Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #12476 Sitting 159 2009-11-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — bini ta' airstrip

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta hu mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Mużewijiet ħajjin

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa matul din il-leġislatura biex jitwaqqfu mużewijiet ħajjin dwar il-ħajja f'Għawdex?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa llum ma hemmx pjan li jitwaqqfu aktar mużewijiet ta’ din ix-xorta. Il-ħajja f’Għawdex hija s-suġġett tal-wirjiet permanenti li hemm fil-Mużew tal-Folklor fiċ-Ċittadella u fil-Mitħna ta’ Kola fix-Xagħra.
Leg 11 PQ #11988 Sitting 157 2009-11-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — bini ta' airstrip

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — bini ta' airstrip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Ras il-Ħobż - drenaġġ fil-baħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 10358, jista’ l-Ministru jagħti assigurazzjoni lill-Kamra li mhux qed ikun hemm drenaġġ li ma jasalx fl-impjant u jibqa’ sejjer il-baħar f'Ras il-Ħobż mingħajr ma jgħaddi kif suppost mill-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Servizz tat-trasport pubbliku — riformi ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sar s'issa matul din il-leġislatura biex titwettaq riforma u jiġu introdotti servizzi innovattivi fis-servizz tat-trasport pubbliku f'Għawdex? Meta huwa mistenni li tiddaħħal din ir-riforma? Qed jittieħdu in konsiderazzjoni l-interessi ġenwini tas-sidien tal-karozzi tal-linja u fl-istess waqt ikun hemm servizz li jagħmel sens soċjali u ekonomiku għal Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija nru. 9769, ninfurmah li minn dak iż-żmien 'l hawn saret laqgħa oħra mal-Gozo Bus Owners Association u r-riforma mistennija tidħol is-sena d-dieħla, wara li jintemm il-proċess tat-tender, kif ħabbart diġà.
Leg 11 PQ #11586 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Xlendi u Marsalforn - proġett fuq l-ambjent tal-bajjiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar din is-sena biex jissebbaħ, jissaħħaħ u jittejjeb l-ambjent tal-bajjiet tax-Xlendi u Marsalforn? Kemm kienet in-nefqa f’kull bajja għal dan l-iskop?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Ministeru għal Għawdex jipprovdi servizzi ta' manutenzjoni biex flimkien mal-Kunsilli Lokali rispettivi, iżomm il-bajjiet tax-Xlendi u Marsalforn fi stat tajjeb. Barra minn dan il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jaħdem biex ikollu pjan ħolistiku għal dawn iż-żewġ żoni.
Leg 11 PQ #11587 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — informazzjoni dwar impjegati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati f’Għawdex fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku rispettivament fl-aħħar ta’ Marzu tal-2008 u fl-aħħar ta’Settembru ta’ din is-sena? Jista’jagħti t-tagħrif mitlub, dipartiment dipartiment u entità entità?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi fl-aħħar ta’ Marzu, 2008 u fl-aħħar ta’ Settembru, 2009, in-numru ta’ impjegati f’Għawdex fis-Servizz Pubbliku u fis-Settur Pubbliku kien kif jidher hawn taħt: 31 ta’ Marzu, 2008 30 ta’ Settembru, 2009 Servizz Pubbliku 3059 2995 Settur Pubbliku 583 564 Total 3642 3559 Dettalji tad-Dipartimenti u l-entitajiet li kienu qed iservu fihom dawn l-impjegati jinsabu fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #11588 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — sit għal xogħol ta' back office

Question

Tista’ l-onor Ministru tgħid x’sar s’issa fuq is-sit li gie identifikat għal xogħol ta’ back office f’Għawdex? Tista’ tgħid jekk ġietx sottomessa l-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjnet u l-Ippjanar għal dan l-iżvilupp? Jekk fl-affermattiv, x’inhu n-numru tagħha?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li saret applikazzjoni numru PA 02849/07 lill-MEPA għall-bini ta' uffiċini għal xogħol ta' back office f'Għawdex.
Leg 11 PQ #11983 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bills of Quantities — bini mill-ġdid ta' Triq ix-Xlendi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-Bills of Quantities għall-bini mill-ġdid ta’ Triq i-Xlendi skont Avviż CT/A/016/2009 - Contracts Ref No, CT 2102/2009? Kemm hu t-tul tat-triq se tinbena mill-ġdid?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija informazzjoni pubblika li tinsab fuq is-sit elettroniku tad-Dipartiment tal-Kuntratti (www.contracts.gov.mt).

Bills of Quantities — bini ġdid fi Triq ix-Xlendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-Bills of Quantities għall-bini mill-ġdid ta’ Triq ix-Xlendi skont Avviż CT/A/016/2009 - Contracts Ref No, CT 2102/2009? Kemm hu t-tul tat-triq li se tinbena mill-ġdid skont it-tender?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull min jixtieq jara l-Bills of Quantities jista’ jagħmel dan billi jidħol fil-website tad-Dipartiment tal-Kuntratti u jfittex għat-tender document marbut mas-sejħa tal-offerti għall-bini mill-ġdid tat-triq tax-Xlendi.
Leg 11 PQ #11985 Sitting 156 2009-11-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għall-Politika Soċjali

Akkomodazzjoni Soċjali — units residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inbnew u kemm ġew allokati units residenzjali ġodda f’Għawdex u f’Malta separatament, għall-akkomodazzjoni soċjali kull sena mill-2004 sal-lum ? Jista’ jagħti din l-informazzjoni lokalità lokalità?

Response (DALLI, JOHN)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Persuni li ttrasferew ir-residenza tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ persuni li ttrasferew ir-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex minn Jannar 2008 sal-lum?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn Jannar 2008 u Settembru 2009 kien hemm 554 persuna li ttrasferew r-residenza tagħhom minn Malta għal Għawdex.

