemm minnhom huma ssentenzjati u kemm minnnhom għadhom għaddejjin bi proċeduri l-Qorti?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi nhar id-29 ta’ Settembru 2017 kien hemm total ta’ 70 priġunier żagħżugħ taħt il-25 sena, li minnhom kien hemm:
31 taħt arrrest preventiv
39 qed jiskontaw sentenza
Persuni mressqa l-Qorti akkużati li qegħdin fil-pajjiż mingħajr il-permessi meħtieġa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tressqu nies il-Qorti akkużati li kienu fil-pajjiż mingħajr il-permessi meħtieġa skont il-liġi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi persuni ta pajjizi terzi li jkunu Malta minghajr il-permessi mehtiega, ma jitressqux il-Qorti, peress li dan mhux reat kriminali skond il-provedimenti tal-Att 23 li jemenda il Kap 217 dwar l-Immigrazzjoni. Madankollu persuni ta' pajjizi terzi li jinstabu minghajr il-permessi mehtiega, tinhargilhom ordni tat-tnehhija biex dawn il-persuni jitnehhew minn Malta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba instab inbid fil-pussess ta’ priġunieri fil-ħabs mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jgħid meta saru dawn is-sejbiet u f’liema diviżjoni tal-ħabs saru dawn is-sejbiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi saru tliet sejbiet ta’ nbid fil-ħabs. Għal raġunijiet ta’ sigurta, mhux għaqli li jingħataw aktar dettalji. Dan l-abbuż mhuwiex tollerabli u lanqas ma hu abbuż l twettaq biss riċentament.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jkun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba nstabu siringi ġewwa l-ħabs fil-perjodu bejn l-1 ta Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017, f’liema dati nstabu u f’liema diviżjoni?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 instabet siringa waħda. Dan l-abbuż mhux tollerabli u lanqas ma hu abbuż li twettaq biss riċentament.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw dettalji dwar f’liema diviżjoni din instabet.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il każ ta’ sejba ta’ kokaina kien hemm fil-ħabs? Jista’ l Ministru jgħid kemm-il każ ta’ sejba ta’ kokaina kien hemm ġewwa l-ħabs fil-perjodu bejn l-1 ta Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jipprovdi d-dati ta’ dawn is-sejbiet u f’liema diviżjoni saru dawn is-sejbiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi matul din is-sena kien hemm każ wieħed fejn instabet sustanza suspettata droga kokaina. Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw dettalji dwar f’liema diviżjoni din instabet.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant illi dan l-abbuż mhux xi ħaġa riċenti imma ilu għaddej għal għexieren ta’ snin.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm priġunieri fil-ħabs li sarulhom testijiet għad-droga fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? Jista’ jgħid kemm priġunieri li fuqhom sar it-test għad-droga rriżultaw fil-pożittiv wara dawn it-testijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar u l-31 ta’ Awwissu 2017 saru 1262 test fuq priġunieri li minnhom kien hemm 66 test li rriżultaw fil-pożittiv.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru sejbiet ta’ drogi sintetiċi ġewwa l-ħabs, fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017? F’liema dati saru dawn is-sejbiet u f’liema diviżjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar sal-31 t’Awwissu kien hemm 32 każ fejn instabet sustanza suspettata droga sintetika.
Għal raġunijiet ta’ sigurtà, mhux għaqli li jingħataw aktar dettalji.
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant illi dan l-abbuż mhux xi ħaġa riċenti imma ilu għaddej għal għexieren ta’ snin.
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul is-sena 2018 se jun hemm bidla totali fis-sistema tas-sigurta’ tal-ħabs. Fil-preżent qed jitqabbdu esperti fis-sigurta’.
Persuni li għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom
Question
Jista’ l-Ministru jgħid bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kemm kien hemm persuni li kienu għaddejjin proċeduri kriminali kontra tagħhom fil-Qorti, imma li ntilfet it-traċċa tagħhom u llum il-pulizija ma tafx fejn huma minkejja li l-proċeduri fil-Qorti għadhom ma ntemmux
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, mill-proċeduri kriminali li ġew mgħajta bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017, u li wħud minnhom ilhom għaddejjin snin fil-Qrati, ħames mija u disgħa u tmenin (589) persuna ntilfu t-traċċi tagħhom minkejja li l-proċeduri fil-Qorti għadhom ma ntemmux. Dawn fil-maġġoranza jinkludu persuni li kienu għaddejjin proċeduri f'seduti, speċjalment dawk tal-ALE li jsiru regolari kull ġimgħa.
Għases – xogħlijiet ta’ manutenzjoni, tiswija u/jew immodernizzar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid f’liema għases sar xi xogħol ta’ manutenzjoni tiswija u/jew modernizzar u kemm kienet l-ispiża f'kull waħda minn dawn l-għases bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi hija l-prassi tal-Korp tal-Pulizija li manutenzjoni, tiswijiet jew modernizzar, isir regolarment u kontinwament. Hekk sar fil-perjodu ta' bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Awwissu, ta' din is-sena. L-akbar xogħol li sar kien fl-Għases taż-Żejtun, ta' Birżebbuġa u ta’ Ħaż-Żabbar, f'liema għases sar xogħol ta’ tisbiħ u modernizzar estensiv. Fir-Rabat , Għawdex, il-Mosta, Raħal Ġdid u l-Imtarfa, barra minn manutenzjoni saru wkoll 'Interviewing Rooms'. Xogħol ieħor sar l-Imsida, l-Isla, Birkirkara, Raħal Ġdid, ĦaŻ-Żebbuġ, Ħal GĦaxaq u Ħal Qormi, Ħal Balzan, u l-Qawra, iż-Żurrrieq u l-Fgura. Ix-xogħol estensiv ta' manutenzjoni u tisbiħ għadu għaddej fl-Għassa ta' San Ġiljan. L-ispiża f'ħafna minn dawn l-Għases kienet konsiderevoli minħabba x-xogħol estensiv li sar fi wħud minnhom u oħrajn fejn ix-xogħol għadu għaddej kif jidher fit-tabella t'hawn taħt. Il-figuri li jidhru ħdejn kull għassa huwa approssimattiv għax mhux possibbli li jingħata ammont ta' spejjeż preċiż għal kull għassa. Ta’ min jgħid li kważi fl-għasses kollha, ix-xogħol sar “in house”.
Lokalità tal-Għassa
Ammont minfuq għax-xogħol li sar. (approssimattiv)
1
Isla
Euro 1,500
2
Msida
Euro 5,000
3
Żejtun
Euro 28,800
4
Żabbar
Euro 72,000
5
Birżebbuġa
Euro 65,000
6
Birkirkara
Euro 500
7
Raħal Ġdid
Euro 6,000
8
Mosta
Euro 3,500
9
Mtarfa
Euro 3,500
10
Rabat, GĦawdex
Euro 3,500
11
Żebbuġ
Euro 2,500
12
Għaxaq
Euro 700
13
Qormi
Euro 1,800
14
Balzan
Euro 1,200
15
San ĠIljan
Euro 1,300 (xoghol ikompli)
16
Qawra
Euro 800
17
Żurrieq
Euro 3,000
18
Fgura
Euro 120
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas f’overtime lill-pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 tħallsu €1,933,940.12 f’overtime lill-pulizija filwaqt li għall-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 tħallsu €2,140,909,45.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu f’extra duty il-pulizija fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 u fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Jannar 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li għall-perjodu ta’ tmien xhur bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u l-31 ta’ Awwissu 2016 tħallsu €2,142,428.50 f’exra duty filwaqt li għall-perjodu ta’ xahar bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Jannar 2017 tħallsu €308,203.16.