Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15592 u jgħid jekk il-kiri tal-vapuri tal-Gozo Ferries Co Ltd hux se jkun obbligatorju għat-tħaddim tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt is-sejħa għall-offerti li għandha toħroġ għat-tħaddim tal-istess servizz?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15592.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15590 u jagħti r-raġunijiet għaliex il-fondi allokati għall-investment incentives għas-sena 2010 ġew ivvotati taħt item 7096 - Investments Incentives (subvention) taħt il-Ministeru tiegħu meta qabel kienu jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux jiġu vvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15590.
Baħar tad-Dwejra — Marine Special Area of Conservation
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex il-baħar tad-Dwejra jsir Marine Special Area of Conservation u biex jinħolqu MSACs oħra? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuqhom? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Prim Ministru.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi provdut trasport pubbliku effiċjenti f'Għawdex? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2011 u fl-2012 fuq din l-inizjattiva? X'inhi n-nefqa s'issa fuqha? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ir-riforma għal trasport pubbliku aktar effiċjenti f'Għawdex hija parti mir-riforma tat-trasport pubbliku fuq bażi nazzjonali. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid f'liema oqsma l-Ministeru tagħha qed iwettaq politika reġjonali għal Għawdex? X'inhi l-politika reġjonali li qed titwettaq f'kull wieħed minn dawn l-oqsma?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant, il-Ministeru għal Għawdex twaqqaf sabiex jixpruna l-iżvilupp f'kull qasam tal-gżira Għawdxija. Il-Gvern jagħraf li Għawdex għandu karatteristiċi partikolari u għalhekk bżonnijiet differenti minn dawk ta' Malta u fassal politika li hija mmirata direttament lejn l-esiġenzi ta' din il-gżira. Grazzi għall-ħidma partikolari tal-Ministeru flimkien mal-ħidma kollettiva tal-Gvern preżenti, Għawdex hu llum ukoll meqjus bħala reġjun fuq livell tal-politika Ewropeja. Din il-politika tfisser, fost l-oħrajn, li mill-anqas 10% tal-fondi mill-Unjoni Ewropea għall-perjodu 2007-2013 qegħdin ikunu wżati għall-benefiċċju ta' Għawdex. Din il-politika reġjonali għal Għawdex tħaddan ukoll il-viżjoni Eko-Għawdex li tippromwovi inizjattivi f'kull qasam għal din il-gżira li jirrikonoxxu l-potenzjal u l-isfidi li għandha.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Ministeru tiegħu għall-oqsma tal-agrikoltura u s-sajd f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-politika dwar agrikoltura f' Malta u Għawdex hija l-istess kif definit fid-dokument Rural Development Programme for Malta (2007 – 2013). L-istess jista’ jingħad għall-politika dwar il-politika dwar is-sajd għar-rigward ta’ Malta u Għawdex definit fl-Fisheries Operational Programme: 2007 – 2013– (European Fisheries Fund). Din il-politika tal-Gvern hija riflessjoni tal-Politika Agrikola tal-Unjoni Ewropeja ul-Politika tas-Sajd tal-Unjoni Ewropeja.
Tista' l-Ministru tgħid min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandhom ikunu s-servizzi li jingħataw mill-Ministeru għal Għawdex fil-qasam tal-agrikoltura f'Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandu jkun in-numru ta' l-uffiċjali fid-dipartiment tal-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Min jirrakkmanda, min jistabbilixxi u min japprova x'għandhom ikunu l-gradi ta' l-uffiċjali tal-agrikoltura tal-Ministeru għal Għawdex? X'inhi l-proċedura formali f'dan ir-rigward? Hemm politika reġjonali għal Għawdex fl-oqsma tal-biedja u sajd? Għaliex l-ebda proġett fil-qasam ta' l-agrikoltura f'Għawdex kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea m'huwa taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta ta' mistoqsija identika bin-numru 16022.