Għawdex — faċilitajiet għal cruise liners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'sar u kemm intefqu flus matul l-aħħar tliet xhur tal-2008 u matul din is-sena separatament fuq l-estensjoni tal-faċilitajiet fil-portijiet f’Għawdex biex ikunu jistgħu jidħlu cruise liners f’Għawdex?

Response (GATT, AUSTIN)

Mhux il-ħsieb li cruise liners jidħlu f'xi port f'Għawdex.

żvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji — pakkett preżenti ta’ strumenti fiskali u finanzjarji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti l-pakkett preżenti ta’ strumenti fiskali u finanzjarji għall-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u medji f’Għawdex? Kemm intrapriżi bbenifikaw minn dan il-pakkett u kemm tħallsu flus matul l-aħħar tliet xhur tal-2008 u matul din is-sena rispettivament?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 10821.
Leg 11 PQ #11582 Sitting 155 2009-11-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Quality Service Charters — monitoraġġ tal-implimentazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm Quality Service Charters fil-Ministeru tagħha u kemm minnhom ġew introdotti minn Settembru 2008 sal-lum? X’sar f’dan il-perjodu għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li hemm tnax-il Quality Service Charter fid-Dipartimenti fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Għadu kemm spiċċa audit exercise fuq il-Quality Sevice Charters u qed isir eżerċizzju fuqu.
Leg 11 PQ #11583 Sitting 155 2009-11-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — one stop shops

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm iddaħħlu one stop shops fil-Ministeru tagħha minn Settembru 2008 sal-lum? X’servizzi qed joffri kull wieħed minnhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ddaħħlu żewġ one stop shops fil-Ministeru għal Għawdex minn Settembru 2008 sa llum. Dawn huma: (i) Iċ-Ċentru ta' Matul il-Jum Santa Marta li joffri servizz u nformazzjoni rigward id-diżabilità (ii) Fl-Uffiċċju tal-Passaporti li f'Ottubru 2008 ġiet introdotta l-one stop shop li hija sistema 'Biometric Capture Passport'. B'din is-sistema kull persuna 'l fuq minn 18-il sena li għandha ċittadinanza Maltija u li diġà għandha passaport Malti tista' tiġi f'dan l-Uffiċċju u tapplika għal passaport ġdid.
Leg 11 PQ #11584 Sitting 155 2009-11-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini tal-ħitan tas-sejjieħ

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm għall-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ f’Għawdex li twettaq minn Settembru 2008 sa Diċembru 2008 u din is-sena sal-lum? Min approva dan il-programm? Tista’ tgħid kemm metri tul u metri kwadri ta’ ħitan tas-sejjieħ inbnew mill-ġdid fl-egħlieqi tal-bdiewa Għawdxin fl-istess perjodi? Kemm kienet l-ispiża? X’kienu l-proċeduri u l-kriterji li fuqhom saru l-prijoritizzazzjoni u l-għażla ta’ liema ħitan kellhom jinbnew mill-ġdid? Min ivverifika u approva x-xogħlijiet li saru? Saru applikazzjonijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawn ix-xogħlijiet? Jekk saru, x’inhuma n-numri tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex jirċievi diversi talbiet biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ li jiġu evalwati, u x-xogħol relatat isir fuq mertu prijoritarju li jieħu in kunsiderazzjoni s-sigurtà, l-utilità u l-ambjent. Jiena nfurmata li minn Settembru 2008 sa Diċembru 2008 ħaddiema tal-Gvern bnew 224 metru (443 metri kwadri) ta' ħitan tas-sejjieħ bi spiża ta' €680 u fis-sena 2009 sa issa nbnew 707 metri (1356 metri kwadri) ta' ħitan tas-sejjieħ bi spiża ta' €3640. L-ispejjeż ikkwotati ma jinkludux il-pagi tal-ħaddiema li ħafna drabi jużaw materjal li jkun jinsab fuq il-post stess.
Leg 11 PQ #11585 Sitting 155 2009-11-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — bini ta' passaġġi fil-kampanja

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-programm għall-bini mill-ġdid ta’ passaġġi fil-kampanja f’Għawdex li twettaq minn Settembru 2008 sa Diċembru 2008 u din is-sena sal-lum? Min approva dan il-programm? Tista’ tgħid kemm metri tul u metri kwadri ta’ passaġġi nbnew mill-ġdid f'dawn il-perjodi? Kemm kienet l-ispiża? X’kienu l-proċeduri u l-kriterji li fuqhom saru l-prijoritizzazzjoni u l-għażla ta’ liema passaġġi kellhom jinbnew mill-ġdid? Min ivverifika u approva x-xogħlijiet li saru? Saru applikazzjonijiet lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal dawn ix-xogħlijiet? Jekk saru, x’inhuma n-numri tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Il-Ministeru għal Għawdex jirċievi diversi talbiet biex jinbnew passaġġi fil-kampanja li jiġu evalwati, u x-xogħol relatat isir fuq mertu prijoritarju li jieħu in kunsiderazzjoni s-sigurta', l-utilita' u l-ambjent. Jiena nfurmata li minn Settembru 2008 sa Diċembru 2008 ħaddiema tal-Gvern bnew 177 metru (1002 metri kwadri) ta' passaġġi bi spiża ta' €16,099 u fis-sena 2009 sa issa nbnew 862 metru (2631 metri kwadri) ta' passaġġi bi spiża ta' €30,289. L-ispejjeż ikkwotati ma jinkludux il-pagi tal-ħaddiema li ħadmu dan ix-xogħol.