Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 19969 u tgħid x’virements saru taħt kull item of expenditure tal-vot kapitali tal-Ministeru tagħha fl-2009 u din is-sena sal-aħħar ta’ Settembru?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk bediex il-proċess biex f'Għawdex jitwaqqaf mużew ta' arti moderna u kontemporanja ta' livell nazzjonali? Jekk fin-negattiv, meta hu mistenni li jinbeda? Fejn hu s-sit li fuqu mistenni li jitwaqqaf dan il-mużew?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’sar f’Għawdex fl-2009 u din is-sena sal-lum fuq il-proġett intenzjonat li jagħmel monitoring tal-arja, l-ilma, l-ħsejjes, ir-radjazzjoni u l-ħamrija u li jwassal għal strateġija ta’ moniteraġġ kif ukoll informazzjoni baseline f’dak li huwa batimetrija u topografija?
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar din is-sena sal-lum biex jitwaqqaf micro-enterprise park fix-Xewkija Għawdex? Kemm flus pubbliċi/ewropej intnefqu din is-sena fuq dan il-proġett?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-proġett tal-micro enterprise park tax-Xewkija saru pjanti ġodda, kif ukoll hemm għaddejjin diskussjonijiet mal-MEPA dwar il-permessi meħtieġa. Tħallas l-ammont ta' €22,500 (VAT eskluż) għal disinji taż-żona Tal-Barmil minn fondi lokali.
Applikazzjonijiet minn self-employed, intrapriżi u sole traders f'Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm s’issa applikazzjonijiet minn self-employed, intrapriżi u sole traders f’Għawdex biex jagħmlu investiment ġdid taħt l-iskema ta’ 60% kreditu ta’ taxxa? Jista’ jgħid jekk l-applikazzjoni biex wieħed jibbenefika minn din l-iskema għandhiex issir qabel isir l-investiment? Jista’ jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet minn Malta?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din l-informazzjoni diġà kienet irrappurtata f’mistoqsijiet parlamentari 19905 u 19906 rispettivament.
Għawdex — Rabat - Sejħa għall-offerti għall-bini ta' toroq
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk din is-sena ħarġitx sejħa għall-offerti għall-bini ta’ toroq fir-Rabat u fl-irħula ta’ Għawdex permezz ta’ public private partnership bejn il-Kusilli Lokali u kuntratturi privati? Jekk fin-negattiv, għaliex ma’ ħarġitx? Jekk ħarġet, meta? Liema toroq tkopri? X’xogħol sar s’issa fuq kull waħda mit-toroq inklużi fl-offerta? Jista’ jekk jogħġbu jpoġġi kopja tat-tender document fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li sa issa għaxar (10) Kunsilli Lokali Għawdxin applikaw taħt l-iskema ta’ Public Private Partnership għat-toroq fil-lokalitajiet tagħhom. Din l-iskema kienet varata mill-Gvern Ċentrali permezz ta’ Memo 45/2010 maħruġ mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali. Il-Kunsill Lokali li applikaw sa issa huma l-Għarb, ta’ Kerċem, in-Nadur, ix-Xagħra, l-Fontana, ix-Xewkija, il-Qala, ir-Rabat, il-Munxar u ta’ Sannat. Il-bqija tal-Kunsilli Lokali l-oħrajn, jiġifieri Għajnsielem, l-Għasri, San Lawrenz u ż-Żebbuġ, għadhom ma applikawx sa issa.
Intant qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-lista tat-toroq li dawn l-għaxar (10) Kunsill Lokali applikaw għalihom u l-istat tal-proċess tat-tender għalihom.
Intant l-Onor. Interpellant jifhem u japprezza li t-talba tiegħu sabiex titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra kopja ta’ kull
tender document
. L-apparti li tqajjem kwestjonijiet ta’ natura kummerċjali tirrikjedi volum kbir ta’ xogħol u riżorsi. Għaldaqstant japprezza li tali kopji mhux possibbli li jitpoġġew fuq il-mejda tal-kamra kif mitlub
Integrated Health Information System — Sptar Ġenerali t'Għawdex
Question
Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Integrated Health Information System ġietx estiża għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex? Jekk le, għaliex? Meta hija mistennja tiġi estiża għall-isptar ta’ Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Integrated Health Information System qiegħda fil-proċess biex tiġi estiża għall-Isptar Ġenerali t'Għawdex. Dan il-proċess wasal fl-istadju finali.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata fuq il-proġett ta’ Wied il-Mielaħ - towards an ecologically and culturally sensitive, sustainable tourism (Ref no 022)? Għal liema xogħolijiet, servizzi, supplies ingħataw? X’inhu l-valur ta’ kull kuntratt u lil min ingħata? Meta kienet il-commencement date u l-completion date ta’ kull kuntratt? Fiex wasal kull kuntratt? Jista’ jekk jogħġbu jpoġġi kopja ta’ kull tender document fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20377, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:
(1) tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant; u
(2) kopja ta’ kull tender document
kumpaniji mwaffqa permezz ta' għajnuna finanzjarja
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 19889, jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu lkoll flimkien f’għajnuna finanzjarja jew fiskali mill-Malta Enterprise kull sena lill-kumpaniji li twaqqfu f’Għawdex u f’Malta separatament kull sena mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid dawn il-kumpaniji kemm qed iħaddmu nies illum, f’Malta u f’Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba tingħata f’seduta oħra.
