Legislature:
Category:
Reset
Active:

Assistent Kummissarju tal-Pulizija – ittra tar-riżenja

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ittra tar-riżenja tal-Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament u li, skont il-mezzi tax-xandir, ġiet ippreżentata fit-2 ta’ Jannar 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ittra tar-riżenja tal-Assistent Kummissarju li d-dettalji dwaru ngħataw separatament, tifforma parti mill-file personali tieghu. Għaldaqstant mhux il-konswetudni u mhux prudenti li kopja tal-istess riżenja titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Vital Global Healthcare — ħlasijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset Vital Global Healthcare (VGH) minn meta ġie ffirmat il-kuntratt tagħha mal-Gvern ta’ Malta sal-lum sabiex topera l-Isptar ta’ Għawdex, l-Isptar San Luqa u l-Isptar Karin Grech?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3310.

Vital Global Healthcare – bini ta’ skola medika f’Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li Vital Global Healthcare (VGH) naqset li tibni skola medika ġewwa Għawdex fiż-żmien stipulat fil-kuntratt iffirmat bejnha u l-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu kontra l-istess kumpanija, inkluż passi legali, biex jindirizzaw dan in-nuqqas u jiġu salvagwardati l-interessi tal Gvern li qed jaġixxi f'isem il-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudenti tal-iskola medika ta’ Barts bdew jingħataw it-taħriġ tagħhom f’Għawdex mill-bidu ta’ din is-sena skolastika. Ninfurmah ukoll li l-permessi mill-Awtorità tal-Ippjanar għall-bini tal-iskola medika ġdida ħarġu f’Marzu tal-2017 u x-xogħol beda fil-ġranet ta’ wara.

Vital Global Healthcare – żieda ta’ sodod fl-Isptar Karin Grech u Sptar San Luqa

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li Vital Global Healthcare (VGH) naqset li żżid 50 sodda ġewwa l-Isptar Karin Grech u l-Isptar San Luqa sal-1 ta’ Jannar 2017 minkejja li skont il-kuntratt li ffirmat mal-Gvern ta' Malta, VGH kienet marbuta li tipprovdi għal dawn iż-żidiet? Jista’ jikkonferma wkoll li Vital Global Healthcare naqset li żżid 80 sodda ta’ rijabilitazzjoni ġewwa l-Isptar San Luqa sat 30 ta’ Settembru 2017 u dan skont il-kuntratt iffirmat minnha mal-Gvern Malti? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid x'passi ttieħdu kontra l-istess kumpanija, inkluż passi legali, biex jindirizzaw dan in-nuqqas u jiġu salvagwardjati l-interessi tal-Gvern li qed jaġixxi f'isem il-poplu?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kuntratt bejn il-Gvern u l-konċessjonarju, ż-żieda fin-numru ta’ sodod sad-dati msemmija kienet marbuta mal-ħruġ ta’ permessi u liċenzji relattivi sa dati speċifiċi. Il-Gvern fi kwalunkwe każ jirriserva d-drittijiet tiegħu skont it-termini tal-kuntratti relattivi.

Pulizija – Azzjoni kontra Persuni akkużati bi vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-pulizija huma obbligati bil-liġi li jipproċedu kriminalment kontra persuna li fil-konfront tagħha jkun sar rapport ta’ vjolenza domestika, minkejja li min ikun għamel ir-rapport ikun jixtieq li jirtira dak ir-rapport?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li kif jaf l-Onor. Interpellant, ir-reati ta' vjolenza domestika huma regolati minn liġijiet speċifiċi u għaldaqstant il-pulizija ser timxi kriminalment skond l-obbligi u mal-provvedimenti relatati ma' dawn il-liġijiet, speċifikament dak li hemm provdut fl-artiklu 543(e) tal-Kap 9 fejn il Pulizija tipproċedi ex officio, kif ghandhom id-dover li jagħmlu, kontra kull persuna suspetta, għal reati ta' din ix-xorta.

Pulizija – pulizija li telqu mill-korp qabel il-25 sena servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm pulizija li telqu mill-Korp tal-Pulizija fis-sena 2017 minkejja li ma kenux għadhom għamlu l-25 sena servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2017, spiċċaw 24 membru tal-Korp illi kienu għadhom m’għamlux ħamsa u għoxrin (25) sena servizz.

