Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xagħra — Qortin - proġett tal-miżbla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta mistennija li jitlestew ix-xogħlijet fuq il-proġett tal-miżbla tal-Qortin fix-Xagħra (i) ta’ ċaqlieq ta’ terrapien, (ii) ta’ tħaffir ta’ bjar, u (iii) ta’ tqegħid ta’ pajpijiet biex jinġibed il-gass? Kemm hu l-valur tal-kuntratt għal kull wieħed minn dawn ix-xogħlijiet? Kemm tħallsu flus s’issa fuq kull wieħed? Kemm hemm kontijiet pendenti? Kemm tħaffru bjar sa l-aħħar ta’ Settembru 2009? Kemm iridu jitqiegħdu pajpijiet u kemm tqiegħdu sa l-aħħar ta’ Settembru 2009?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa tajjeb li jagħmel distinzjoni bejn il-proġett ta’ l-‘aerial emissions’ u il-proġett ta’ riabilitazzjoni. Il-Proġett ta’ l-‘Aerial Emissions’ li ġie ko-finanzjat mill-fondi ERDF 2004-2006 intemm, u n-nefqa kienet maqsuma hekk: · Ċaqlieq ta’ Terrapien – € 91,000 · Tħaffir ta Bjar – € 100,000 · Tqegħid ta’ Pajpijiet – € 40,000 Dan ix xogħol tlesta u l-fondi tħallsu kollha. Mill-banda l-oħra, din tista’ titqies bħala l-ewwel fażi, u fix-xhur li ġejjin mistenni li jibda x-xogħol ta’ ri-veġetazzjoni, b’sistema ta’ Engineered Capping u Restoration Soils. Dan ix-xogħol sejjer jikkumplimenta ta’ qablu, u dan ħa jkun ko-finanzjat mill-Fondi ta’ Koeżjoni 2007-2013. Għal dan il-proġett huwa mistenni li jkun hemm ċaqlieq ta’ terrapien (bħala parti mill-Engineered Cap u Restoration Soils). Il-proċess ta’ tendering għal-dan ix-xogħol għadu qed jinħadem. Mhux mistenni li jkun hemm iktar xogħol fuq tħaffir ta’ bjar u tqegħid ta’ pajpijiet, apparti biex jiffaċilità t-tqegħid ta’ l-Engineered Cap.
Leg 11 PQ #11574 Sitting 154 2009-11-03 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali ta' Għawdex — radjoloġija - tlestija tal-proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma t-timeframes għat-tlestija tal-proġett għat-tiġdid tat-taqsima tar-radjoloġija u s-sala ta’ l-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-proġett tat-taqsima tar-radjoloġija u s-sala ta' l-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex huwa ppjanat li jkun lest fis-sena 2010.

Investiment barrani indirizzat f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kemm sar investiment barrani f’Għawdex minn intrapriżi, entitajiet, eċċ. li għandhom l-indirizz tagħhom f’Għawdex kull sena mill-2006 sal-2008 u matul l-ewwel sitt xhur tal-2006, 2007, 2008 u 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skond informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-Bilanċ tal-Pagamenti mill-NSO, l-investiment barrani f’entitajiet, intrapriżi, eċċ., li għandhom l-indirizz tagħhom Għawdex kien jammonta hekk: Investiment barrani f'Għawdex € 000s € 000s 2006 2007 2008 2006 2007 2008 2009 Sena Jannar-Gunju 222 637 1,598 23 214 799 787

Malta Enterprise — għajnuna għal kumpaniji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji twaqqfu f’Għawdex minn Marzu 2008 bl-għajnuna tal-Malta Enterprise? X’tip ta’ għajnuna ngħatat f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi tliet kumpaniji ġodda ġew approvati mill-Malta Enterprise biex jitwaqqfu f’Għawdex minn Marzu 2008. L-assistenza li ngħatat hija finanzjarja, fiskali u għoti ta’ spazju industrijali.

