Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #16440 Sitting 209 2010-04-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Farm Sperimentali

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex il-Farm Sperimentali tal-Gvern f'Għawdex isir ċentru mediterranju fir-riċerka, żvilupp u innovazzjoni? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuqu? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li saru numru ta' laqgħat ma' l-Università ta' Malta biex flimkien ma' l-Università, il-Farm Sperimentali tal-Gvern f'Għawdex ikun jista' jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Ninsab infurmata wkoll li matul din is-sena u s-snin 2011 u 2012, huma ppjanati li jsiru xogħlijiet strutturali u attrezzar b'apparat u makkinarju ġdid u li tibda ssir riċerka fuq razez indiġeni. L-istejjem għal dawn it-tlett snin jiġu ppreparati wara li l-pjan tal-proġett sħiħ ikun ifformulat.
Leg 11 PQ #16023 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

mekkaniżmu uffiċjali ta' konsultazzjoni, ippjannar u eżekuzzjoni tal-proġett

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhu l-mekkaniżmu uffiċjali u formali ta' konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex, jew b'konnessjoni ma' Għawdex, f'dawk l-oqsma li ma jaqgħux taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026.
Leg 11 PQ #16024 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Politika reġjonali għal Għawdex — Qasam tas-Saħħa

Question

Tista' l-Prim Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tas-Saħħa? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’inhi? Tista’ tgħid min jirrakkomanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tas-Saħħa inklużi fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigawrd? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' a) speċjalisti; b) tobba; ċ) nurses; d) paramediċi u ħaddiema oħra fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li m'hemmx Politika Reġjonali għal Għawdex fil-qasam tas-Saħħa. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda, u wara l-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tas-Saħħa kif ukoll in-numru ta' ħaddiema li jaħdmu f'dan is-settur, inkluż l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. Il-proċedura għall-mili tal-postijiet/pożizzjonijiet vakanti hija kif ġej: 1) Il-Ministeru għal Għawdex jagħmel it-talbiet tiegħu a bażi tal-bżonnijiet tas-settur tas-saħħa f'Għawdex u dawn jiġu sottomessi lill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità. 2) Il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi kemm għandu jkun in-numru ta' speċjalisti, tobba, nurses, paramediċi u ħaddiema oħra fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex. 3) Il-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment, l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għal Għawdex jiddiskutu n-numru stabbilit mill-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità f'Capacity Building Meeting li jinżamm apposta għal dan l-iskop u matulu jiġu deċiżi l-postijiet/pożizzjonijiet vakanti fil-Ministeru li għandhom jintlew.
Leg 11 PQ #16025 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

politika reġjonali għal Għawdex — qasam tal-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-anzjani? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’inhi? Tista' tispjega u tgħid min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tal-kura tal-anzjani f’Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' ħaddiema f’dan il-qasam f’Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li m'hemmx Politika Reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-anzjani. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda, u l-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità jistabilixxi u japprova x'inhuma s-servizzi li għandhom jingħataw fil-qasam tal-kura tal-anzjani f'Għawdex. M'hemmx proċedura formali f'dan ir-rigward. Il-Ministeru għal Għawdex jirrakkomanda n-numru ta' ħaddiema li għandu bżonn fil-qasam tal-anzjani. Jistabilixxu u japprovaw in-numru ta' ħaddiema f'dan il-qasam, il-Ministeru tas-Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunità flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #16026 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

