B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 21480 u 22024 fejn il-Minsitru qal li d-Dipartiment tal-Kuntratti għadu qiegħed jistenna r-risposta tal-kuntrattur sabiex kopja tal-kuntratt tat-Triq tax-Xlendi titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru issa jpoġġi l-kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sal-lum il-kuntrattur għadu ma tax il-kunsens tiegħu biex dan il-kuntratt ikun jista’ jiġi pubblikat. Għaldqastant, id-Dipartiment tal-Kuntratti se jibgħat ittra lill-istess kuntrattur fejn dan se jintalab biex jagħti l-awtorizzazzjoni meħtieġa, u li jekk ma jirrispondix, din titqies bħala kunsens biex jiġi pubblikat il-kuntratt imsemmi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22444 fejn il-Ministru informa lill-Kamra li l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta m’għandhiex informazzjoni dwar in-numru ta’ abbonamenti ta’ internet u mobile phones li tiddistingwi bejn numri f’Malta u numri f’Għawdex u peress li din l-informazzjoni hija indikatur qawwi tal-livell tal-kwalità tal-ħajja u tal-livell tal-iżvilupp soċjo-ekonomiku, jista’ l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta biex din l-informazzjoni tibda tinġabar għal Malta u għal Għawdex separatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorita' dwar il-Komunikazzjoni tista' titlob biss mill-operaturi informazzjoni fil-limiti tal-poteri li ttiha l-liġi.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22445 fejn il-Minsitru informa lill-Kamra li l-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta m’għandhiex informazzjoni dwar in-numru ta’ abbonamenti ta’ linji fissi tat-telephone li tiddistingwi bejn numri f’Malta u numri f’Għawdex u peress li din l-informazzjoni hija indikatur qawwi tal-livell tal-kwalità tal-ħajja u tal-livell tal-iżvilupp soċjo-ekonmiku, jista’ l-Ministru jagħti struzzjonijiet lill-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta biex din l-informazzjoni tibda tinġabar għal Malta u għal Għawdex separatament?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23183 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li daħlet fi żwieġ ta' konvenjenza u issa, kontra kull regola, biex tibqa' Malta applikat għal status ta' refuġjat?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Huwa dritt ta' kull persuna li tapplika għall-ażil skont il-ligi. Ikun imbagħad fid-diskrezzjoni tal-Kummissarju tar-Refuġjati sabiex jara jekk din it-talba hiex ġustifikata u għandhiex tiġi milqugħa, u dan dejjem skont il-liġi ta' Malta.
Ninsab infurmat illi l-applikazzjoni referuta mill-Onorevoli Membru qiegħda tiġi proċessata bil-proċeduri stabbiliti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23184 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid min huma l-membri tal-bord li jikkordinaw petizzjonijiet ta' barranin sabiex dawn jingħataw status ta' refuġjat hawn Malta? Kemm-il darba jiltaqgħu u jekk il-pubbliku għandux dritt li jkun infurmat u jingħata dettalji dwar xi applikazzjoni li tkun saret?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi kull persuna għandha d-dritt li tapplika għall-ażil skont, u fil-parametri, tal-liġi. Dawn it-talbiet isiru mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tar-Refuġjati, u ma jinvolvux bord. Huwa biss fl-istadju tal-appell li jeżisti Bord, bl-isem ta’ Refugee Appeals Board u li m’huwiex fir-risponsabbiltà tiegħu li jilqa’ l-petizzjonijiet oriġinali għal status ta’ refuġjat iżda li jeżamina l-appelli li jiġu sottomessi.