Forzi Armati ta’ Malta – suldati li telqu qabel il-25 sena servizz

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm suldati li telqu mill-Forzi Armati ta’ Malta fis-sena 2017 minkejja li ma kenux għadhom għamlu l-25 sena servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li 60 membru telqu mill-Forzi Armati ta’ Malta fis-sena 2017 minkejja li ma kenux għadhom għamlu l-25 sena servizz. Ninfurmah illi minn dan it-total, 24 kienu rekluti.

Garaxx tal-Pulizija – rendikont tal-ispejjeż

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ispejjeż kollha li saru mill-garaxx tal-pulizija fis-sena 2017 f’xiri ta’ spare parts għall-vetturi tal-istess pulizija?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta' spejjeż li saru mill-garaxx tal-pulizija f’xiri ta’ spare parts għall-vetturi tal-pulizija fis-sena 2017 kien ta' €285,310.

Vetturi tal-pulizija skreppjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vetturi tal-pulizija li ġew skreppjati u ma baqgħux fis-servizz fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi matul is-sena 2017 kien hemm 20 vettura tal-pulizija li ġiet skrappjata u ma baqgħetx fis-servizz.

Għases tal-Pulizija – xogħol ta’ manutenzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-għases tal-pulizija li se jsir xogħol ta’ manutenzjoni u rinovazzjoni fihom fis-sena 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-għases tal-pulizija fejn se jsir xogħol ta’ manutenzjoni u rinovazzjoni fihom fis-sena 2018 huma l-Għasses ta’ : B’Kara Belt Valletta Bormla Ċirkewwa Fgura Furjana Gżasri, Għawdex Ħad-Dingli Ħal Balzan Ħamrun Naxxar Qawra Raħal Ġdid San Ġiljan San Pawl il-Baħar Sliema Żurrieq

Pulizija – Rapporti ta’ vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm rapporti ta’ vjolenza domestika saru lill-pulizija fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta’ Jannar 2017 u l-31 ta’ Diċembru 2017, il-pulizija rreġistrat 1,257 każ ta’ vjolenza domestika.

Pulizija – persuni akkużati bi vjolenza domestika

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet kriminali li nbdew mill-pulizija kontra persuni akkużati bi vjolenza domestika fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li għalkemm it-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata, verifiki manwali juru li kien hemm 1,204 każi kriminali li nbdew mill-pulizija kontra persuni akkużati bi vjolenza domestika fis-sena 2017.

Rapporti ta’ vjolenza domestika fuq nisa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika minn persuni tas-sess femminili fil-konfront ta’ persuni tas-sess maskili fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant ma’ tinżammx taħt forma ta’ statistika. Madankollu n-numru ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika ta' persuni tas-sess femminil reġistrati mal-Pulizija matul is-sena 2017, kien jammonta għal 1,064.

Rapporti ta’ vjolenza domestika fuq irġiel

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta’ vjolenza domestika minn persuni tas-sess maskili fil-konfront ta’ persuni tas-sess femminili fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant ma’ tinżammx taħt forma ta’ statistika. Madankollu n-numru ta’ vittmi ta’ vjolenza domestika ta' persuni tas-sess maskil reġistrati mal-Pulizija matul is-sena 2017, kien jammonta għal 333.

Rapporti ta’ vjolenza domestika minn minuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm rapporti dwar vjolenza domestika saru minn minuri fis-sena 2017?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi nformazzjoni dwar ammont ta' rapporti dwar vjolenza domestika li saru minn minuri ma’ tinżammx taħt forma ta’ statistika. Dan peress li meta jidħlu minuri hemm ċirkostanzi, fejn ir-rapport lill-pulizija jsir minn terzi persuni f’isimhom. Mill-informazzjoni rreġistrata, fis-sena 2017 kien hemm 72 persuna ta’ taħt it-tmintax-il sena, li ġew reġistrati bħala vittmi ta’ vjolenza domestika.

Pulizija — Ħatra ta’ Assistent Kummissarju tal-Pulizija ġdid

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinħatar Assistent Kummissarju tal-Pulizija ġdid biex jieħu post l-Assistent Kummissarju tal-Pulizija li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li rriżenja fit-2 ta’ Jannar 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li huwa l-ħsieb tal-Amministrazzjoni tal-Korp li timla l-post tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija li rriżenja u li ddetalji tiegħu ngħataw separatament.

