Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Miżjud Gross kull sena mill-2001 sal-2007 fl-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħtini dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti ta-2000?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-NSO ma tiġborx it-tali informazzjoni.
Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili — public service contract
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8537 u 8710 fejn staqsejt għaliex il-Gvern ma fetaħx sejħa għal public service contract għat-tħaddim ta' servizz bl-ajru bejn Għawdex u Malta u fejn il-Prim Ministru weġibni li l-qasam tas-servizz tal-arju huwa liberalizzat u l-Gvern lest jikkonsidra kull talba mill-privat sabiex wieħed jipprovdi dan is-servizz sakemm din tkun ġiet proċessata u approvata mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili, jista' jgħid jekk il-Gvern ikunx lest li jagħti sussidju lil min japplika biex iħaddem dan is-servizz?
Tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni jerġa' jibda jopera s-serivzz tal-ajru regolari bejn l-ajruport ta’ Malta u Għawdex li jġorr aktar minn tliet passiġġieri u li jkun jaqdi l-ħtiġijiet ta’ Għawdex bi skeda li tkopri kemm hemm bżonn it-titjiriet internazzjonali minn u għall-ajruport ta’ Ħal Luqa?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant li f'dan l-istadju ma għandi xejn xi nżid mar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 9751.
Tista’ l-Ministru tgħid meta l-Kabinett mistenni li jiddiskuti d-dokument dwar eko-Għawdex? Liema Ministeru huwa responsabbli għat-tħejjija ta’ dan id-dokument? Meta kellu jitlesta? Minn liema oqsma huma s-sittin espert li ġew konsultati? Kemm kien hemm esperti minn kull qasam? Minn min intgħażlu? Fuq liema kriterji ntgħażlu? Tista’ tikkonferma li dan id-dokument se jkun fih 2,500 proposta biex Għawdex isir gżira ekoloġika? Tista’ tagħti definizzjoni ta’ gżira ekoloġika? Tista' tgħid jekk sarx Strategic Environmental Assessment dwar dan id-dokument? Jekk sar, min għamlu? Kif intgħażel? Jekk ma sarx, għaliex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-Kabinett mistenni jiddiskuti d-dokument dwar Eko-Għawdex fil-jiem li ġejjin. Il-Ministeru responsabbli minn Eko-Għawdex huwa l-Ministeru għal Għawdex.
Jiena nfurmata li l-esperti konsultati huma ġejjin mill-oqsma kif murija fil-lista li qed nibgħat ukoll ma' din ir-risposta. Dawn intgħażlu mill-Ministeru għal Għawdex a bażi tal-esperjenza u l-kwafiliki tagħhom fl-oqsma partikolari.
Dan id-dokument tfassal wara li l-Ministeru għal Għawdex rċieva aktar minn 2,500 proposta waqt il-perijodu ta' konsultazzjoni pubblika.
Fil-preżent qed isir screening dwar l-applikabilità tal-kriterji Environmental Assessment.
Tista’ l-Ministru tgħid x’kien it-total ta’ ħaddiema, full-time, part-time, casual, eċċ, rispettivament, fl-aħħar ta’ l-2008 u fl-aħħar ta’ Awwissu 2009? Kemm kienu kull xahar minn Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Awwissu 2009 li ġew trasferiti minn Malta għall-Ministeru tagħha? Xi gradi huma? X’xogħol ingħataw u f’liema fergħat?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Apparat u Servizzi Anċillari tal-Biċċerija — offertri
Question
Tista’ l-Ministru tgħid meta ħarġet l-aħħar offerta għall-provvista, l-istallazzjoni, l-ittestjar u l-ikkummissjonar ta’ apparat u servizzi anċillari tal-biċċerija ta’ Għawdex? Fiex waslet il-proċedura dwar din l-offerta? Kemm kienu ħarġu offerti oħra qabel u meta kienu ħarġu? Għaliex f’kull każ ma ntagħżel l-ebda offerent?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-aħħar offerta għall-provvista, istallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-biċċerija ta' Għawdex ġiet ippubblikata fis-26 ta' Ottubru 2007 u għalqet fit-18 ta' Diċembru 2007 u li din l-offerta ġiet mogħtija. Jiena nfurmata wkoll li qabel din l-offerta, kienet ħarġet oħra għall-istess suġġett fit-22 ta' Marzu 2005 u għalqet fis-17 ta' Mejju 2005 u li din l-offerta ma ngħatatx minħabba li l-ebda sottomissjoni ma kienet skond l-ispeċifikazzjonijiet ta' l-offerta
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm cruise passengers niżlu Għawdex kull sena mill-2003 sal-2008 u minn Jannar sa Awissu ta’ din is-sena? Jista’ jgħid kemm cruise liners żaru Għawdex fl-istess żmien u kemm niżlu passiġġieri kull wieħed? Jista’ jagħti l-isem tal-cruise liner f’kull każ?
