Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 – mistiedna
Question
Jista’ jgħid min kienu l-mistiedna għat-tnedija tal-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-mistiedna għat-tnedija tal-Malta Police Transformation Strategy 2020-2025 kienu l-Kummissarju u membri oħra tal-Korp f’diversi rankijiet u funzjonijiet kif ukoll xi uffiċjali ċivili mill-istess dipartiment; il-Ministru u s-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi u xi Uffiċjali mill-istess Ministeru; is-Segretarju Permanenti Ewlieni u xi Segretarji Permanenti oħra; il-Membri tal-Bord tal-Governanza tal-Korp tal-Pulizija; Konsulenti li ħadmu fuq l-istrateġija; il-Kmandant tal-Akkademija tal-Forzi Dixxiplinati; il-Kummissarju għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza; il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta; il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi; id-Direttur Ġenerali tal-Protezzjoni Ċivili; il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija għall-Infurzar Lokali; Uffiċjali mill-Università ta’ Malta; id-Direttur tal-Victim Support; il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u l-President tal-Istitut tal-Ġurnalisti.
Kienet ix-xewqa li jkunu mistiedna ikatar persuni iżda minħabba r-restrizzjonijiet tal-Covid-19 ma kienx possibli.
Tfassil tad-dokument Malta Police Force Transformation strategy 2020-2025 – konsulenti ingaġġati minn barra l-Korp
Question
Jista’ l-Ministru jgħid ġewx ingaġġati konsulenti minn barra l-Korp sabiex jitfassal id-dokument Malta Police Force Transformation Strategy 2020-2025 u jekk fl-affermattiv min kienu dawn il-konsulenti u kemm tħallsu għax-xogħol li għamlu?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-arranġamenti kollha biex ġew ingaġġati konsulenti sabiex jitfassal id-dokument Malta Police Force Transformation Strategy 2020-2025, sar permezz ta’ fondi mid-Directorate-General for Structural Reform Support (DG Reform) tal-Kummissjoni Ewropea. Dan wara li l-Korp għamel talba għall-assistenza u din ġiet milqugħa. Il-konsulenti kienu minn Price Waterhouse Cooper, li ġew imqabbda mill-istess Direttotrat tal-UE u għalhekk ma hemmx dettalji ta’ kemm dawn tħallsu għax-xogħol li għamlu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm vetturi ġodda li żżanżnu fil-Korp tal-Pulizija fl-ewwel 9 xhur tas-sena 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena l-Korp xtara wieħed u għoxrin (21) vettura ġdida, li ġew imqassma għall-użu tal-Pulizija fid-Distretti.
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-ispiża fis-sistemi tal-IT fil-Korp tal-Pulizija fl-ewwel 9 xhur tas sena 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-ispiża fis-sistemi tal-IT fil-Korp tal-Pulizija fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, kien ta’ madwar żewġ miljuni, erba’ mija u sitta u sittin elf ewro (€2,466,000).
Jista’ l-Ministru jgħid kif qed titħaddem is-sistema fejn id-direttur tal-ħabs jiddeskrivi bħala għoti ta’ privileġġi għal min iġib ruħu sew fil-ħabs u t-teħid tal-istess privileġġi jekk persuna ma ġġibx ruħha sew? Jista’ jgħid hemmx regoli u protokolli ċari u miktuba kif din is-sistema taħdem u jekk iva jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dawn?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din hija sistema li titħaddem skont il-liġi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq irrappurtati lill-Pulizija mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi l-ammont ta’ każijiet ta’ serq irrappurtati lill-Pulizija f’Malta u Għawdex mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-aħħar ta’ Settembru 2020, kien ta’ tlett elef, ħames mija u sitta u għoxrin (3,526) każ
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ stupru mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti li rċevew il-Pulizija dwar stupru, bejn l-ewwel ta’ Jannar u t-tletin ta’ Settembru 2020, kien ta’ għaxar (10) każi.
