Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa kull sena minn Jannar 2008 sal-lum fuq inċentivi għall-industrija f’Għawdex? Għal liema sena/snin ta’ operat kienet in-nefqa? Kemm kumpaniji bbenefikaw minn dawn l-inċentivi? Kemm hemm għotjiet li huma approvati u għadhom ma tħallsux? Għal liema snin huma u kemm hu l-ammont għal kull sena? Meta huwa mistenni li jitħallsu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li n-nefqa mill-Ministeru għal Għawdex fuq inċentivi għall-industrija f'Għawdex kull sena minn Jannar 2008 sa llum kienet:
2008 - €663,608
2009 - €455,398
In-nefqa kienet għas-snin ta' operat bejn is-sena 2001 u s-sena 2007 u bbenefikaw wieħed u għoxrin kumpanija.
Ninsab infurmata wkoll li hemm għaxar talbiet li jammontaw għal €412,037 li huma approvati taħt il-Business Promotion Act għall-perjodu 2002 - 2007 u disgħa u għoxrin talba li jammontaw għal €367,987 taħt l-iskema Promoting Economic and Social Cohesion in Gozo (Industrial Sector) Assistance Scheme għall-perjodu 2008-2009.
Tista’ l-Ministru tgħid għaliex ma sarx il-pagament lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar żvilupp (nru. 03383/05) fil-korsa ta’ Xħajma li sar fit-2 ta’Ġunju 2005 u li ż-żmien għar-rappreżentazzjonijiet dwarha għalaq fit-13 ta’ Novembru 2005? Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-komponenti kollha ta’ dan il-proġett u kemm hija stmata li se tkun in-nefqa sħiħa fuq kull komponent tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 9760.
Industrija tal-manifattura — dħul medju ta' kull ħaddiem
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għal ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament fl-2008 fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament fl-istess sena? Jista’, fejn hu possibbli, jagħti wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi d-dħul medju għal kull ħaddiem ras għal ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament għall-2008 tista tinħadem wara r-release tal-GDP reġjonali ta’ Diċembru. Id-data mitluba ma tinħadimx fi prezzijiet kostanti.
Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiet titħaddem l-
Employment Aid Grant Scheme
għall-kumpaniji li joperaw f’Għawdex?
Kemm kumpaniji Għawdxin ibbenefikaw minn din l-iskema kull sena sal-lum? Kemm impjiegi ġodda nħolqu taħt din l-iskema?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fis-sena 2007, il-Malta Enterprise u l-ETC kienu ħabbru l-iskema Gozo Employment Aid fejn min iħaddem ħames impjegati li jkunu kklassifikati taħt il-kategorija ta’ Disabled and Disadvantaged jingħata nofs il-paga ta’ sena ta’ l-impjegat imsemmi bħala inċentiv. Mis-sena 2008, dan l-inċentiv ġie mwessa’ billi tneħħa l-limitu ta’ ħames impjegati.
Taħt din l-iskema ġew approvati disgħa u disgħin intrapriza ġewwa Għawdex u l-ammont totali ta’ assistenza approvata kien €1,310,438 għall-ħolqien ta’ mitejn, erbgħa u sittin impjieg ġdid.
Dan l-inċentiv jitħallas lil min iħaddem wara sena minn meta jkun impjega l-persuna kkonċernata. Sa’ Settembru 2009, l-assistenza mħallsa tammonta għal €630,967 għar-rigward ta’ mija, sitta u għoxrin impjieg.
Il-bilanċ pendenti mistenni jitħallas fix-xhur li ġejjin.
Minn Jannar tas-sena 2009, din l-iskema għaddiet kompletament għand l-ETC. Filwaqt li l-iskema infetħet għal-kumpaniji Maltin u Għawdxin, issa qegħda tiġi iffinanzjata parzjalment taħt il-European Social Fund.
