B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32793 fejn qalet li fil-futur qarib se jsiru l-kuntratti għall-bejgħ tal-oqbra fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Maria, tista’ l-Ministru tgħid jekk l-imsemmija kuntratti issa sarux? Jekk saru, meta? Kemm il-kuntratt sar? Jekk ma sarux, xħqed iżomm milli jsiru? Meta mistennija li jsiru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma għandi xejn xi nżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32793.
B’referenza għat-tweġba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 32207 dwar il-proġett ta’ trattament u trasferiment ta’ skart solidu fejn l-Prim Ministru qal li għad m’hemmx Grant Agreement iffirmat minħabba li xi kundizzjonijiet marbuta ma’ dettalji li jridu joħorġu minn studji li kienu għadhom għaddejjin fuq il- proġett CF119 – Setting up a Mechanical and Biological Treatment Plant in the North of Malta, u li bħala konsistenza strateġika fuq l-immaniġjar tal-iskart fil-Gżejjer Maltin iridu jidħlu wkoll fil-Grant Agreement ta’ dan il-proġett u li t-tender marbut ma’ dan il-proġett qed qed jiġi evalwat , jista' l-Prim Ministru jgħid:
a) jekk l-istudji fuq il-proġett CF119 tlestewx u jekk fl-affermattiv, meta? Fejn wasal dan il-proġett u x’jonqos isir fuqu?
b) jekk l-evalwazzjoni tat-
tender
tal-proġett ta’ Għawdex tlestiex u jekk fl-affermattiv, meta? Fejn wasal u x’jonqos isir fuqu?
ċ) jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-
grant agreements
dwar dawn il-proġetti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.
Għawdex — San Lawrenz - xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli
Question
Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ordini biex jibdew ix-xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz? Tista’ tgħid x’xogħlijiet saru s’issa fuq din it-triq? X’jonqos isir biex titlesta? Meta mistennija titlesta? Kemm hemm flus ivvotati għal din it-triq għal din is-sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ordni biex jinbdew ix-xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz. Ninsab infurmata li sa issa saret parti mis-service culvert tat-triq u jonqos li jiġi mċaqlaq cable tad-dawl, tinbidel is-sistema tad-drenaġġ u jinbnew is-saffi tat-triq. Jiena nfurmata wkoll li x-xogħlijiet ma setgħux jitlestew minħabba diffikultajiet ta' aċċessibilità lejn ir-raħal ta' San Lawrenz u lejn id-Dwejra minħabba xogħlijiet oħra fl-Għarb. Din il-parti tat-triq mistennija titlesta fl-ewwel kwart tas-sena d-dieħla.
B'referenza għal PAB 678/96 u l-ECF 1446/96 li dwaru hemm sentenza tal-Bord tal-Appell dwar l-Ippjanar datata 3 ta' Novembru 2000 u li nonostanti l-istess sentenza, l-appellanti reġgħu poġġew franka stones u materjal ieħor 'il barra mil-linja uffiċjali bil-konsegwenza li abitanti tal-istess sqaq li jagħti għal Triq Marija Bambina Xagħra Għawdex ilhom snin ma jistgħux jgħaddu minn dan l-isqaq, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ma tteħditx direct action u tiġi inforzata l-liġi aktar u aktar meta f'dan il-każ, id-direct action tista' tiġi inforzata finalment fi ftit spejjeż u dan meta hemm ordni ta' inforzar bin-numru ECF/00513/11 li dwaru ma sar l-ebda appell?
Response (MARCO, MARIO DE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ imsemmi skont l-Avviz tal-Infurzar ECF 513/11, maħruġ f'Ottubru 2011, jiirigwarda żvilupp mingħajr permess li jikkonsisti fi tqegħid ta' materjal biex ġie iffurmat speċi ta' side garden barra mil-linja uffiċjali, ġewwa Sqaq fi Triq Maria Bambina, ix-Xagħra. Fil-frattemp l-Awtorita ġiet infurmata li l-Qorti tal-Ġudikatura Kriminali xi snin ilu kienet tat tlett sentenzi fil-konfront tal-predeċessur tas-sid preżenti dwar l-istess każ, ċioe dak ta' ngombru li nħoloq fl-isqaq imsemmi. Għaldaqstant l-Awtorita' talbet lill-Avukati tagħha jirriċerkaw fir-Reġistru tal-Qorti dwar dawn is-sentenzi u dan sabiex ikunu studjati ċ-ċirkostanzi legali tal-każ.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm pazjenti li għandhom ir-residenza tagħhom f’Għawdex irċevew servizzi ta’ out-patients u in-patients separatament kull sena mill-2002 sal-2011 f’kull sptar tal-istat f’Malta separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont in-numru ta’ drabi li ngħataw servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hux minnu li pazjenti bil-mard tal-kliewi se jintbagħtu Malta għal kura li jkun jeħtiġilhom peress li l-magni tal-kliewi li hemm fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex jew mhumiex jiffunzjonaw jew qed jiffonuzjunaw ħażin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li hemm bżonn ta' manutenzjoni preventiva fuq l-impjant li jipproduċi ilma għal magni tal-kliewi u bħalissa qed isiru l-arranġament meħtieġa biex sakemm issir din il-manutenzjoni jinstabu mezzi alternattivi biex il-pazjenti jibqa' jkollhom dan is-servizz possibilment fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Mental Health Board ġiex kompost u jekk ġie kompost min huma l-membri tal-istess bord? Jekk għadu ma ġiex imwaqqaf, meta se jiġi mwaqqaf? Meta kienet l-aħħar darba li ltaqa' dan il-bord?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Mental Health Board hu kompost minn:
Mr Justice Victor Caruana Colombo,
Chairman
Mr Vince Tonna,
Member
Ms Connie Magro,
Member
Dr Edward Curmi,
Member
Dr Jean Pierre Giorgio,
Member
Ms Josephine Mifsud,
Secretary
Il-Bord jiltaqa’ b’mod regolari.
