Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta’ Malta – ħlas ta’ arretrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li tħallas jew għandu jitħallas bħala arretrati lill-membri tal-Forzi Armati ta' Malta bħala konsegwenza tal-885 promozzjoni - ħafna minnhom backdated - li ngħataw fil-Forzi Armati fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta' Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Forzi Armati ta’ Malta – żieda fil-payroll

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’żieda kien hemm fil-payroll tal-Forzi Armati ta’ Malta konsegwenza tal-885 promozzjoni li ngħataw fil-perjodu mill-1 ta’ Mejju 2017 sat-2 ta’ Ġunju 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 1601, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li ż-żieda fil-payroll, b’konsegwenza tal-promozzjonijiet li ngħataw fil-perjodu msemmi, hi ta’ €25,075, dawn jinkludu każi ta’ inġustizji li ġew riżolti fl-aħħar xhur.

Priġunieri — parole

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm inmates li ħarġu mill-ħabs bil-parole mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017, 10 inmates ħarġu mill-ħabs bil-parole.

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili – inflatable rescue cushions

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili huwiex mgħammar b’inflatable rescue cushions sabiex jintużaw fl-eventwalità li persuna tkun se taqa’ jew taqbeż minn għoli minħabba emerġenza jew raġuni oħra?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi d-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu inflatable rescue cushion waħda u jumping sheet.

Korp tal-Pulizija – uffiċjali assenjati fil-Weapons’ Offices

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali li kienu assenjati fil-Weapons’ Office tal-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu mill-Korp fix-xahar ta’ Settembru 2017 u Ottubru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li ma rriżenja u ma telaq ebda uffiċjal li kien assenjat fil-Weapons’ Office tal-Korp tal-Pulizija fix-xhur ta’ Settembru 2017 u Ottubru 2017. L-uniku uffiċjal li m'għadux f'dan l-uffiċċju kien surġent li laħaq Spettur bi prova f'Ottubru.

Probation officers – każijiet ta’ individwi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid preżentament kemm każijiet għandhom il-probation officers ta’ individwi differenti afdati lilhom?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninformal lill-Onor. Interpellant illi preżentament id-Dipartiment tal-Probation & Parole qed isegwi numru komplessiv ta’ persuni li jammonta għal 1,025.

Il-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġia – rapporti lill-pulizija – vandaliżmu fuq proprjetà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti lill-Pulizija ta’ vandaliżmu fuq proprjetà privata fis-segwenti lokalitajiet: il-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa mill-1 ta’ Jannar 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi informazzjoni relatata ma’ vandaliżmu tidħol taħt it-titlu ta' ħsara volontarja, meta tiġi rrapurtata lill-pulizija u din tinkludi kemm il-ħsara fuq privat u dik pubblika flimkien. Matul il-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u t-30 ta’ Settembru 2017, fil-lokalitjiet indikati fil-mistoqsija, u ċioè l-Marsa, il-Ħamrun, San Pawl il-Baħar u Birżebbuġa, l-ammont ta' rapporti li kien hemm kien kif jidher fit-tabella t'hawn taħt: Locality Total cases reported Birżebbuġa 18 Ħamrun 23 Marsa 21 San Pawl il-Baħar 101

Neqfa f’pubbliċità

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa xahar b’xahar f'pubbliċità fil-mezzi tax-xandir inkluż stazzjonijiet tat-televiżjoni u radju, gazzetti, news portals u mezzi oħra fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi n-nefqa totali fuq pubbliċità fil-mezzi tax-xandir fil-perjodu mitlub kienet tammonta għal € 127,537.68.

Elenku tal-gazzetti, stazzjonijiet tat-televiżjoni, stazzjonijiet tar-radju jew media house

