Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #17134 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Għawdxin akkuzati fil-Qrati

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15163 dwar kemm kien hemm persuni residenti f’Għawdex li ġew akkużati fil-Qorti kull sena mill-1999 sal-2009, jista’ l-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub taħt il-forma li jinżamm mill-amministrazzjoni tal-Qorti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-amministrazzjoni tal-Qorti f'Għawdex ma żżommx it-tagħrif mitlub taħt forma ta' statistika.
Leg 11 PQ #17135 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Eco Gozo Vision Document

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-eco-Gozo vision document ġiex ippubblikat? Jekk iva, tista’ tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk le, għaliex għadu ma ġiex ippubblikat? Meta mistenni jiġi ppubblikat?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li dan id-dokument huwa fi stadju ta' working draft.
Leg 11 PQ #17136 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kumitat Reġjonali għal Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9767, jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk ir-rapport dettaljat ta’ rakkmandazzjonijiet tal-Kumitat Reġjonali għal Għawdex tressaqx quddiem il-Kunsill Malti għall-Iżvillup Ekonomiku u Soċjali? Jekk fl-affermattiv, meta? X’għamel dwaru l-KMIES? Irreferih lill-gvern għall-kunsiderazzjoni tiegħu? Jekk fl-affermattiv, meta? X’għamel il-gvern s’issa fuq dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #17137 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xogħol fuq bini ta' triq mir-Rabat sal-Pjazza ta' San Lawrenz

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta mistenni li jerġa' jibda u jitlesta x-xogħol fuq il-bini mill-ġdid tat-triq li mir-Rabat twassal għall-pjazza ta' San Lawrenz u li kellha ssir taħt il-perijodu ta' programmazzjoni tal-Unjoni Ewropea għas-snin 2004 - 2006?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li sejħiet għall-offerti għal xogħol fuq it-Triq Franġisk Portelli u t-Triq San Lawrenz, qegħdin fil-fażi ta' l-evalwazzjoni.
Leg 11 PQ #17138 Sitting 221 2010-05-17 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trasferimenti mid-dipartimenti tal-Ministeru

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm trasferimenti saru minn fergħa għal oħra u minn dipartiment għal ieħor fi ħdan il-Ministeru tagħha xahar xahar mill-1 ta’ Jannar 2009? Tista' tagħti dan it-tagħrif skond il-fergħa u d-dipartiment minn fejn ġew trasferiti u l-fergħa u d-dipartiment għal fejn ġew trasferiti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proġetti f'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni jinbeda u jitlesta kull proġett f’Għawdex li hemm inkluż fir-rapport dwar ħolqien jew tkabbir ta' yacht marinas? Inbeda u/jew tlesta xi proġett li hemm inkluż f’dan ir-rapport? Jekk fl-affermattiv, liema huwa/huma l-proġett/i? Meta nbdew u meta tlestew?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #16836 Sitting 220 2010-05-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Bini ta' Airstrip

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 15144 u 13538 u jgħid meta huwa mistenni li l-Kabinett jirċievi r-rapport dwar il-possibilità li tinbena airstrip f’Għawdex? Meta kien ġie kkummissjonat dan ir-rapport? Minn min ġie kkummissjonat? Minn min qed jitħejja? X’inhuma t-terms of reference għat-tħejjija ta’ dan ir-rapport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 13538.