Birkirkara, Iklin, Lija u Balzan – każijiet ta’ serq
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ serq ġewwa Birkirkara, Iklin, Lija u Balzan mill-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta' Settembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ każijiet ta’ serq li ġew irraportati fil-lokalitajiet indikati mill-Onorevoli Interpellant fil-perjodu tal-1 ta’ Jannar 2020 sat-30 ta' Settembru 2020 kien kif jidher fit-tabella t’hawn taħt:
Lokalità
Balzan
Birkirkara
Iklin
Lija
Ammont
18
133
14
4
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm każijiet ta’ hold ups rrappurtati mill-1 ta’ Jannar 2020 sat 30 ta’ Settembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti li rċeviet il-Pulizija dwar każi ta’ hold ups bejn l-ewwel ta’ Jannar 2020 u t-tletin ta’ Settembru 2020, kien jammonta għal tnejn u tletin (32) każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm rapporti ta’ ħruq ta' karozzi mill-1 ta' Jannar 2020 sat-30 ta’ Settembru 2020?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ rapporti li rċeviet il-Pulizija dwar ħruq ta' karozzi, bejn l-ewwel ta’ Jannar 2020 u t-tletin ta’ Settembru 2020, kien jammonta għal sittin (60) każ.
Jista’ l-Ministru jgħid tlestiex l-iskrutinju tal-inkjesta ta’ mwiet fil-ħabs li kien wiegħed li ser jagħmel fil-11 ta’ Settembru 2020? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid lil dan il-Parlament x’irriżulta minn dan l-iskrutinju?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex minnu li hemm gwardjani tal-ħabs li għandhom ordnijiet stretti fil-konfront tagħhom, li ma għandhomx iservu f'xogħolhom fil- Ħabs Ċivili ta’ Kordin?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kull Uffiċjal Korrettiv mitlub jagħti s-servizz tiegħu lejn L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi dejjem skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm gwardjani tal-ħabs li rriżultaw pożittiv għal COVID-19 minn meta faqqgħet il-pandemija?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninsab infurmat illi jirriżulta li kien hemm 11-il Uffiċjal Korrettiv pożittiv sa issa. Sakemm qed tintbagħat din it-tweġiba, m’hemm ħadd li jinsab pożittiv.
AFM – membri li temmew l-impjieg qabel ma għalqu l-25 sena servizz
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Forzi Armati ta' Malta mis-sena 2013 sal-lum li temmew l-ingaġġ tagħhom fil-Forza qabel ma għalqu 25 sena servizz? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn li hekk temmew l-ingaġġ tagħhom fl-Armata ġew ingaġġati f’xi korp dixxiplinat ieħor fil-pajjiż?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 16108, l-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-mistoqsija qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt:
2013 - 2020
Discharge Type
Officers
Other Ranks
Resignations (Officers) / Discharged by purchase / free at option point / free after 16 years of service
10 (2 x re-enlisted in the AFM)
303 (26 x re-enlisted in the AFM)
Discharged on Medical Grounds
-
35
Discharged in the Interest of the Service
2
31
B’referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-informazzjoni ser tkun qiegħda tingħata f’seduta oħra.
Diretturi u Assistenti Diretturi tas-servizz pubbliku – performance bonus
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex id-diretturi u assistenti diretturi li jaħdmu fis-Servizz Pubbliku llum ma tħallsux il-performance bonus imwiegħed lilhom f’Diċembru 2019 u jgħid ukoll meta huwa ppjanat li jiġi mħallas dan il-performance bonus?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab infurmat li l-aħħar perjodu li għalih ingħata performance bonus ikopri x-xhur ta’ bejn Lulju u Diċembru 2019. Informat ukoll li l-performance reviews li waslu kompluti u fil-ħin tħallsu.
Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta – kwalifiċi akkademiċi
Question
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 15362, jista’ l-Ministru jgħid meta (data u sena) l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta ggradwa mill-kors B.Sc (Hons) in Natural Sciences - Physics (UK-The Open University) u meta (sena u data) huwa ggradwa bid-Diploma in Public Administration mill-Università ta' Malta?
Response (CAMILLERI, BYRON)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari PQ 15555, l-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi mwieġba hawn taħt:
§ B.Sc (Hons) in Natural Sciences - Physics (UK-The Open University) - (2009 – 2017)
§ Diploma in Public Administration mill-Università ta' Malta - (2004 – 2006)