mekkaniżmu uffiċjali — tfassil ta' kull politka u proġett

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhuma l-mekkaniżmi uffiċjali u formali biex il-Ministeru għal Għawdex jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija? Meta daħlu fis-seħħ dawn il-mekkaniżmi? X'kienet il-politika u x'kienu l-proġetti nazzjonali li l-Ministeru għal Għawdex ipparteċipa fit-tfassil tagħhom sena sena minn meta ġew introdotti dawn il-mekkaniżmi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, Gvern Nazzjonalista fl-1987 waqqaf il-Ministeru għal Għawdex sabiex f'kull livell ta' diskussjoni u f'kull deċiżjoni li jieħu l-Gvern tkun kunsidrata l-perspettiva Għawdxija u jassigura l-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. Sa mit-twaqqif tiegħu, il-Ministeru għal Għawdex kien strumentali biex ittrasforma lil Għawdex fl-oqsma kollha tal-ħajja u llum Għawdex igawdi minn kwalita' ta' ħajja ta' l-ogħla kwalità għall-bqija ta' Malta. Il-Ministeru għal Għawdex għandu l-għan li jkompli jġib 'il quddiem il-kwalità tal-ħajja f'Għawdex waqt li jipproteġi u jtejjeb il-karatteristiċi kulturali, soċjali u ambjentali tal-gżira Għawdxija. Biex jagħmel dan, il-Ministeru għandu kemm responsabilitajiet li jaqgħu taħtu direttament kif ukoll jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija. Barra minn dan, peress li l-Ministru għal Għawdex hija membru tal-Kabinett, din hija f'pożizzjoni li tagħti l-kontribut u r-rakkomandazzjonijiet tagħha f'dan ir-rigward. Għaldaqstant, il-Ministeru għandu responsabilità oriżżontali fl-oqsma kollha fejn hemm entità jew awtorità/organizazzjoni nazzjonali li għandha r-responsabilità operattiva biex jassigura li dak kollu li jaffettwa lil Għawdex jew isir f'Għawdex ikun fl-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. F'dawn il-każijiet, il-Ministeru għal Għawdex jimpenja ruħu f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ppjanar, u eżekuzzjoni tal-proġetti u x-xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni ma' Għawdex għalkemm ir-responsabilita' operattiva hija ta' l-entita' rispettiva u l-Ministeru li taħtu taqa' l-entità.
Leg 11 PQ #16027 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

funzjonijiet/responsabilitajiet, drittiju u doveri kostituzzjonali pubbliċi

Question

Tista' l-Ministru tispjega u tgħid x'inhuma l-funzjonijiet pubbliċi, ir-responsabilitajiet, id-drittijiet, id-doveri kostituzzjonali u statutorji li l-Ministru/Ministeru għal Għawdex għandha/għandu f'dawk l-oqsma li hija/hu responsabbli direttament għalihom? Tista’ ragħti r-referenza tal-liġijiet relattivi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026. Ma' din nixtieq inżid li apparti r-responsabilità li jipparteċipa fit-tfassil ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija, il-Ministeru għal Għawdex għandu responsabilità diretta tal-oqsma li għalihom jingħata allokazzjoni fl-Estimi Finanazjarji.
Leg 11 PQ #16028 Sitting 208 2010-04-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

politika reġjonali fil-qasam tal-edukazzjoni t'Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tjgħid jekk hemmx politika reġjonali għal Għawdex fil-qasam tal-edukazzjoni? Jekk fl-affermattiv tista’ tispjega x’hinija? Tista' tispjega u tgħid min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova kemm għandu jkun in-numru ta' kapijiet, għalliema, kindergarten assistants, learning support assistants u ħaddiema oħra fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex? Min hu responsabbli għal dawn l-impjegati? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova xi skejjel għandu jkun hemm f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrikmanda, min jistabilixxi u min japprova x'korsijiet isiru u x'suġġetti jitgħallmu fl-iskejjel tal-gvern f'Għawdex, x'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li Għawdex jimxi fuq l-istess linji li jitfasslu fuq bażi nazzjonali sew għal Malta kif ukoll għal Għawdex skont il-qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Il-prinċipal tal-Kulleġġ jirrakkomanda kemm għandu jkun in-numru ta' kapijiet, għalliema, kindergarten assistants, learning support assistants wara li jkun ikkonsulta mal-kapijiet u wara li jkun inħadem l-eżerċizzju tal-klassifikazzjoni. Jistabilixxi u japprova ċentralment id-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi, Malta (DSE). Dwar 'ħaddiema oħra': Staff minuri u dawk klerikali jistabilixxi u japprova d-Dipartiment u d-Direttorat tal-Customer Services, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex. Wara li jintbagħat għand id-DSE l-abbozz tal-eżerċizzju ta' klassifikazzjoni, isiru laqgħat bejn id-DSE u l-Prinċipal tal-Kulleġġ sabiex kull skola jkollha n-numru ta' mpjegati (kinder, LSA's, instructors, għalliema, ass. Kapijiet, Kapijiet) meħtieġa. Ir-responsabilità taqa' fuq l-individwi stess; fuq il-kapijiet tal-iskejjel, fuq il-Prinċipal tal-Kulleġġ u fuq id-diversi direttorati fi ħdan iż-żewġ direttorati ċentrali, id-DSE u DQSE (Dipartiment tal-Kwalità u Standards) fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Kif għidt qabel, Għawdex jimxi fuq il-proċeduri ċentrali li joħorġu mill-qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali. Hemm każijiet fejn skola partikolari tista' ddaħħal xi kors speċjali wara li dan jiġi approvat mid-Direttorati Ġenerali.