Gozo Channel — informazzjoni fuq il-ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema mal-Gozo Channel, skond il-grad tagħhom fl-aħħar ta’ Settembru 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onoreovli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Qortin — riabilitazzjoni tal-miżbla

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fejn wasal il-proġett tar-riabilitazzjoni tal-miżbla tal-Qortin? X’xogħol sar s’issa u x’kienet in-nefqa s’issa? Kemm hemm flus kommessi għal dan il-proġett u għadhom ma tħallsux?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-installazjonijiet li saru s’issa fil-miżbla tal-Qortin kienu parti mill-proġett tal-Aerial Emissions, proġett ko-finanzjat mill-fondi Ewropej ta’ l-Iżvilupp Regjonali (ERDF) perjodu 2004-2006. Ġiet installata wkoll sistema li tikkontrolla u tittratta l-gassijiet mill-miżbla li tista’ titqies bħala l-ewwel pass lejn ir-rijabilitazzjoni. In-nefqa s’issa kienet ta’ madwar 1.1 miljun Ewro. Ix-xogħlijiet tlestew u ġew imħallsa. Ix-xogħol relatat mal-proġett finanzjat mill-fondi ta’ koezjoni 2007-2013 hu fi stadju avvanzat ta’ proġettazzjoni. Id-disinn tal-forma finali tlesta, u l-Permess ta’ Żvilupp, fil-bidu ta’ Ottubru ġie sottomess lill-MEPA bħala Full Development Application . L-applikazjoni għall-fondi mistennija li tiġi kompluta qabel l-aħħar t’Ottubru. In-nefqa fuq dan il-proġett s’issa kienet ta’ madwar € 70,000 għal xogħlijiet marbutin mad-disinn finali u ma xogħol relatat mal-permess ta’ l-iżvilupp. In-nefqa hija stmata li tkun madwar € 2.83 miljun.

Ċirkewwa — proġett tal-port

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar fuq il-proġett tal-port taċ-Ċirkewwa fl-2008 u din is-sena separatament u kemm kienet n-nefqa s’issa? X’jonqos isir fuq dan il-proġett? Meta hu mistenna li jibda u jitlesta x-xogħol li jonqos isir? Kemm hu stmat li se jiswa x-xogħol li jonqos isir? Fl-istess perjodu ħarġu xi offerti u/jew ingħataw xi kuntratti għax-xogħlijiet li jonqos isiru? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

trattament u t-trasferiment tal-iskart minn Malta għal Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’liema data l-Gvern approva l-finanzjament tal-proġett tal-istazzjon għat-trattament u t-trasferiment tal-iskart minn Malta għal Għawdex? Kemm hu l-ammont kommess f’fondi Malti u fondi Ewropej mill-Gvern? X’sar s’issa fuq dan il-proġġett u kemm intefqu flus s’issa? X’jonqos isir biex jitlesta u meta mistenni li jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li l-proġett ġie magħżul għal ko-finanzjament mill-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Lulju 2009. Il-valur tal-proġett huwa stmat mat-8.1 miljun Ewro. Minn dawn, madwar 1.2 miljun Ewro jew 15% tal-valur tal-proġett huma kommessi f’fondi Maltin u l-bqija, madwar 6.9 miljun Ewro huma kommessi f’fondi Ewropej. Spejjeż neċessarji oħra, bħal ħruġ ta’ permessi, jiġu mħallsa mill-fondi li l-Gvern jipprovdi lill-WasteServ. Issa li nħareġ il-permess mill-MEPA minkejja l-vot kontra tar-rapreżentant tal-Oppożizzjoni fuq l-istess Bord, nbeda x-xogħol u issa ntefqu € 600,000 f’xogħolijiet ta’ aċċess għall-impjant propost. Inħarġu tenders għat-tindif tas-sit fejn se jsir l-iżvilupp kif ukoll għall-moniteraġġ arkeoloġiku. Il-kuntratti għal dawn ix-xogħolijiet diġà ngħataw, id-disinji tlestew u l-permess tal-iżvilupp ingħata. Sadanittant it-tenders għax-xogħlijiet tal-kostruzzjoni ta’ l-impjant u s-servizzi ta’ superviżjoni u project management qegħdin fi stat avvanzat ta’ preparazzjoni. Għaldaqstant, l-impjant huwa stmat li jkun qed jopera lejn it-tielet kwart tas-sena 2012.
Leg 11 PQ #11570 Sitting 153 2009-11-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qala — Istitut għall-Istudji Turistiċi - korsijiet full time