Gozo Tourism Association, Gozo Business Chamber u Gozo NGO's Association — għajnuna
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x’għajnuna ngħatat kull sena mill-1999 sal-lum lill-Gozo Tourism Association, lill-Gozo Business Chamber u lill-Gozo NGOs Association? Tista’ tgħid għal liema skopijiet ngħatat din l-għajuna f’kull każ?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm daħlu cruise liners f’Għawdex din is-sena sal-lum? Tista’ tgħid kemm minnhom rabtu mal-baga li tqiegħdet ix-Xlendi? Tista’ tgħid kemm passiġġieri niżlu l-art f’Għawdex mill-cruise liners li daħlu Għawdex?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni.
B'referenza għat-tweġiba li ta għall-mistoqsija parlamentari 19887 fejn il-Ministru qal li illi minħabba li n-numri ta’ intrapriżi f’Għawdex għall-finijiet ta’ investiment barrani dirett huwa relattivament zgħir, l-NSO hu marbut bil-kunfidenzjalità milli joħroġ dawn l-ammonti, jista’ l-Ministru b’rispett lejn il-Kamra u lejn l-intelliġenza tal-poplu jgħid kemm kien hemm investiment barrani dirett f’Għawdex fl-aħħar tal-2009 u fl-aħħar ta’ Marzu, fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena, informazzjoni li hu stess kien ta għas-snin ta’ qabel?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20351, din hi l-informazzjoni aġġornata li għandna. Iċ-ċifri li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra ġew miġbura għall-finijet tal-Bilanċ tal-Pagamenti u li juru
l-pożizzjoni tal-investiment barrani
minn entitajiet, intrapriżi, eċċ. li għandhom l-indirizz tagħhom Għawdex. Figuri għal Settembru 2010 għadhom qed jinġabru.
Applikazzjonijiet għall-photovoltaics u solar water heater
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet kull xahar sal-lum:
a) għal
photovoltaics
u
b) għal
solar water heaters
minn Malta u Għawdex separatament li ġew aċċettati u kemm minn dawn l-applikanti ngħataw is-sussidju?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-applikazzjonijiet għal grant fuq pannelli fotovoltajċi damu miftuħa ġimgħatejn bejn it-28 ta’ Lulju u 10 ta’ Awwissu. Matul dan il-perjodu l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi laqgħet 1,831 applikazzjoni minn residenti f’Malta u 254 applikazzjoni mingħand residenti minn Għawdex.
b) In-numru ta’ applikazzjonijiet li rċeviet l-Awtorità ta’ Malta dwar ir-Riżorsi għal grant fuq ix-xiri ta’ solar water heating systems kienu kif ġej:
Frar: Malta 2, Għawdex 1
Marzu: Malta 13, Għawdex 20
April: Malta 23, Għawdex 16
Mejju: Malta 34, Għawdex 14
Ġunju: Malta 12, Għawdex 9
Lulju: Malta 16, Għawdex 7
Awwissu: Malta 19, Għawdex 10
Settembru: Malta 43, Għawdex 38
Ottubru: Malta 11, Għawdex 12
Applikazzjonijiet li għaddew għall-pagament tal-grant
Lulju: Malta 35, Għawdex 33
Awwissu: Malta 1, Għawdex 1
Tista' l-Ministru tagħti l-informazzjoni hawn taħt mitluba rigward il-qasam tax-xogħol f’Malta u f’Għawdex, kull gżira għaliha, fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2009 u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena(i) in-numru ta’ nies, skont il-grupp tal-età tagħhom (15-24, 25-34, 35-44, 45-54, 55-64),
a) jaħdmu għal rashom,
b) impjegati,
ċ) qegħda u
d) inattivi?