Xogħlijiet fil-Qasam Industrijali f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex il-fondi għal xogħlijiet maġġuri fil-Qasam Industrijali f'Għawdex ġew ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux ivvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15590.

studenti Għawdxin li jsegwu kors fl-MCAST f'Malta u Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li segwew korsijiet fl-Università ta' Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta’ Malta fis-sena akkademika 1960/1961 u fis-sena akkademika 1970/1971? Tista’ tagħti din l-informazzjoni skont il-kors li kienu qed isegwu l-istudenti u skont is-sena li kienu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li jsegwu korsijiet fl-ITS

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti Għawdxin isegwu korsijiet fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ studenti Għawdxin li qed isegwu kors fl-ITS Malta huwa kif ġej:- 1 Student - Higher Diploma in Hospitality and Tourism Management (Raba’ Sena) 1 Student - Tour Guiding (Tieni Sena) 1 Student - Food Preparation and Production & Supervisory Studies (Tieni Sena) 2 Student - Diploma in Culinary Arts (Raba’Sena) 6 Studenti - Fuq Internship (Tielet Sena) Fl-ITS Hotel School Qala n-numru ta’ studenti Għawdxin huwa kif ġej:- 16 Studenti - Extended Skill Training Scheme (Hospitality Trades) 14 Studenti - Extended Skill Traininig Scheme (Hospitality Trades)

sejħa għall-offerta għat-tħaddim tas-servizzi ta' baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu mistenni li toħroġ l-offerta għat-tħaddim tas-servizzi tal-baħar bejn Malta u Għawdex? Jista’ issa jgħid jekk is-servizz Mġarr-Sa Maison hux se jkun parti minn din l-offerta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta qed tħejji l-offerta għat-tħaddim tas-servizzi tal-baħar bejn Malta u Għawdex. Id-data tal-ħruġ ta' din l-offerta titħabbar meta jitlesta dan il-proċess. Nikkonferma li l-ħsieb huwa li s-servizz Mġarr-Sa Maison/Port il-Kbir se jkun parti minn din l-offerta.
Leg 11 PQ #15890 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Qasam Industrijali tax-Xewkija Għawdex — ħaddiema li mhux jirċievu l-paga

Question

Tista' l-Ministru tara r-raġuni għaliex il-ħaddiema li jaħdmu fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija Għawdex fil-fabbrika Bayvarc ilhom ix-xhur ma jirċievu l-paga?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 11 PQ #16022 Sitting 207 2010-04-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Uffiċjali tal-agrikoltura

Question

Tista' l-Ministru tgħid min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali ta' l-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Hemm politika reġjonali għal Għawdex fl-oqsma tal-biedja u sajd? Għaliex l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea m'huwa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam ta' l-Agrikoltura f'Għawdex jiġu deċiżi mid-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp u fejn hemm bżonn flimkien ma' dipartimenti fil-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Ninsab infurmata wkoll li l-gradi ta' uffiċjali u n-numru tagħhom fil-qasam ta' l-Agrikoltura fil-Ministeru għal Għawdex jiġu stabbiliti mid-Dipartiment għall-Proġetti u Żvilupp fil-Ministeru għal Għawdex u approvati mill-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Jiena nfurmata li l-politika reġjonali fuq il-biedja għal Għawdex hija skont il-viżjoni Eko-Għawdex u li bdiewa Għawdxin jibbenefikaw minn skemi ta' għajnuna fuq bażi nazzjonali kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea.