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm qed isiru bħalissa korsijiet full-time fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala? F’liema suġġetti huma? Kemm huma twal il-korsijiet li qed isiru u f’liema sena huma? Sa liema livell se jwasslu? Kemm se jibdew korsijiet ġodda matul din is-sena 2009/2010? F’liema suġġetti x’se jsiru, sa liema livell se jkunu u kemm se jkunu twal?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata illi bħalissa qed isiru żewġ korsijiet full-time fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-Qala. 16-il student qed jattendu għall-ewwel sena fil-kors tal-Hospitality Trades, li huwa kors ta' sentejn. 14-il student qed jattendu għat-tieni sena ta' dan l-istess kors tal-Hospitality Trades. Fl-aħħar ta' dawn is-sentejn l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet tas-City & Guilds, kemm fil-Food Preparation & Production u kemm fil-Food & Beverage Service, kif ukoll l-istudenti jagħmlu l-eżamijiet tal-ITS Malta. Bħala korsijiet part-time sar wieħed fil-Food Handler's Hygiene. Bħalissa qed isir kors fil-Food Preparation and Culinary Arts (Basic Course) li jdum għaddej sena skolastika. Qed isiru ukoll żewġ korsijiet fil-pastry, wieħed Level 1 u ieħor Intermediate Level li jdumu għaddejjin 14-il ġimgħa. Fix-xhur li ġejjin hemm il-ħsieb li jiftħu korsijiet fil- Maltese Pastry Basic Course - 10 sessions Bar Operations Level 2 - 15 weeks WSET Intermediate - 8 sessions WSET Advanced - 15 sessions Food Handler's Hygiene Certificate (Category B) - 8 hours Front Office Operations Basic Course - Level 1 - 15 sessions Room Attendant Basic Course - Level 1 - 6 sessions .
Leg 11 PQ #11571 Sitting 153 2009-11-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — istituzzjonijiet edukattivi - żvilupp ta' campus

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar minn Novembru tal-2008 ’l hawn biex istituzzjonijiet edukattivi ta’ reputazzjoni internazzjonali jiżviluppaw campus tagħhom f’Għawdex? Jekk saru xi konsultazzjonijiet f’dan il-perjodu, ma’ liema istituzzjonijiet saru? Jekk saru xi xogħlijiet fuq is-sit identifikat, x’inhuma?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3082.

Għawdex — mużew ta' arti moderna

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa u x’qed isir biex jiġi identifikat post adegwat għat-twaqqif ta’ mużew ta’ arti moderna f’Għawdex? Jekk ġie identifikat sit, tista’ tpoġġi site plan tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Tista’ tgħid x’sar s’issa fuq is-sit identifikat? Saret xi applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar dan il-proġett? Jekk saret, x’inhu n-numru tagħha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-intenzjoni hija li jitwaqqaf Mużew tal-Arti Moderna u Kontemporanja. Li sar s’issa huwa li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jitbattal il-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jingħata lil Heritage Malta. Dan il-proġett ikun jista’ jinbeda meta Heritage Malta jkollha l-binja f’idejha għal dan l-iskop. Għall-istess raġuni għadha ma saritx applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Industrija tat-Turiżmu — dħul medju ta' kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għal ras fis-settur ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’, fejn hu possibbli, jagħti wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi rigward statistika, it-turiżmu ma jeżistix bħala settur wieħed, iżda jifforma parti min-numru ta’ setturi oħrajn. Barra minn hekk, il-kumpens tal-ħaddiema bħala komponent tal-Prodott Domestiku Gross ma jinħadimx fuq bażi reġjonali.