Tista’ l-Ministru tgħid meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għal master plan għall-konservazzjoni u l-immaniġġjar taċ-Ċittadella? Meta għalaq iż-żmien għas-sottomissjoni ta’ offerta? X’sar s’issa fuq din it-tender? Kemm hu stmat il-valur ta’ din it-tender?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li s-sejħa għall-offerti għall-Master Plan taċ-Ċittadella ħarġet fit-8 ta' Jannar 2008 u ż-żmien għas-sottomissjoni ta' l-offerti għalaq fit-28 ta' Frar 2008. Bħalissa qed tiġi konkluża l-ewwel fażi tax-xogħol li kienet tinkludi ġbir u evalwazzjoni ta' informazzjoni, liema fażi kienet tinkludi diversi laqgħat ta' konsultazzjoni ma' persuni u organizazzjonijiet involuti jew interessati fiċ-Ċittadella. Il-valur tat-tender huwa ta' €311,520 (inkluża l-VAT).
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 9054 u jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, il-proġetti, l-iskemi u x-xogħlijiet li d-Dipartimenti tal-Gvern u l-entitajiet, l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex, sena sena minn din is-sena sal-2013? Jista’ jidentifika liema minnhom se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9054.
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett tal-bini mill-ġdid tat-Triq tax-Xlendi? Kemm huwa t-tul tat-triq li se tinbena mill-ġdid? Kemm se jiswa dan il-proġett? X’inhuwa t-timeframe għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Kemm-il darba ħarġet it-tender għal dan il-proġett? F’liema dati? Għaliex l-ebda offerta ma ġietx jew ma setgħetx tiġi aċċettata f’kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li nħareġ il-permess tal-MEPA u s-sejħa għall-offerti għalqet fit-30 ta' Ġunju 2009. It-tul tat-triq li ser tinbena mill-ġdid huwa ta' madwar kilometru u nofs. Dan il-proġett, li jinkludi bini mill-ġdid ta' parti tat-Triq tax-Xlendi u parti mit-triq ta' Pinu, huwa stmat li jiswa €9.477m b'kollox u ppjanat li jkun lest is-sena d-dieħla. It-tender għat-Triq tax-Xlendi ħarġet darba u l-ebda offerta mitfugħa ma laħqet il-kriterji mitluba fit-tender.