Investments Incentives

Question

Jista' l-Ministru jagħti r-raġunijiet għaliex il-fondi allokati għall-investment incentives għas-sena 2010 ġew ivvotati taħt item 7096 - Investments Incentives (subvention) taħt il-Ministeru tiegħu meta qabel kienu jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, fl-2010, l-assistenza li titħallas minn taħt l-expenditure item imsemmi, bħala inċentiv għall-investiment f’Għawdex, qegħdha tiġi amministrata mill-Malta Enterprise, bil-kordinazzjoni neċessarja mal-Ministeru ta’ Għawdex.

kiri tal-vapuri tal-Gozo Ferries Co Ltd

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kiri tal-vapuri tal-Gozo Ferries Co Ltd hux se jkun obbligatorju għat-tħaddim tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt is-sejħa għall-offerti li għandha toħroġ għat-tħaddim tal-istess servizz?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi peress li l-‘Public Service Obligation’ tender se tkun mngħedijha minn Transport Malta, nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika — xogħol ta' back office

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15360 fejn staqsejt jekk il-Ministru jaqbilx li x-xogħol ta' back office li s-sorsi amministrativi jagħmlu għall-ġbir tad-data nazzjonali u mhux biss dik regjonali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jiġi trasferit għal Għawdex fejn jibda jsir minn ħaddiema Għawdxin, jista’ l-Ministru jwiegeb għall-mistoqsija kif magħmula?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi f’dan l-istadju, ix-xogħol ta’ back office li s-sorsi amministrativi jagħmlu għal ġbir tad-data nazzjonali mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jistax jiġi trasferit għal Għawdex.

Għarb Għawdex — Bini ta' Sewage Pumping Station f'Wied il-Mielaħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ħarġitx xi tender għall-bini ta’ Sewage Pumping Station f’Wied il-Mielaħ, l-Għarb, Għawdex? Jekk ħarġet meta? Min rebaħha? Kemm hu l-valur tal-kuntratt? Meta beda x-xogħol? Meta huwa marbut li jlesti x-xogħol kollu l-kuntrattur? X’sar s’issa u x’jonqos isir biex jitlesta x-xogħol?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi kienet ħarġet tender għall-bini ta’ Sewage Pumping Station f’Wied il-Mielaħ, l-Għarb. Is-sejħa għall-offerta kienet ħarget fit-3 ta’ April, 2007 u din it-tender rebaħha il-kuntrattur Road Construction Ltd għal valur ta’ € 852,131.29. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jkun lest sal-31 ta’ Mejju, 2010 skont it-termini tal-kuntratt. Sa issa tlesta ix-xogħol kollu ta’ skavar u 25 fil-mija tax-xogħol ta’ concrete . Jonqos il-kumplament tax-xogħol tal- concrete kif ukoll jinbnew strutturi għal-elettriku u kontrol tal-pompa kif ukoll jiġu nstallati l-pompi u apparat ieħor.
Leg 11 PQ #15860 Sitting 206 2010-04-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Kumpaniji b'maġġoranza ta' ishma

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15615 u 15374 u jgħid x’inhuma l-programmi, l-inizjattivi, l-iskemi, il-proġetti u xogħlijiet li d-dipartimenti tal-Gvern, l-awtoritajiet, il-korporazzjonijiet, l-entitajiet, l-aġenziji, l-organizzazzjonijiet indipendenti statutorji u l-kumpaniji b’maġġoranza ta’ ishma pubbliċi li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu se jwettqu f’Għawdex sena, sena minn din is-sena sal-2013? Kemm hu stmat il-valur ta’ kull proġett, programm, eċċ.? Liema minn dawn il-programmi, inizjattivi, eċċ. huma/se jkunu ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea? Meta bdew jitwettqu/meta mistenni li jibdew jitwettqu u meta huwa mistenni li jitlestew/jispiċċaw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika — xogħol ta' back office

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15614 u 15360 u ċioe: B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15360 fejn staqsejt jekk il-Ministru jaqbilx li x-xogħol ta' back office li s-sorsi amministrativi jagħmlu għall-ġbir tad-data nazzjonali u mhux biss dik regjonali fl-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jiġi trasferit għal Għawdex fejn jibda jsir minn ħaddiema Għawdxin, jista’ l-Ministru jwiegeb għall-mistoqsija kif magħmula?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15614.