applikazzjonijiet għall-ħlas ta' għotja ta' inċentivi speċifiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm industrijalisti Għawdxin li għandhom applikazzjonijiet għall-ħlas ta’ għotja ta’ inċentivi speċifiċi għall-industrija f’Għawdex approvati u għadhom ma tħallsux? Jista’ jgħid kemm huma l-ammonti dovuti lil dawn l-industrijalisti u għal liema snin huma dovuti? Jista’ jgħid meta se jitħallsu u kemm se jitħallsu? Jista’ jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għand il-Malta Enterprise? Kemm huma l-ammonti mitluba u għal liema snin huma?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-ewwel ta Jannar ta’ din is-sena, Malta Enterprise ħadet f’idejha wkoll il-ħlas ta’ għotja ta’ inċentivi għall-industrija f’Għawdex (Gozo Transport Grant -manufacturing). Claims għall-valur ta’ €473,347, li kienu approvati mill- Korporazzjoni u li l-ħlas tagħhom kien għadu pendenti sa Diċembru 2009, ġew mħallsa fi Frar 2010. Bħalissa hemm 15-il applikazzjoni pendenti li qed jiġu pproċessati, li l-valur tagħhom ma jistax jiġi determinat qabel ma jispiċċa il-proċess kollu. Infakkar lil Onorevoli Interpellant li l-applikazzjoni għat -transport grant issir meta il-kumpanija jkollha f’idejha l-audited financial statements għal dik is-sena partikulari. Dawn il-fondi jirreferu għall-iskema imsemmija f’Artiklu 23 tal-BPA, u ma tinkludix l-Inter-Island Transport Scheme li hija amministrata mill-Ministeru ta’ Għawdex direttament.
Leg 11 PQ #17016 Sitting 220 2010-05-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Lejliet Lapsi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm beħsieba tkun l-istima għal Lejliet Lapsi li sejra isir dan ix-xahar ta' Mejju f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-estimi tal-Ministeru għal Għawdex taħt l-item Notte Gozitana hemm ivvutata s-somma ta' €150,000 biex tagħmel tajjeb għal din l-attività.
Leg 11 PQ #16830 Sitting 219 2010-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dixxiplina tal-impjegati fil-Qasam tal-Edukazzjoni f'Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid liema Ministeru huwa responsabbli mid-dixxiplina tal-impjegati fil-qasam tal-Edukazzjoni f’Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-Ministeru għal Għawdex huwa responsabbli mid-dixxiplina tal-uffiċjali pubbliċi li jaħdmu fil-qasam edukattiv f’Għawdex.
Leg 11 PQ #16831 Sitting 219 2010-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

mekkaniżmu uffiċjali — tfassil ta' kull politka u proġett

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16026, tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma l-mekkaniżmi uffiċċjali u formali fuq livelli Dipartimentali u fuq livelli operattivi: a) fit-tfassil u implimentazzjoni ta' kull politika u proġett nazzjonali biex tkun assigurata d-dimensjoni Għawdxija; u b) fit-tfassil u implimentazzjoni ta' kull politika u proġett għar-reġjun ta’ Għawdex f’dawk il-każijiet li l-Ministeru għal Għawdex għandu biss kompetenzi orizzontali?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Kif diġa nfurmajt lill-Onor. Interpellant fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 16026, il-Ministeru għal Għawdex hu involut f'kull stadju ta' konsultazzjoni, ippjanar u eżekuzzjoni tal-proġetti u xogħol kollu li jsir f'Għawdex, inkluż dawk il-każijiet li l-Ministeru għal Għawdex għandu biss kompetenzi orizzontali. Dan l-involviment isir kemm fuq livelli dipartimentali kif ukoll fuq livelli operattivi.