Jista’ l-Ministru jgħid xi statistika qed tinġabar preżentament fuq bażi reġjonali? Hemm xi pjan li tibda tinġabar aktar statistika fuq bażi reġjonali? Jekk fl-affermattiv, xi statistika se tibda tinġabar u meta? Hemm xi pjan li jinfetaħ uffiċċju ta’ l-istatistika f’Għawdex? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Ufficcju Nazzjonali ta’ l-Istatistika diġa jiġbor u jippubblika statistika fuq bażi regjonali f’livell ta’ NUTS III, kif rikjest mill-Eurostat. Dan jinkludi statistika ta’ natura demografika, statistika dwar il-qasam tax-xogħol, statistika dwar l-edukazzjoni, dwar l-agrikoltura, u indikaturi oħra ta’ natura socjali. Indikaturi ekonomici jinkludu tagħrif dwar il-Prodott Domestiku Gross. L-Uffiċċju bħal issa għaddej b-eżerċizzju biex jestendi l-ġbir ta’ aktar tagħrif soċjo-ekonomiku dwar Għawdex, liema tagħrif huwa mistenni li jiġi ippubblikat lejn in-nofs ta’ Novembru.
Fil-preżent ma hemm l-ebda pjan li jinfetaħ uffiċċju ta’ l-istatistika ġewwa Għawdex.
Gvern Malti u Kummissjoni Ewropea — laqgħat fuq servizzi tal-baħar bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi korrispondenza u/jew laqgħat formali jew informali bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea minn Marzu 2008 ‘l hawn dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex? Jekk kien hemm meta? X’kien l-eżitu tagħhom? X’inhi l-pożizzjoni llum? X’inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan is-servizz? Hemm xi ħsieb li toħroġ offerta għat-tħaddim tiegħu mill-privat? Jekk fl-affermattiv, meta mistennija toħroġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nikkonferma li minn Marzu 2008 'l hawn kien hemm korrispondenza bejn Malta u l-Kummissjoni Ewropea kif ukoll li saret laqgħa fil-ġranet li għaddew dwar is-suġġett imsemmi. Id-diskussjonijiet għadhom għaddejin bil-għan illi skond ir-regoli tal-U.E jinħareġ tender u PSO għat-tħaddim tas-servizz.
Kumpaniji li ngħataw għajnuna biex ħadu sehem f'fieri internazzjonali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija u negozju li joperaw fl-industrija tal-manifattura f’Għawdex ngħataw għajnuna mill-MDC/Malta Enterprise biex jieħdu sehem f’fieri internazzjonali barra minn Malta, fl-2007, fl-2008 u din is-sena sal-lum? Min kienu? X’għajnuna ngħataw? F’liema fieri ħadu sehem? Jista’ jagħti l-istess tagħrif dwar kumpaniji u negozji oħra f’Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi attendenza minn kumpaniji Maltin u Ghawdxin f’Fieri Internazzjonali barra minn Malta hija kif muri hawn taħt.
2007
kien hemm 3 kumpaniji Għawdxin li bejniethom ħadu s-s-somma ta’ €3,562.31, filwaqt illi kien hemm 53 kumpanija Maltija li bejniethom ħadu s-somma ta’ €223,917.81.
2008
kien hemm kumpanija Għawdxija waħda, li ħadet is-somma ta €3,562.31, filwaqt li f’Malta kien hemm 55 kumpanija li bejniethom ħadu €309,720.60.
2009 (sa Lulju)
kien hemm żewġ kumpaniji Għawdxin li bejniethom ħadu s-somma ta’ €9527.00, filwaqt li f’Malta kien hemm 33 kumpanija li bejniethom ħadu s-somma ta €175,911.00.
Fieri kienu minn setturi varji fosthom, ICT, Building and Construction, Education, Hotel Supplies, Food, Environment etc.
L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistgħux jingħataw – din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-segretezza taħt l-Artikolu 33 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Ligijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Intrapr
iż
a ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta).
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet saru fuq il-proġett ta’ faċilitajiet ġodda fiċ-Ċirkewwa minn Settembru tal-2008 sal-lum? Jista’ jagħti skeda ta’ kif se jitwettqu u meta se jitlestew dawn il-faċilitajiet ġodda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li minn Settembru 2008 ‘l hawn saru diversi xogħlijiet fuq il-proġett taċ-Ċirkewwa fosthom disinji ġodda għall-faċilitajiet tat-terminal, studji u investigazzjonijiet ta’ natura ġeoteknika kif ukoll xogħlijiet ta’ resurfacing tat-triq u tiswija ta’ bankini fiż-żona tal-għaddasa. Ix-xogħlijiet li jridu jsiru sabiex jitlestew il-faċilitajiet ġodda fiċ-Ċirkewwa jikkonsistu f’żewġ fażijiet.