Qala — Taħriġ fit-turiżmu - korsijiet full-time u part-time
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru korsijiet full-time u part-time separatament matul is-sena 2007/2008 u matul is-sena 2008/2009 fil-faċilità fil-Qala għat-taħriġ tal-ħaddiema fit-turiżmu? Tista’ tgħid f’liema suġġetti kienu l-korsijiet u kemm attendew studenti f’kull kors? X’korsijiet full-time u part-time se jsiru matul is-sena 2009/2010?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’xogħlijiet huma meħtieġa li jsiru fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija? X’xogħlijiet saru mill-Ministeru għal Għawdex u mill-Malta Industrial Parks/Malta Enterprise f’dan il-qasam kull sena mill-2007 sal-lum? Kemm kienet in-nefqa kull sena fuq dawn ix-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li minn żmien għall-ieħor saru xogħolijiet ta' tindif u xogħol ta' manutenzjoni bil-ħaddiema tal-Ministeru għal Għawdex. Dwar il-partijiet l-oħra tal-mistoqsija, peress li l-Qasam Industrijali tax-Xewkija huwa amministrat mill-Malta Industrial Parks, nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Business Promotion Act — industriji li rċivew il-flus
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien il-valur ta’ ħlas ta’ incentivi li sar mill-Ministeru tagħha taħt il-Business Promotion Act kull sena mill-2007 ‘l hawn lill-industrijalisti li joperaw f’Għawdex? Kemm kienu kull sena l-industrijalisi li rċevew ħlas? Tista’ tgħid kemm hu n-numru u l-valur ta’ l-għotjiet ta’ inċentivi għall-industrija f’Għawdex taħt l-istess Att li huma approvati mill-Malta Enterprise u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta saru t-talbiet mill-industrijalisti u meta ġew approvati mill-Malta Enterprise? Meta mistennija li jitħallsu? Kemm hemm talbiet li qed jistennew l-approvazzjoni tal-Mata Enterprise u għal liema snin huma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-ħlasijiet ta' l-inċentivi li saru mill-Ministeru għal Għawdex taħt il-Business Promotion Act mis-sena 2007 'l hawn kienu:
Sena
€
Numru ta’ Benefiċjarji
2007
320,904
12
2008
663,608
10
2009
455,398
19
Jiena nfurmata wkoll li hemm għaxar talbiet (maqsuma fuq ħames benefiċjarji) li jamontaw għal €412,037 għal għotjiet li għadhom ma tħallsux. Dawn it-talbiet saru bejn is-sena 2004 u 2009 u ġew approvati bejn is-sena 2005 u 2009. Hemm ukoll disa' talbiet (maqsuma fuq tmien benefiċjarji) għas-snin 2006 u 2007 li qegħdin jiġu pproċessati mill-Malta Enterprise.
Tista’ l-Ministru tgħid meta mistenni jibda x-xogħol fuq it-tkomplija tal-proġett għall-bini mill-ġdid tat-Triq Rabat, San Lawrenz? X’qed jistenna biex jibda? X’xogħlijet jonqos isiru? Meta mistenni li jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li qegħdin fil-proċess biex jinħarġu offerti għax-xogħolijiet li jkunu jistgħu jsiru skond l-eżitu ta' l-offerti.
Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar — żbalji fil-local plans
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sabitx żbalji oħra fil-local plans li ġew approvati fl-2006, bħal dak li nstab fil-local plans ta' Ħal-Balzan? Fiex kienu jikkonsistu dawn l-iżbalji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2007 l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ippublikat dokument - Local Plans Interpretation Document - u li għadu jinstab fuq is-sit eletroniku tagħha. Dan jindika numru ta' anomaliji u kif wieħed jindirizzhom. Jinkludi wkoll e-mail address ta' fejn wieħed jikkomunika anomalija meta jiltaqa' magħha.
Anomaliji oħra x'akarx li wieħed jiltaqa’ magħhom waqt applikazzjonijiet għall-żvilupp u ħafna drabi dawn jiġu wkoll indirizzati.
Jekk l-Onorevoli Interpellant għandu konoxxenza ta' xi żbalji, napprezza ħafna jekk dawn jiġu ndikati malajr kemm jista jkun lil MEPA.
Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili — public service contract
Question
B'referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8537 u 8710 fejn staqsejt għaliex il-Gvern ma fetaħx sejħa għal public service contract għat-tħaddim ta' servizz bl-ajru bejn Għawdex u Malta u fejn il-Prim Ministru weġibni li l-qasam tas-servizz tal-arju huwa liberalizzat u l-Gvern lest jikkonsidra kull talba mill-privat sabiex wieħed jipprovdi dan is-servizz sakemm din tkun ġiet proċessata u approvata mid-Dipartiment tal-Avjazzjoni Ċivili, jista' jgħid jekk il-Gvern ikunx lest li jagħti sussidju lil min japplika biex iħaddem dan is-servizz?
Jista' l-Ministru jgħid x'sar kull sena mill-2007 'l hawn biex jitwaqqaf business incubation centre fit-teknoloġija tal-informatika u l-innovazzjoni f'Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.