Tista' l-Ministru tgħid għalfejn pazjenti li dawn l-aħħar jiem daħlu l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u li irriżulta li jkollhom bżonn CT Scan urġenti, intbagħtu l-Isptar Mater Dei bl-ambulanza biex isirilhom CT Scan hemmhekk, u dan meta fit-28 ta' Jannar 2011 il-Ministru ħabbret li ġie introdott is-servizz ta’ CT Scanning għall-ewwel darba fl-Isptar Ġenearli ta’ Għawdex, u mhux biss, iżda li l-apparat li jagħmel CT Scanning huwa mill-aktar sofistikat u uniku għall-isptarijiet tal-gvern f’pajjiżna?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li ċ-Chairperson tal-Medical Imaging Department tal-Isptar Mater Dei kien ta struzzjonijiet sabiex sakemm tidħol is-sistema kompluta tal-PACS/RIS (Picture Archiving and Communication System/Radiology Information System), pazjenti li jkollhom bżonn ta' CT urġenti kellhom jintbagħtu Malta biex ir-riżultat ikun disponibbli immedjatament. Iżda din is-sistema tal-PACS/RIS ser tkun taħdem fi żmien qasir u b'hekk is-CT scans kollha jibdew isiru Għawdex. Każi li jkollhom bżonn ta' CT mhux urġenti qegħdin isiru ġewwa l-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23158 u ċioe: b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 22764 fejn qal li l-Gvern se jkompli jinvesti sabiex titjieb l-infrastruttura anke permezz tal-bini tat-terminal ġewwa l-Marfa, jista’ l-Prim Ministru jgħid meta l-Gvern iddeċieda li jibni terminal ġewwa l-Marfa? Sar xi Environment Impact Assessment għal dan it-terminal? X’inhuwa l-iskop u l-bżonn li jinbena dan it-terminal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nassumi li l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Ferry Terminal fiċ-Ċirkewwa. Jekk dan huwa il-każ ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għall-applikazzjoni PA 1759/98 ('Extension of existing quay and breakwater, and proposed marshalling area' site at il-Port taċ-Ċirkewwa) sar EIA.
Jien infurmat li d-deċiżjoni tal-Gvern li jibni terminal ġewwa l-Marfa ttieħdet fl-1996. Naħseb li l-iskop u l-bżonn li jinbena dan it-terminal huwa magħruf tajjeb u ġie diskuss diversi drabi f’din il-Kamra. Fuq fuq, l-iskop u l-bżonn għal dan it-terminal huwa biex:
Jitnaqqas l-ammont ta’ drabi li s-servizz ta’ Trasport bejn Malta u Għawdex jiġi affetwat (ittardjat jew imħassar) minħabba maltemp.
Ikun hemm servizz aktar ta’ min joqgħod fuqu
(reliability),
titjieb il-kwalita’ tas-servizzi fil-port billi jkun hemm kenn adekwat, kumdita’ u faċilitajiet aħjar u aktar sigurta’ għal-passiġġieri u l-vetturi li jaqsmu bejn Malta għal Għawdex miċ-Ċirkewwa.
Ikun hemm segregazzjoni bejn passiġġieri bil-mixi u vetturi huma w telgħin jew neżlin mill-vapur.
Ikun hemm aktar effiċjenza fl-operat tal-port u jonqos il-ħin tal-operat fil-ħatt u t-tagħbija tal-vapuri.
Jonqos il-ħin ta’ trasport bejn Malta u Għawdex u b’riżultat ta’ dan jonqsu l-ispejjez finanzjarji u ekonomiċi għal min juża dan is-servizz, inkluż is-settur kummerċjali.
Titnaqqas l-insularita’ doppja tal-gżira ta’ Għawdex.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 23156 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta’ affarijiet ta’ merċa (goods) xahar b'xahar mill-ewwel ta’ Settembru 2010 sal-aħħar ta’ Diċembru 2010 maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru totali ta’ ħaddiema fis-settur privat, fi produzzjoni diretta u f’servizzi tas-suq separatament, rġiel għalihom u nisa għalihom, f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010? Tista’ tagħti din l-informazzjoni kategorizzata skont in-NACE Code?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23023.
Jista’ l-Ministru jgħid għal kemm kienu jammontaw (i) il-pensjonijiet u allowances u (ii) il-bonus tal-għoli tal-ħajja li tħallsu lil persuni residenti f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2003 ‘l hawn taħt l-Att dwar il-Pensjonijiet lil Nisa Romol u Tfal Iltiema (Kap 58)?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-pensjonijiet u allowances li tħallsu lill-persuni residenti f’Malta u Għawdex kull sena mill-2003 ‘l hawn taħt l-Att dwar il-Pensjonijiet lil Nisa Romol u Tfal Ltiema (Kap 58) huwa kif indikat fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-Bonus tal-għoli tal-ħajja ma jingħatax taħt din l-iskema ta’ pensjonijiet. Dawn l-ammonti huma kollha denominati fl-Euro.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuwa l-istaff complement għall-Uffiċċju tal-Malta Enterprise f’Għawdex? Jista’ jgħid x’inhuma l-gradi tal-istaff li hemm jaħdmu preżentement fl-istess Uffiċċju? Kemm hemm impjegati f’kull grad?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi fl-uffiċċju tal-Malta Enterprise f’Għawdex, l-istaff complement jikkonsisti f’2 persuni, fil-gradi ta’ manager u executive rispettivament.