Valur Gross Miżjud — medja ta' kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Gross Miżjud kull sena fl-2007 u fl-2008 fl-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista jagħti dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000?

Response (FENECH, TONIO)

MALTA NACE D 2007 GVA €'000 765,041 Ħaddiema Numru 24,436 GVA/ Ħaddiem € 31,308 GĦAWDEX NACE D 2007 GVA €'000 28,225 Ħaddiema Numru 1,071 GVA/ Ħaddiem € 26,354 Id- data għall-2007 hija bhal dik ippubblikata fit-30 ta' Diċembru 2008 (NR 231/2008). Id- data għall-2007 hija stima u tista' tinbidel. Din l-informazzjoni għal-2008 tkun disponibbli wara r-release ta’ Diċembru. Dan it-tagħrif ma jinħadimx fi prezzijiet kostanti.

Valur Gross Domestiku — industrija tat-turiżmu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Miżjud Gross kull sena fl-2007 u fl-2008 fl-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti ta-2000?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi t-turiżmu ma jeżistix bħala settur wieħed, iżda jifforma parti minn numru ta’ setturi oħrajn. Barra minn hekk, il-Valur Mizjud Gross maħdum fuq bażi reġjonali jinħadem fi prezzijiet tas-suq biss.

Għawdex — Cottage Industry Scheme

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiet titħaddem il-Cottage Industry Scheme għal attività ta’ din ix-xorta f’Għawdex? Kemm Għawdxin ibbenefikaw minn din l-iskema sal-lum? Kemm impjiegi ġodda nħolqu taħt din l-iskema? Kemm ħaddiema ġew impjegati taħt kull kategorija ta’ “ħaddiema żvantaġġjati"? Jista’ l-onor Ministru jgħid meta bdiet titħaddem l- Investment Aid Grant Scheme għal kumpaniji li joperaw f’Għawdex? Kemm kumpanija Għawdxin ibbenefikaw minn din l-iskema kull sena sallum? X’għajnuna nagħtat kull kumpanija? Kemm impjiegi ġodda nħolqu taħt din l-iskema?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l–Cottage Industry Scheme kienet waħda mill–iskemi li kienu qed jiġu kkunsidrati mill–Malta Enterprise imma l-għażla waqgħet fuq l-iskema bl–isem Gozo Employment Aid li d-dettalji fuqha qed jidhru hawn isfel: Fis-sena 2007, il-Malta Enterprise u l-ETC kienu ħabbru l-iskema Gozo Employment Aid fejn min iħaddem ħames impjegati li jkun ikklassifikat taħt il-kategorija ta’ Disabled and Disadvantaged jingħata nofs il-paga ta’ sena tal-impjegat imsemmi bħala inċentiv. Mis-sena 2008, dan l-inċentiv ġie mwessa’ billi tneħħa l-limitu ta’ ħames impjegati. Minn Jannar tas-sena 2009, din l-iskema għaddiet kompletament għand l-ETC. Filwaqt li l-iskema nfetħet għall-kumpaniji Maltin u Għawdxin, issa qiegħda tiġi iffinanzjata parzjalment taħt l- European Social Fund. Taħt din l-iskema ġew approvati disa u disgħin kumpanija u l-ammont totali ta’ assistenza approvata kien €1,310,438 għall-ħolqien ta’ mitejn, erbgħa u sittin impjieg ġdid. Dan l-inċentiv jitħallas lil min iħaddem wara sena minn meta jkun impjega l-persuna kkonċernata. Sa Settembru, 2009, l-assistenza mħallsa tammonta għal-€630,967 għar-rigward ta’ mija u sitta u għoxrin impjieg. Il-bilanċ pendenti mistenni jitħallas fix-xhur li ġejjin.
Leg 11 PQ #11565 Sitting 152 2009-10-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — Proġett