Livelli tan-nitrati fl-ilma ta' taħt l-art

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-livelli tan-nitrati li nstabu fl-ilma ta' taħt l-art (tal-pjan u ta' fuq it-tafal) kull sena mill-1998 sal-2009 f'Malta u Għawdex separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Sas-sena 2008, il-monitoragg tal-kwalita ta’ l-ilma tal-pjan f’Malta kien iffukat fuq dawk il-korpi ta’ l-ilma li jintuzaw ghall-irfiegħt a’ l-ilma tax-xorb. Għalhekk fl-ewwel tabella, qed jiġi ppreżentat kif il-livell tan-nitrat varja f’dawn il-korpi ta’ l-ilma bejn l-1998 u l-2009 kif imkejjel fil-Pumping Stations operati mill-Water Services Corporation. Fl-2009 ġie mniedi għall-ewwel darba f’Malta programm estensiv ta’ monitoraġġ tal-korpi kollha ta’ l-ilma tal-pjan li għalhekk ikopri kemm dawk il-korpi ta’ l-ilma li jintużaw ghall-irfiegħ tal-ilma tax-xorb u anke dawk il-korpi li jintużaw esklussivament għat-tisqija. Minħabba li l-istazzjonijiet ta’ monitoraġġ użati fil-korpi ta’ l-ilma l-kbar (dawk ikkwotati fit-tabella Numru 1) ma humiex l-istess pumping stations tal-Water Services Corporation iżda jinkludu wkoll spejjer u boreholes private, il-valuri ppreżentati fit-tieni tabella ma jaqblux eżatt u ma jistgħux jiġu komparati ma dawk tal-ewwel tabella. Għalhekk tajjeb li wieħed jinnota wkoll li: i. billi l-punti ta’ monitoraġġ il-ġodda huma aktar imxerrda mal-korpi ta’ l-ilma kollha; il-valuri pprezentati fit-tieni tabella għandhom ikunu meqjusa bħala aktar rappreżentattivi tal-kwalita tal-ilma tal-pjan; u ii. billi l-punti ta’ monitoraġġ ikopru ukoll areas ta’ dawn il-korpi ta’ l-ilma li ma jintuzawx ghall-irfiegħ ta’ ilma tax-xorb; il-livell average ta’ nitrat fihom huwa għola mill- avearge li joħroġ mill-Pumping Stations tal-Water Services Corporation li huma f’lokalitajiet aktar ċentrali fil-korp tal-ilma. Fil-fatt il-livelli ta' nitrati identifikati jikkorrelataw b’mod qawwi ma' l-intensità ta' l-attività agrikola fiż-żona minn fejn issir l-estrazzjoni Ta' min ifakkar għal darb’ oħra li llum qed inħossu l-effett ta' nuqqas ta' ħsieb jew konoxxenza fis-snin li għaddew. Skont l-esperti huwa kkalkulat li r-Residence Time (jiġifieri, iż-żmien li jieħu l-ilma tax-xita mill-ħin li jippenetra fl-art sakemm joħroġ mill-pjan ta' l-art) huwa bejn wieħed u ieħor 40 sena. Illum f'dawn il-livelli qed naraw ir-riżultat tal-użu indiskriminat ta' fertilizzant, b'mod partikolari l-Urea li llum huwa llegali li timportah u wisq aktar li tużah.

Feasibility study u Environment Impact Assessments

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 13536, 13226 u 12482 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-feasibility study u l-Environmental Impact Assessment li għamlet l-ECORYS BV dwar il-bini ta’ rmiġġ/i fuq in-naħa ta’ barra tal-breakwater prinċipali fil-Port tal-Imġarr, Għawdex biex jintużaw bħala cruise berths? Jista’ jgħid jekk l-Environmental Impact Assessment tlestiex?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Riżultati tat-testijiet tat-tafal

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tat-testijiet tat-tafal li saru qabel ħarġet/ingħatat it-tender għall-bini mill-ġdid u tat-testijiet li saru wara li nagħtat it-tender għall-bini mill-ġdid tat-Triq Rabat – San Lawrenz? Tista’ tgħid jekk kenitx ħarġet offerta separata għat-twettiq ta’ kull wieħed miż-żewġ settijiet ta’ testijiet? Meta ħarġu t-tenders, meta ngħataw u lil min?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasateru tiegħi.
Leg 11 PQ #16835 Sitting 219 2010-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Koperattiva Għawdxija tal-Bdiewa — bitħa mikrija

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’użu qed isir mill-art li l-Ministeru għandu mikrija fil-bitħa tal-Koperattiva Għawdxija tal-Bdiewa (Gozitano) fix-Xewkija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-Ministeru għal Għawdex m'hu qed iħallas l-ebda kera minħabba li m'hux qed jagħmel użu minn art fil-bitħa tal-Koperattiva Għawdxija tal-Bdiewa (Gozitano) fix-Xewkija.