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 23153 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema self-employed, rġiel għalihom u nisa għalihom, f'Malta u f'Għawdex separatament, fl-aħħar ta' kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta' Lulju 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 23023, jista’ l-Ministru jgħid x’inhija l-istima tan-nefqa għal kull proġett infrastrutturali msemmi fit-tweġiba?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Mistoqsija Parlamentari kkwotata minnu, PQ 23023, m'għandha x'taqsam xejn mal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 23337.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien in-numru totali ta’ nies, irġiel għalihom u nisa għalihom, li kellhom xogħol part-time bħala x-xogħol primarju tagħhom f’Malta u f’Għawdex separatament, fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 sal-2009 u fl-aħħar ta’ Lulju 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Proġetti u skemi ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista’ l-Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 22449, 22699 u 23025 u jgħid x’inhuma l-proġetti, l-iskemi, eċċ. għal Għawdex li huma ko-finanzjati mill-Unjoni Ewropea għas-snin 2007-2013? Jista’ jgħid liema minnhom diġà qed jitwettqu? Meta hu mistenni li jitlestew dawk li diġà qed jitwettqu? Liema minnhom għad iridu jibdew jitwettqu? Meta mistennija jibdew u meta mistennija jkunu lesti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor.Interpellant.
B’referenza għat-tweġiba li tat għall-mistoqsijiet parlamentari 22701 u 23024, tista' l-Ministru tgħid x’hemm li jżommha li tagħti l-informazzjoni mitluba dwar min huma l-imsieħba fil-RGV Joint Venture? Ma jidhirlhiex li l-Parlament u l-poplu Malti għandhom jkunu jafu min qed jieħu l-offerti li jitħallsu minn flus il-poplu u li ma jkun hemm ħadd li jitħalla jistaħba wara isem ta’ konvenjenza?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li m'għandi xejn xi nżid mar-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet imsemmija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, wara li daħlet fi żwieġ ta' konvenjenza u issa, kontra kull regola, biex tibqa' Malta applikat għal status ta' refuġjat?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant, li minħabba li din l-applikazzjoni tikkonċerna talba għall-asil, jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid min huma l-membri tal-bord li jikkordinaw petizzjonijiet ta' barranin sabiex dawn jingħataw status ta' refuġjat hawn Malta? Kemm-il darba jiltaqgħu u jekk il-pubbliku għandux dritt li jkun infurmat u jingħata dettalji dwar xi applikazzjoni li tkun saret?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu ġew impjegati ħaddiema Għawdxin taħt il-Gozo Employment Scheme? Tista’ tgħid kemm minnhom għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minnhom qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
264 persuna ġew impjegati permezz tal-Gozo Employment Aid Scheme.
Minn dawn il-264 persuna, 125 għadhom jaħdmu mal-istess
employer
.
81 qegħdin jaħdmu ma’
employer
differenti u 58 m’għadhomx f’impjieg.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienu ġew impjegati (i) ħaddiema Għawdxin u (ii) ħaddiema Maltin separatament taħt il-l-Employment Aid Programme? Tista’ tgħid kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom reġgħu tqabbdu jaħdmu taħt l-istess skema? Kemm minnhom, Għawdxin għalihom u Maltin għalihom, m’għadhomx jaħdmu llum?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sal-aħħar ta’ Jannar 2011 taħt il-Employment Aid Programme ġew impjegati 355 ħaddiem Għawdxin u 817 ħaddiem Malti.
269 ħaddiem Għawdxi u 613 ħaddiem Malti għadhom jaħdmu mal-istess
employer
li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu. Dawn jinkludu dawk li għadhom fl-iskema.
45 ħaddiem Għawdxi u 118 ħaddiem Malti llum qed jaħdmu ma’
employer
differenti.
Sal-aħħar ta’ Jannar 2011 ma kienx hemm minn reġa tqabbad jaħdem taħt l-istess skema.
41 Għawdxi u 86 Malti llum m’għadhomx jaħdmu.