Tista’ l-Ministru tgħid liema mill-proposti li hemm fid-dokument ta’ Eko-Għawdex huma taħt ir-responsabilità diretta tal-Ministeru tagħha? X’inhi r-responsabilità tal-Ministeru tagħha f’dawk il-proposti li l-Ministeru tagħha m’għandux ir-responsabilità diretta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 16026 u 16027.
Jiena nfurmata li kif jirriżulta ċar, fil-maġġor parti tagħhom, il-proposti f'dan id-dokument jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru għal Għawdex.
Fil-każijiet fejn il-proposti jaqgħu taħt ir-responsabilità ta' Ministeru ieħor, il-Ministeru għal Għawdex jaħdem mal-Ministeru konċernat biex il-proposti jitwettqu bl-aħjar mod.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15591 u jagħti r-raġuni għaliex il-fondi għal xogħlijiet maġġuri fil-Qasam Industrijali f'Għawdex ġew ivvotati taħt il-Ministeru tiegħu? Jista’ jgħid min ħa d-deċiżjoni li dawn il-fondi jiġu vvotati taħt il-Ministeru tiegħu u ma jibqgħux ivvotati taħt il-Ministeru għal Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15591.
Sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli
Question
Tista' l-Ministru tgħid xi studji saru s'issa din is-sena dwar l-aħjar proċessi, sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli? Saru xi rakkmandazzjonijiet s'issa dwar dan il-proġett? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena, fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilitajiet imsemmija huma parti mill-proġett biex il-Farm Sperimentali jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Għaldaqstant nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16440.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha dwar l-aħjar użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura f'Għawdex u għall-immaniġġjar tajjeb tal-kontenituri ta' perstiċidi? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena, fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li wara li fl-2008 sar kors għall-bdiewa dwar l-użu korrett tal-pestiċidi, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed jippjana li jorganizza korsijiet oħrajn dwar dan is-suġġett. Ninsab infurmata wkoll li fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija qegħdin jintużaw nases, feromoni, u xbieki (insect nets) kif ukoll sterilizazzjoni tal-ħamrija bix-xemx (solarisation) biex jiġi evitat l-użu tal-kimiċi bħala eżempju għall-bdiewa. Fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija tpoġġa ukoll steel cabinet fejn il-bdiewa jiddisponu minn kontenituri tal-pestiċidi b'mod sikur.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi inkoraġġit il-bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ f'Għawdex? X'inċentivi ngħataw biex l-art agrikola tkompli tinħadem? X'inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fil-preżent qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mill-bdiewa li permezz tagħhom jiġu ntitolati għall-għajnuna ko-finanzjata mill-Unjoni Ewropea li tinċentiva l-bdiewa biex ikomplu jieħdu ħsieb u jaħdmu r-raba' tagħhom.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hi l-area totali koperta b'ġonna u msaġar f'Għawdex illum? X'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jitħawlu siġar sabiex jinħolqu ġonna u msaġar f'inħawi li huma esposti għall-erużjoni f'Għawdex? X'inhu ppjanar u pprogrammat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li l-area totali koperta b'ġonna u msaġar pubbliċi f'Għawdex illum hija ta' 110,000 metru kwadru u li matul din is-sena qed isir xogħol preparatorju fuq siti oħrajn u se jinħarġu offerti għal xogħlijiet biex isiru ġonna u msaġar. Huwa ppjanat li matul dawn it-tlett snin isir ix-xogħol u taħwil fis-siti li diġa rreferejt għalihom kif ukoll f'siti oħrajn li jiġu identifikati aktar 'il quddiem. Ninsab infurmata ukoll li x-xogħlijiet ippjanati għal din is-sena li sa issa ġew stmati, huma kkalkulati li se jiswew madwar €666,000.
Għawdex — Faċilitajiet fejn jitkabbru siġar u pjanti
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex f'Għawdex jitjiebu l-faċilitajiet fejn jitkabbru siġar u pjanti ta' valur ġenetiku u biex dawn il-faċilitajiet jinfetħu għall-pubbliku u riċerkaturi? X'inhu ppjanat u programmat li isir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dawn l-inizjattivi? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-faċilitajiet imsemmija huma parti mill-proġett biex il-Farm Sperimentali jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni. Għaldaqstant nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16440.
Tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jitnaddfu l-widien f'Għawdex? X'inhu ppjanar u programmat li jsir din is-sena fl-2011 u fl-2012 fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa s'issa fuq dan il-proġett? X'inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2010 - 2012?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li matul din is-sena sar tindif minn ħaddiema tad-Dipartiment Proġetti u Żvilupp ta' oġġetti u materjal li ntefa' llegalment fil-Wied ta' Żejta fil-limiti tar-Rabat u qegħdin isiru preparamenti biex jitnaddfu uħud mill-ġibjuni fil-wied li mir-Rabat iwassal għal Marsalforn. Jiena infurmata ukoll li matul dawn it-tliet snin se jkomplu jitnaddfu widien u ġibjuni f'diversi inħawi f'Għawdex. L-istejjem tax-xogħol għal din is-sena se jiġu ppreparati hekk kif jiġi determinat il-mod kif se isiru l-interventi.
Tista' l-Ministru tgħid fuq liema korpi statutorji - bħalma huma l-MCESD, l-MEUSAC, l-Korporazjzoni għas-Servizzi tal-Ilma, Heritage Malta, il-Wasteserv, l-Awtorità tal-Ambjent u l-Ippjanar, l-Awtorità dwar it-Trasport, il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada u il-Fondazzjoni għas-Servizzi tas-Saħħa – hemm rappreżentant tas-soċjetà Għawdxija? Fejn hemm, x’konsultazzjoni saret u ma' min dwar il-ħatra tagħhom? X’inhuma l-kriterji għall-għażla ta’ dawn ir-rappreżentanti?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nixtieq ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għal Għawdex għandu responsabilità oriżżontali fl-oqsma kollha fejn hemm entità, awtorità jew organizazzjoni nazzjonali li għandha responsabilità operattiva sabiex jassigura li dak kollu li jaffettwa lil Għawdex jew isir f'Għawdex ikun fl-aħjar interess ta' Għawdex u l-Għawdxin. Għal dan il-għan il-Ministeru jista' jkollu rappreżentant/a fuq xi bordijiet, bħal per eżempju, Heritage Malta. Irrispettivament mill-fatt jekk il-Ministeru għandux rappreżentanza fuq bordijiet statutorji, il-Ministeru għal Għawdex jimpenja ruħu f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ppjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u xogħol kollu li jsir f'Għawdex jew b'konnessjoni mal-gżira Għawdxija minn dawn l-entitajiet.
Inġustizzja mal-ħaddiema ġo fabbrika fix-Xewkija Għawdex
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-gvern qiegħed jippermetti li ssir inġustizzja lampanti fil-fabbrika li isimha qed jintbagħat separatament fil-qasam industrijali tax-Xewkija, Għawdex fis-sens li qiegħda ssir diskriminazzjoni mal-ħaddiema peress li ċerti ħaddiema jitħallsu u oħrajn jitħallew għal xhur mingħajr paga u jekk ġustifikament jilmentaw minħabba dan id-dewmien, huma jiġu mhedda bit-terminazzjoni tal-impjieg tagħhom?
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15590, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm fondi allokati għall-investments incentives għall-industrija f'Għawdex għas-sena 2010 taħt item 7096 - Investment Incentives (subvention)?
Response (FENECH, TONIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kiri tal-vapuri tal-Gozo Ferries Co Ltd hux se jkun obbligatorju għat-tħaddim tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt is-sejħa għall-offerti li għandha toħroġ għat-tħaddim tal-istess servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 13753 u 15153.
Rabat Għawdex — Kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien
Question
Tista' l-Ministru tgħid minn min hi magħmula l-RCF Joint Venture li ngħatat il-kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-RCF Joint Venture li ngħatat il-kuntratt tal-bini tal-iskola sekondarja tas-subien fir-Rabat, Għawdex hi magħmula minn C&F Building Contractors Ltd. u minn Road Construction Co. Ltd.