negozji żgħar jew imprendituri Għawdxin li bbenefikaw minn skemi

Question

Jista' l-Ministru jgħid mis-sena 2008 sal-lum kemm kien hemm negozji żgħar jew imprendituri oħra Għawdxin li bbenefikaw minn xi skemi mnedija biex jgħinu fl-iżvilupp jew tkabbir tan-negozju tagħhom? Jekk fl-affermattiv, liema kienu dawn in-negozji żgħar jew imprendituri u jekk ibbenefikawx in cash jew in kind ? Jekk ibbenefikaw in cash kemm kien l-ammont mogħti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2008, 31 negozju u imprenditur Għawdxi ibbenefikaw minn assistenza mogħtija mill-Malta Enterprise, u fl-2009, ibbenefikaw 37. L-assistenza mogħtija mill-Malta Enterprise kienet taħt forma ta’ krediti ta’ tax u cash u ammontat għal total ta’ €2.7 miljun. L-ismijiet tal-intrapriżi konċernati, legalment ma jistgħux jingħataw għax huma ta’ natura kunfidenzjali.

persuni, operaturi industrijali u ażjendi — żieda fil-kreditu ta' taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar sentejn, kemm kien hemm persuni, operaturi industrijali, ażjendi eċċ, li bbenefikaw minn żieda fil-kreditu ta' taxxa sa 60% biex jinvestu f'Għawdex?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-iskema Micro Invest, li tipprovdi kreditu ta’ taxxa sa 60% ta’ spiża eliġibbli għal entrapriżi ġewwa Għawdex, ġiet introdotta din is-sena (sena bażi 2010). Għal din ir-raġuni, bħala Dipartiment tat-Taxxi Interni, jkollna d-dettalji ta’ kemm persuni bbenefikaw minn dan l-inċentiv wara li jidħlu u jkunu pproċesati l-formoli tat-taxxa għas-sena bażi 2010.

eżami tal-mużika

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li student li jkun għadda mill-eżami tal-mużika fi grad 6 tat-Trinity College of Music, Londra, ekwivalenti għal-livell 4 skont il-Malta Council for Qualifications, dan ma jistax jippreżentah bħala suġġett normali fil-livell ta' edukazzjoni ordinarja għad-dħul fis-Sixth Form, l-Università ta' Malta jew xi istituzzjoni edukattiva oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

M’hemm xejn li jżomm student milli jippreżenta ċertifikat li jkun għadda mill-eżami tal-mużika fi grad 6 tat-Trinity College of Music, Londra. Madankollu, kull istituzzjoni edukattiva ta’ livell ogħla għandha d-dritt li tistabbilixxi l-eliġibilità tal-kwalifiki li student għandu jippreżenta għal dħul tal-korsijiet tagħha. L-eżami tal-mużika fi grad 6 teorija u grad 6 prattika tat- Trinity College of Music , Londra, jiġi aċċettat għad-dħul fil-Junior College bħala wieħed mis-suġġetti fil-livell ta’ edukazzjoni ordinarja.
Leg 11 PQ #16505 Sitting 218 2010-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MTA — liċenzja għat-turiżmu domestiku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni Għawdxin li għandhom liċenzja għat-turiżmu domestiku quddiem l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta? Jista' jagħtu dan it-tagħrif sena b'sena u skont kull lokalità f'Għawdex mill-1999 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed nippreżenta tabella li turi n-numru ta’ liċenzi maħruġa mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta skont kull lokalità f’Għawdex mill-2002 sal-lum. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dritt għall-liċenzja ta’ postijiet għall-btala użati għat-turiżmu domestiku ġie stabbilit fl-Avviż Legali 125 ta’ l-2002 li ġie invigore fil-31 ta’ Mejju 2002. Għalhekk din it-tip ta’ liċenza ma kenetx teżisti qabel is-sena 2002.
Leg 11 PQ #16633 Sitting 218 2010-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Inkjesti Maġisterjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid: a) kemm infetħu inkjesti maġisterjali f'dawn l-aħħar ħames snin separatament f'Malta u Għawdex; b) kemm ingħalqu inkjesti maġisterjali f'dawn l-aħħar ħames snin f'Malta u Għawdex separatament; ċ) kemm inkjesti għadhom pendenti f'Malta u Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-