L-ewwel iridu jsiru xogħlijiet ta’ faċilitajiet temporanji bħall-bini ta’ struttura li tipprovdi kenn għall-passiġġieri, għassa tal-pulizija, faċilitajiet ta’ konvenjenza pubblika,
markings
tat-toroq, bankini,
barriers
u
railings
. Il-proċess ta’
tendering
għal dawn ix-xogħlijiet diġa beda u huwa mistenni li jitlesta fl-ewwel kwart tas-sena 2010. Dawn ix-xogħlijiet imbagħad jippermettu li jkun vvakat is-sit fejn irid isir ix-xogħol maġġuri tal-proġett fit-tieni fażi.
It-tieni fażi imbagħad tinkludi l-bini ta’ terminal ġdid tal-passiġġieri,
gangways
li jwasslu għall-vapuri, toroq għall-aċċess, ħruġ u madwar it-terminal, bankini,
bicycle lanes, parking areas,
it-tlestija tan-
North Quay Berth 3,
l-irranġar tar-
RoRo ramp,
l-bini ta’ faċilitajiet għal kenn tal-passiġġieri fis-
South Quay
kif ukoll wkoll xogħlijiet żgħar ta’
refurbishment
sabiex jitjiebu l-faċilitajiet eżistenti. Il-fażi tat-
tendering
ta’ din it-tieni fażi mistennija tibda fl-aħħar xhur ta’ din is-sena 2009.
Jien infurmat li l-proġett kollu mistenni jkun komplut fis-sena 2012.
stazzjon għat-trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett ta’ l-istazzjon għat-trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex? Meta beda x-xogħol fuq dan il-proġett? X’sar s’issa? X’jonqos isir? Jista’ jagħti t-time frames għat-tlestija tax-xogħol li għadu jrid isir? Kemm hu l-valur sħiħ ta’ dan il-proġett? Jista’ jgħid jekk dan il-proġett huwiex ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea? Jekk fl-affermattiv, taħt liema perjodu ta’ programmazzjoni u kemm huma l-fondi Ewropej allokati għalih?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-studji fuq il-proġett ta’ l-Istazzjon għat-Trasferiment ta’ l-iskart ta’ Għawdex bdew fl-2006 u l-ewwel disinji tal-kunċett ta’ l-impjant ingħataw lill-MEPA f’Diċembru 2006. Il-permess ta’ l-iżvillup ta’ dan l-impjant, li se jkun biswit is-sit għall-iskart goff (C.A.S) tax-Xewkija, ngħata fit-12 ta’ Awissu 2009.
Dan il-proġett, li hu stmat mat-8.1 miljun Ewro ġie aċċettat għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea mill-Programm Operattiv I - Politika ta’ Koeżjoni 2007-2013 bir-rata massima ta’ 85% fondi ta’ l-Unjoni Ewropea.
Kif l-ewwel parti tal-pjan tal-immaniġġar tal-kostruzzjoni jiġi approvat mill-MEPA, xogħlijiet bħal tindif tal-wiċċ tal-blat taħt skrutinju arkeoloġiku jkunu jistgħu jibdew. Tajjeb infakkar li r-rappreżentant tal-Oppożizzjoni fuq il-Bord tal-MEPA vvota kontra dan il-proġett. Il-kuntratti għal dawn ix-xogħlijiet diġà ngħataw. Sadanittant it-
tenders
għax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni ta’ l-impjant u s-servizzi ta’ superviżjoni u
project management
qegħdin fi stat avvanzat ta’preparazzjoni.
Għaldaqstant, l-impjant huwa stmat li jkun qed jopera lejn l-aħħar tas-sena 2012.
Tista’ l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett ta’ rijabilitazzjoni ta’ Ġnien Villa Rundle fir-Rabat, Għawdex? X’jonqos isir? Meta huwa mistenni li jitlesta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-proġett ta' Ġnien Villa Rundle huwa fil-fażi ta' tendering. Il-proġett huwa mistenni li jkun lest fis-sena 2011.
Tista’ l-Ministru tgħid meta tlesta l-proġett taċ-Ċentru ta’ l-Arti u Artiġjanat? Meta kellu jitlesta skond l-arranġamenti li saru mal-Unjoni Ewropea? Meta beda jintuża bħala incubation centre? Kemm artiġjani bbenefikaw minn dan iċ-ċentru s’issa? Kemm hemm artiġjani jaħdmu f’dan iċ-ċentru llum? X’tip ta’ artiġjanat għamlu/qed jagħmlu dawk li bbenefikaw/qed jibbenefikaw minnu? Kemm fondi nazzjonali u fondi Ewropej separatament tħallsu s’issa fuq dan il-proġett? Kemm hemm li għad iridu jitħallsu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 2779, 5527 u 6430.