Xewkija — Triq l-Imġarr - parti mit-triq li nqagħlet
Question
Tista' l-Ministru x'inhi r-raġuni li Triq l-Imġarr, Xewkija li għadha kemm ngħatat it-tarmac, parti minnha reġgħet inqalgħet? Ma jidhirlix li dan hu ħela ta' riżorsi tal-poplu Għawdxi minħabba pjannar ħażin u mgħaġġel għax ġejja l-elezzjoni?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Peress li l-proġett ta' Triq l-Imġarr huwa amministrat mill-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jinvestiga u jara kif it-triq bl-isem Indri Borg, Xewkija, Għawdex fil-parti ta' ġewwa tagħha inqalgħet u sal-lum għal xi raġuni għadha ma ġietx irranġata u lanqas ngħatat it-tarmak bil-konsegwenza li familja li tirrisjedi hemm ġewwa għaddejja minn hardship kbir u binthom li hija persuna bi bżonnijiet speċjali ta' spiss x'ħin toħroġ taqa' minħabba l-istat tat-triq kif tinsab fil-preżent?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tax-Xewkija illi ‘Il-parti ta’ ġewwa ta’ Triq Indri Borg ġiet mogħtija t-tarmak bħal bqija tat-triq. Mhux minnu li din inqalgħet u sal-lum għada ma ġietx irranġata u lanqas ingħatat tarmak. Dan kif jidher mir-ritratti li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra’.
Master Plans tax-Xlendi u Marsalforn — flus vutatati għall-proġett
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 36043 dwar il-master plans tax-Xlendi u Marsalforn, tista’ l-Ministru tgħid tgħid kemm hemm flus ivvotati għal dawn il-proġetti separatament għal din is-sena? Taħt liema Item ta’ nefqa ġew approvati dawn il-flus fl-Estimi Ġenerali għall-2012? Kemm intefqu flus s’issa fuq dawn iż-żewġ proġetti separatament?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36043.
Jista’ l-Ministru jgħid x’jisimha l-kumpanija/joint venture li qed topera s-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-isem tal-joint venture li qed jopera s-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex huwa Gozo Channel Transport Joint Venture.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm entitajiet ġew privatizzati mill-1999 sa Diċembru 2011? Liema huma? Kemm kienu jħaddmu nies magħhom kull waħda minnhom f’Malta u f’Għawdex separatament meta ġew privatizzati? Liema huma l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati? Kemm qed iħaddmu nies magħhom illum f’Malta u f’Għawdex separatament kull waħda minnhom l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex — breakdown tar-returns
Question
B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 34508, 35620 u 36038, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jostor l-informazzjoni mitluba dwar il-fondi kapitali minfuqa mill-Ministeru għal Għawdex? Peress li r-rifjut kontinwu li tingħata l-informazzjoni mitluba jnissel dubji serji ta’ possibilità ta’ abbużi aktar u aktar meta l-Awditur Ġenerali sab ħafna irregularitajiet serji tal-Ministeru għal Għawdex fl-infiq ta’ flus il-poplu tant li t-Times of Malta qalet li l-istess Ministeru jieħu l-midalja tad-deheb għall-abbużi li jsiru minnu, jista’ l-Ministru jassigura lill-Kamra li ma kienx hemm abbużi f’din in-nefqa?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35744 li tikkonċerna il-proġett dwar il-bini ta’ rmiġġ għall-cruise liners fuq in-naħa ta’ barra tal-breakwater prinċipali fil-Port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istimi l-qodma u tal-istimi l-ġodda msemmija fit-tweġiba msemmija?.
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Public Service Obligation għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-aħħar kuntratt li sar dwar il-Public Service Obligation għas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 32791 u 36221.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 36034, dwar il-master plans tax-Xlendi u Marsalforn, tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm flus ivvotati għal dawn il-proġetti għas-sena finanzjarja 2012? Tista’ tgħid kemm intefqu flus s’issa fuq dawn il-proġetti? Mil-liema item ta’ nefqa ntefqu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
M'għandi xejn xi nżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36034.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35297 dwar l-applikazzjoni lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar Numru PA/05241/10 għat-tqegħid ta’ floating pontoon ‘il barra mill-port tal-Imġarr, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-revised site plan, tar-ritratti u pjanti li juru t-tneħħija tat-trakkar u l-ankraġġ tal-biċċiet tal-baħar?
Response (MARCO, MARIO DE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar tal-2010 u tal-2011:
a) kemm kien hemm nies jirreġistraw għax-xogħol, dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ta’ ‘l fuq minn 25 sena għalihom kif ukoll nisa għalihom u rġiel għalihom;
b) kemm kienet il-popolazzjoni tal-età tax-xogħol, nisa għalihom u rġiel għalihom u skont l-età, jiġifieri dawk ta’ bejn il-15-il sena u l-24 għalihom u dawk ta’ ‘l fuq minn 25 sena;
ċ) ir-rata ta’ attività, il-forza lavorattiva totali (
labour force
) bħala persentaġġ tal-popolazzjoni totali tal-età tax-xogħol kif ukoll il-forza lavorattivi tal-irġiel bħal persentaġġ tal-irġiel tal-età tax-xogħol u l-forza lavorattivi tan-nisa bħal persentaġġ tan-nisa tal-età tax-xogħol; u
d) in-numru ta’ nies inattivi, nisa għalihom u rġiel għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar tal-2010 u tal-2011 il-paga medja gross annwali skont id-diversi setturi tal-attività ekonomika?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari Nru 35751.