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-proġett tal-Villa Rundle? Kemm sewa dan ix-xogħol? Kemm intnefqu u kemm tħallsu flus b’kollox s’issa fuqu? Kemm hemm flus kommessi u għadhom ma tħallsux? Għalxiex huma kommessi dawn il-flus?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 11217.
Leg 11 PQ #11566 Sitting 152 2009-10-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Skejjel tal-Istat - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa totali tal-Ministeru tagħha sena sena mill-1999 ‘l hawn fuq l-immodernizzar u l-bini ta’ faċilitajiet ġodda u fuq apparat, għamara, eċċ. fl-iskejjel tal-istat f’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Xewkija — Qasam Industrijali - prodotti li jipproduċu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kumpaniji bdew joperaw fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija, Għawdex minn Marzu 2008 sal-lum? X’tip ta’prodotti jipproduċu? Meta bdew joperaw f’dan il-qasam? Kemm kienu jħaddmu impjegati (i) qabel bdew joperaw f’dan il-qasam fejn hu l-każ, (ii) meta bdew joperaw f’dan il-qasam, u (iii) kemm qed iħaddmu nies illum?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kumpanija waħda bdiet topera fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija Għawdex minn Marzu 2008 sal-lum. Din taqa’ taħt is-settur ta’ l-istampar u software development. Rigward il-parti tal-mistoqsija fejn qed jiġi mitlub in-numru ta’ ħaddiema li jħaddmu dawn il-kumpaniji nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Għawdex — nefqa fuq l-iskola sekondarja l-ġdida

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-iskola sekondarja ġdida f’Għawdex u kemm hija stmata li se tkun in-nefqa sħiħa fuq kull komponent tal-proġett? X’sar s’issa fuq dan il-proġett? X’jonqos isir? Meta mistenni li jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-proġett ta’ l-iskola sekondarja ġdida f’Għawdex jikkonsisti fil-bini ta’ skola, f’parkeġġ taħt l-art kif ukoll f’sular ta’ faċilitajiet li jinkludi uffiċini, librerija u oħrajn li ser jintużaw mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni f’Għawdex. Il-bini tal-iskola se jkun mifrux fuq medda ta’ art ta’ 3,300 metru kwadru. B’kollox se jkun hemm 45 klassi, sitt technology workshops, disa’ laboratorji tax-xjenza, erba’ laboratorji tal-computers u diversi kmamar fejn isir tagħlim tal-komunikazzjoni grafika, home economics, needlework u arti. Din l-iskola se tkun mgħamra ukoll bi spazji għas-servizz ta’ l-istudenti bħal resource rooms kif ukoll career guidance rooms. In-nefqa fuq l-iskola hija stmata li se tkun €7 miljuni, l-istima tal-parkeġġ hija ta’ (€1,700,000) miljun u sebgħa mitt elf Ewro filwaqt li l-istima tas-sular ta’ fuq hija ta’ (€1,800,000) miljun u tmin mitt elf Ewro. S’issa tlestew ix-xogħlijiet kif kien pjanat u għalhekk l-istudenti li jattendu din l-iskola għandhom tliet klassijiet ġodda, tliet art rooms , tliet food laboratories kif ukoll disa’ laboratorji tax-xjenza li jintużaw għat-tagħlim tal- Integrated Science , Fiżika, Kimika u Bioloġija Qegħda titlesta l-kumplament tal-binja tal-iskola li tikkonsisti fil-bini u finishes ta’ 42 klassi, sitt technology workshops , erba’ laboratorji tal- computers , kif ukoll diversi kmamar oħra fejn isir tagħlim tal-komunikazzjoni grafika, resource rooms u career guidance rooms , sabiex dan il-proġett ikun tlesta sas-sena 2011.