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra elenku tal-gazzetti, stazzjonijiet tat-televiżjoni, stazzjonijiet tar-radju jew media house li bbenefikaw minn reklamar u pubbliċità mill-Ministeru u jgħid kemm intefqu fuq kull gazzetta, stazzjon tar-radju, stazzjon tat-televiżjoni u media house?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fil-Mistoqsija tiegħu.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – żjarat barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il żjara għamel barra l-pajjiż fil-kwalità tiegħu ta’ Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali mill-4 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għamilt erba’(4) żjarat barra l-pajjiż fil-kwalità tiegħi ta’ Ministru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali mill-4 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – żjarat barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kienu ż-żjarat li għamel barra mill-pajjiż mill-5 ta’ Ġunju 2017 sat-30 ta’ Settembru 2017? Kemm kienet l-ispiża għal kull waħda miż-żjarat li għamel u minn min kienet komposta d-delegazzjoni li akkumpanjatu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bejn il-5 ta’ Ġunju u t-30 ta’ Settembru 2017 għamilt dawn iż-żjarat: 1. Estonja – (Informal Meeting of the Ministers of Justice and Home Affairs) 2. Tuniżija – (2nd Meeting of the Ministers of Interior of the Central Mediterranean Countries) 3. Estonja – (Informal EU Defence Ministers Meeting) 4. Belġju – (JHA Council Meeting) Qed nelenka l-ispiża għal kull waħda miż-żjarat: Vjaġġ Spiża (€) Estonja (żewġt iljieli) 12,693.61 Tuniżija (żewġt iljieli) 2,749.60 Estonja (żewġt iljieli) 7,010.64 Belġju (żewġt iljieli) 2,624.83 Dawn l-ammonti jinkludu biljetti tal-ajru, akkomodazzjoni u s-subsistence. Qed nelenka d-delegazzjoni għal kull żjara li saret: 1. Estonja – Hon. Minister, Chief of Staff, Communication Coordinator, Director Policy Development and Programme Implementation. 2. Tuniżija – Hon. Minister, Chief of Staff, Director Policy Development and Programme Implementation, Uffiċjal tal-AFM. 3. Estonja – Hon. Minister, Chief of Staff, Communication Coordinator, Director Defence Matters. 4. Belġju – Hon. Minister, Communication Coordinator, Director Policy Development and Programme Implementation.

Faċilità YOURS — residenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti ġewwa l-Faċilità YOURS xahar b’xahar mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Awwissu 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tinsab fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Faċilità YOURS – każijiet ta’ tfajliet

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li fil-perjodu bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Awwissu 2017 kien hemm każijiet ta’ tfajliet taħt l-età ta’ 16-il sena li spiċċaw fis-sezzjoni tan-nisa fil-ħabs stante li ma kienx hemm post għalihom fil-Faċilità YOURS?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi żewġ tfajliet taħt l-età ta’ 16-il sena ġew allokati f’diviżjoni separata mill-priġunieri l-oħra ġewwa Kordin sakemm intbagħtu l-YOURS.

Dipartiment tas-Sanità – Kċina tal-Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm viżti mid-Dipartiment tas-Sanità ġewwa l-kċina tal-ħabs matul din is-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ma sarux viżti (spezzjonijiet) mid-Dipartiment tas-Sanità ġewwa l-kċina tal-ħabs matul din is-sena 2017. Ta’ min isemmi li hemm pjan biex issir kċina ġdida u diġa tfasslu l-pjanti, inġiebu l-permessi u tlestew id-dokumenti neċessarji għat-tfassil tat-tender. Għaddejjin laqgħat mal-I.T.S. ħalli l-pjan tal-Ministeru li mhux biss ikun hemm kċina, imma tkun strutturata b’mod li jsir tagħlim fis-settur tal-catering lill- inmates ħalli meta joħorġu mill-ħabs ikollhom il-kwalifiki meħtieġa biex isibu mpjieg.

Ħabsin – każijiet ta’ Self Harm

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm jirriżulta li kien hemm każijiet ta’ self harm minn ħabsin fil-ħabs tul din is-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Mill-bidu ta’ din is-sena jirriżulta li kien hemm 74 każ ta’ self harm minn ħabsin. Fost dawn ma kienx hemm każijiet ta’ ġrieħi inflitti ta’ natura gravi.

Dipartiment tal-Probation u l-Parole – probation officers

Question

Jista’ l Ministru jgħid kemm hemm probation officers fil-mument li huma ingaġġati mad-Dipartiment tal-Probation u l-Parole fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b’kollox fid-Dipartiment tal-Probation u l-Parole hemm 4 Senior Probation Officers u 18-il Probation Officer.

Dipartiment tal-Probation u Parole – Victim liaison officers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm Victim Liaison Officers fid-Dipartiment tal Probation u l-Parole fi ħdan il-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Dipartiment tal-Probation u l-Parole jimpjega Victim Liaison Officer waħda hekk kif tirrikjedi l-Liġi tal-Ġustizzja Riparatriċi Kap 516.

Ħabsin ta’ nazzjonalità barranija ta’ inqas minn 25 sena jew inqas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħabsin ta’ nazzjonalità barranija li għandhom 25 sena jew inqas?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi hemm 45 priġunier ta’ nazzjonalità barranija li għandhom 25 sena jew inqas.

Ħabs ta’ Kordin – detenuti li għadhom mhumiex sentenzjati bil-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid illum kemm hemm detenuti fil-Ħabs ta’ Kordin li għadhom mhumiex issentenzjati bil-Qorti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi n-numru ta’ detenuti mhux sentenzjati skont statistika meħuda fid-29 ta’ Settembru 2017 kien ta’ 142.