Sustanza ta’ droga sintetika fil-ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fix-xahar ta’ Ottubru 2017 kienx hemm stanzi fejn inqabdet sustanza ta’ droga sintetika li kienet se tiddaħħal/ddaħlet ġewwa l-ħabs? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid meta kienet il-ġurnata meta fil-fatt instabet din is-sustanza? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid jekk is-sustanza instabitx fil-pussess ta’ priġunier u/jew fil-pussess ta’ persuna li kienet qiegħda tagħmel viżta fil-ħabs? Jekk is-sustanza nstabet fuq il-persuna li kienet qed tagħmel viżta fil-ħabs, jista jgħid x’passi ttieħdu kontra din il-persuna? Jekk is-sustanza nstabet fil-pussess ta’ priġunier, jista’ jgħid x’passi ttieħdu kontra dan il-priġunier?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fix-xahar t’Ottubru kien hemm 11-il każ fejn instabet sustanza suspettata droga sintetika li kienet se tiddaħħal/iddaħħlet ġewwa l-ħabs Fejn ikun hemm sejba ta’ droga, kemm fil-każ ta’ priġunieri kif ukoll ta’ viżitaturi, jiġu msejħa l-pulizija għall-investigazzjoni. Dawn imexxu l-investigazzjoni tagħhom. Fil-każ li priġunier jinstab fil-pussess ta’ sustanza suspettuża, bħala prekawzjoni u prevenzjoni, dan jintbagħat b’mod temporanju f’diviżjoni separata bħala miżura ta’ sigurtà u prevenzjoni. Dan kollu jiġi rrappurtat u jinfetaħ każ ta’ dixxiplina kontra l-priġunier, imma ma jitteħdux passi kontrih sakemm tasal il-konferma rigward is-sustanza. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li tkun illegali, il-pulizija jibdew proċeduri kriminali u jiġi spjegat dan fil-file tar-rapport. F’każ li s-sustanza suspettuża tiġi kkonfermata li mhix illegali, jittieħdu passi ta’ dixxiplina kontra il-priġunier minħabba li kien f’pussess ta’ oġġett mhux permess li jkollu fil-Faċilità.

Korp tal-Pulizija – membri li telqu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri fil-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu mill-Korp matul ix-xahar ta’ Ġunju 2017, Lulju 2017, Awwissu 2017, u Settembru 2017? Jista’ jgħid kemm minn dawn li telqu, ma kenux għadhom għalqu l-25 sena servizz?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi fix-xhur ta' Ġunju 2017, Lulju 2017, Awwissu 2017, u Settembru 2017 kien hemm ħamsa u għoxrin (25) membru fil-Korp tal-Pulizija li rriżenjaw u telqu wara li servew aktar minn ħamsa u għoxrin (25) sena servizz. Fl-istess perjodu tnax (12)-il membru tal-Korp telqu meta ma kienux għadhom għalqu l-ħamsa u għoxrin (25) sena servizz. Dettalji xahar b'xahar jidhru fit-tabelli li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Korp tal-Pulizija – ingaġġ ta’ membri part-timers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istrateġija tal-Korp tal-Pulizija f’dak li għandu x’jaqsam l-ingaġġ ta’ part-timers bħala membri tal-Korp? Jista’ jgħid jekk sarx xi studju jew rapport li jiġġustifika l-ingaġġ ta’ part-timers minflok full-timers bħala pulizija fil-Korp? Jekk fl-affermattiv, jista’ jippreżenta tali studju jew rapport?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-ingaġġ ta' part-timers bħala membri tal-Korp, jew aħjar pulizija ta' riżerva ġie msaħħaħ tard fis-sena 2013. L-ingaġġ ta' pulizija ta' riżerva hu ta' vantaġġ għall-Korp għaliex dan jipprovdi għall-ammont ta' uffiċċjali li kienu diġà mħarrġa u kapaċi li jagħmlu xogħol f'diversi sezzjonijiet tal-Korp, kif fil-fatt qed isir. Għaldaqsant, minħabba dawn il-vantaġġi din is-sistema għadha tiġi mħaddma sallum.

Direttur tal-Ħabs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid hekk huwiex minnu li d-Direttur tal-Ħabs se jinbidel fil-ġimgħat li ġejjin? Jekk fl-affermattiv, min se jkun id-direttur il-ġdid?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi wara li rriżenja d-Direttur preċedent, qed isiru l-arranġamenti sabiex jinħatar Direttur ieħor fi żmien qasir.