Tista' tagħti l-informazzjoni rigward ir-rata ta’ attività tal-popolazzjoni attiva ukoll skont il-grupp ta’ l-età tagħhom, n-numru ta’ nies jaħdmu klassifikati skont l-attività ekonomika u d-dħul gross annwali medju tan-nies li jaħdmu skont l-attività ekonomika tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid:
a) Kemm saru seduti quddiem it-Tribunal għat-Talbiet Żgħar f'Għawdex fis-snin 2008, 2009 u sa Settembru ta' din is-sena 2010;
b) kemm daħlu kawżi quddiem l-istess tribunal fl-2008, 2009 u sa Settembru 2010;
ċ) kemm kawżi ġew deċiżi fl-2008, 2009 u sa Settembru 2010;
d) kemm hemm kawżi fil-preżent pendenti quddiem l-istess tribunal;
e) kull ġimgħa kemm isiru seduti quddiem l-istess tribunal u kemm ikun fiha l-lista ta' kull seduta;
f) x'inhi r-raġuni li l-lista tal-kawżi quddiem l-istess tribunal u l-verbali u s-sentenzi ma jkunux online; u
g) x'inhi r-rimunerazzjoni li daħħal iċ-chairman tal-istess tribunal fis-sena 2008, 2009 u sa settembru 2010?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-
Ninsab infurmat illi kull ġimgħa s-seduti jsiru bejn it-Tlieta u l-Ġimgħa u li n-numru ta' kawżi fuq il-lista jvarja.
Infurmat ukoll li l-listi ta' kawżi, verbali u sentenzi kollha jkunu online. Pero' nixtieq inżid ngħid li l-verbali ma jkunux jidhru mill-ewwel peress li meta jiġu ttajpjati, dawn iridu jiġu mmarkati fis-sistema tal-Qorti u allura jkunu jidhru online xi ftit ġranet wara.
Għandu jingħad ukoll li t-tribunal f'Għawdex mhux presedut minn persuna waħda u kien hemm żewġ Chaimen oħra u dawn bejnietom daħlu s-segwenti:-
Tista' l-Ministru tgħid jekk tafx li f'Għawdex hemm post vakant ta' għalliem li huwa fil-preżent indispost biex jgħallem l-Ingliż fil-Junior Lyceum? X'inhi r-raġuni li hemm għalliema kwalifikata u fil-preżent qiegħda tgħallem l-ingliż fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca, Ħamrun Boys Junior Lyceum, u din ma ntbgħatitx timla' dan il-post vakanti għalkemm tinsab l-ewwel fil-lista?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont informazzjoni miksuba mill-kapijiet tal-iskejjel sekondarji/Junior Lyceum f’Għawdex ma jirriżultax li hemm għalliem tal-Ingliż li fil-preżent jinsab indispost u li hemm nuqqas ta’ għalliema tal-Ingliż.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-Red Cross ta' Għawdex ħa żżarma u fil-fatt neħħewlha anke r-rappreżentanza minn National Board tar-Red Cross? Kif ġie magħżul is-Segretarju Ġenerali tar-Red Cross f'Malta u x'kwalifiki għandu? Bħala NGO kemm tieħu l-Red Cross ta' Malta mill-Vot tas-CPD u kemm tieħu l-fergħa ta' Għawdex?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li, kemm il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern, kif ukoll id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ma rċevewx informazzjoni uffiċjali li s-sessjoni tas-Soċjeta' tas-Salib l-Aħmar (Red Cross) f'Għawdex ser iżżarma.
Rigward it-tieni domanda ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Soċjeta' tas-Salib l-Aħmar hija organizzazzjoni internazzjonali u awtonoma mill-Gvern, skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra u għalhekk il-Ministeru ma jidħolx fl-għażla tas-Segretarju Ġenerali tas-Soċjeta'.
Infurmat ukoll illi din is-Soċjeta' tieħu €14,000 fis-sena bħala kontribuzzjoni mill-Vot tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-tender Nru CT 2633/2009 - Reconstruction of part of Xlendi Road , Xlendi? Jista’ jpoġġi ukoll kopja tal-kuntratt li sar mal-kuntrattur għall-għoti ta’ dan it-tender?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi kopja tat-tender CT 2633/2009 kif mitlub.
Kopja tal-kuntratt li ġie iffirmat ma jistax jiġi ppublikat peress li hemm bżonn ta’ l-awtorizzazzjoni tal-parti l-oħra firmatorja tal-kuntratt.