Jista’ l-Ministru jgħid, xahar b’xahar minn Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, kemm ħaddiema Għawdxin bdew jaħdmu għall-ewwel darba jew reġgħu bdew jaħdmu wara li kienu sfaw bla xogħol? Jista’ jgħid fejn bdew jaħdmu/reġgħu bdew jaħdmu, f’Malta jew f’Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
Ser inpoġġi tabella fuq il-Mejda tal-Kamra li turi xahar b’xahar minn Jannar 2008 sal-aħħar ta’ Mejju 2009 in-numru ta’ ħaddiema Għawdxin li bdew jaħdmu għall-ewwel darba jew reġgħu bdew jaħdmu wara li sfaw bla xogħol. It-tabella turi wkoll fejn bdew jaħdmu jekk hux Malta jew Għawdex (skont fejn ġew irreġistrati mill-imprenditur) u f’liema qasam ta’ xogħol.
Delegazzjoni ministerjali u delegazzjonijiet oħra — nefqa globali
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa fuq safar kull sena mill-2008 sal-lum ta’ delegazzjonijiet ministerjali u ta’ delegazzjonijiet oħra tal-Ministeru, kif ukoll ta’ uffiċjali li siefru fuq xogħol tal-Gvern jew għal seminars, korsijiet, eċċ.? Xi grad kienu l-uffiċjali f’kull każ? X’kien l-iskop ta’ kull safra?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jammonta fi prezzijiet tas-suq il-kumpens tal-ħaddiema bħala komponent tal-Prodott Gross Domestiku għal Malta u Għawdex separatament fl-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-kumpens tal-ħaddiema bħala komponent tal-Prodott Domestiku Gross ma jinħadimx għal Malta u Għawdex separatament. Din il-figura għal Malta u Għawdex flimkien rigward l-2008 hija ppublikata fi News Release 156/2009 li ħarġet fis-7 ta’ Settembru 2009.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien jammonta fi prezzijiet tas-suq il-profitt gross u dħul ieħor mixxellanju separatament bħala komponenti tal-Prodott Gross Domestiku għal Malta u Għawdex separatament fl-2008?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-profitt gross u dħul ieħor mixxellanju bħala komponenti tal-Prodott Domestiku Gross ma jinħadmux għal Malta u Għawdex separatament.
Belt Valletta u l-Furjana — akkomodazzjoni soċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm units disponibbli fil-Belt Valletta u l-Furjana għall-akkomodazzjoni soċjali? Jista' jagħti l-lista bil-units disponibbli fil-Belt Valletta u l-Furjana bl-indirizz ta' kull wieħed minnhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’hemmx units disponibbli fil-belt Valletta u l-Furjana li jistgħu jingħataw għal-akkomodazzjoni soċjali.
Taqsima tar-Radjoloġija — tieni sala tal-operazzjonijiet
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa kull sena mill-2005 ’l hawn biex tiġi żviluppata Taqsima tar-Radjoloġija u tiġi mgħammra t-tieni sala ta’ l-operazzjonijiet moderna? Kemm kienet in-nefqa kull sena fuq dak li sar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'dan il-perjodu ġew ippreparati t-tenders għax-xogħol relatat mar-refurbishment tat-Taqsima tar-Radjoloġija u t-Taqsima ta' l-Operazzjonijiet, u t-tenders għax-xiri t'apparat mediku relatat ma' dawn iż-żewġ proġetti. Fil-preżent dawn għaddejjin mill-proċess ta' tendering.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbiegħu biljetti mill-Gozo Channel għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex xahar xahar minn Jannar 2007 sal-lum lill-:
a) Passiġġieri residenti f’Għawdex bla vettura?
b) Passiġġieri residenti f’Għawdex bil-vettura?
ċ) Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bla vettura?
d) Passiġġieri residenti Malta u passiġġieri barranin bil-vettura?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li l-informazzjoni mitluba hija ta’ natura strettament kummerċjali u li fil-mument il-Gvern jinsab fil-proċess li joħroġ it-tenders għall-kuntratt tal-PSO, mhux għaqli illi tingħata t-tali informazzjoni.