Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #37708 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Trasferiment ta' xogħol ta' back office għal Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 29797, jista’ l-Prim Ministru jgħid x’xogħol ta’ back office hu maħsub li jiġi trasferit għal Għawdex fl-2012, 2013 u 2014? Meta hu mistessi li jiġi trasferit f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li aktar xogħol konness ma’ Children Allowances ser jiġi trasferit għal Għawdex fil-ġimgħat li ġejjin. Barra minn dan, għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet sabiex jiġi deċiż xogħol ieħor li għandu jiġi trasferit għal Għawdex.

MTA — riklami t'Għawdex

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-Gvern u mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jirreklamaw lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MTA — promozzjoni t'Għawdex fis-suq turistiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-Gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jippromwovu lil Għawdex fis suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

MTA — aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena s’issa mill-Gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jiffaċilitaw l-aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37712 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Uffiċjali mill-Ministeru t'Għawdex — attendenza għas-CIPD Conference

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk uffiċċjali tal-Ministeru tagħha attendewx konferenzi, eċċ. tas-CIPD Conference matul din is-sena sal-aħħar ta’ Ottubru? Jekk iva min huma l-uffiċċjali li attendew? Għalxiex attendew? Kif ġew magħżula? X’kienet in-nefqa f’kull każ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Operations) attenda konferenza organizzata mis-CIPD matul din is-sena, sal-aħħar ta' Ottubru. Għall-kumplament tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14219.
Leg 11 PQ #37713 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Proġett ta' fixed link bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid sar s’issa fuq il-proġett ta’ fixed link bejn Malta u Għawdex? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istudji li saru s’issa? X’inhuma l-istudji li qed isiru bħalissa? Min qed jagħmilhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 35028, 33502, 28961, ninsab infurmat li l-“Preliminary Analysis of an Assessment of Road Tunnel Options between Malta and Gozo” ġie konkluż f’Marzu 2012. Min dak inhar l’hawn tfassal tender – li bħalissa qiegħed għall-approvazzjoni tad-direttur tal-kuntratti - biex ikunu jistgħu jsiru l-istudji li jmiss.

Depożiti u self fil-banek Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 37231 u 37430 u jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u kemm kien is-self mill-banek f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ ta’ Settembru 2011, fl-aħħar ta’ Diċembru 2011, fl-aħħar ta’ Marzu, ta’ Ġunju u ta’ Settembru 2012? Kemm kien hemm kontijiet ta’ depożitu u ta’ self rispettivament fl-istess dati? Jista’ jagħti tagħrif dwar is-self maqsum f’home loans, overdrafts u self ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għal Għawdex — standard item of expenditure

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x'kienet in-nefqa taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sal-aħħar ta’ Settembru u sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena? Jista jgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-Tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi kif kienet l-ispiża bejn Jannar u Settembru 2012 taħt il-Vot Rikurrenti tal-Ministeru għal Għawdex. Id-dettalji sa l-aħħar ta’ Ottubru jkunu jistgħu jingħataw fil-ġranet li ġejjin, meta t-Teżor ikun ipproċessa l-pagamenti u għalaq l-accounts ta’ Ottubru. Bilanċi li jifdal fil-vot, bħal kull vot ieħor rikurrenti, ikunu kommessi jew qegħdin jiġu kommessi b’mod regolari sabiex il-Ministeru jkun jista' jkompli jesegwixxi l-funzjonijiet tiegħu sal-aħħar tas-sena.
Leg 11 PQ #37704 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Ħaddiema li jaħdmu fil-Qasam tal-Bunkering

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm nies jaħdmu fil-qasam tal-bunkering (il-forniment lill-vapuri u ajruplani b’karburanti minerali, lubrikanti u materjal ieħor relatat) f'Malta u f'Għawdex separatament fl-aħħar tal-2011 u fl-aħħar ta’ Settembru ta’ din is-sena?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37705 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — proġett tal-pixxina

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn wasal il-proġett tal-pixxina li se tinbena fir-Rabat Għawdex? X’jonqos isir? Meta mistenni li tkun lesta minn kollox biex tibda jintuża? Kemm huwa ikkalkolat li jkun in-numru ta’ persuni li jagħmlu użu ta’ din il-pixxina matul sena? Kemm mistennija li se tiswa? Mil-liema Vot se titħallas?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s’issa sar dan li ġej fir-rigward tal-proġett tal-pixxina: (a) Ġie ppubblikat u ngħata tender for electrical and mechanical consultancy services. (b) Ġie ppubblikat it- tender for the construction and earth works at the Gozo Natatorium u dan qiegħed fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni. (c) It-Tender for the Construction, Technical Consultancy and Assistance for the Design of the Mechanical, Electrical and Environmental Systems of the Gozo Natatorium qiegħed fil-fażi preparatorja. Hu mistenni li l-pixxina tkun lesta fis-sena 2014, u dan il-proġett hu stmat €6.2 miljun. Minn analiżi li sar, huwa kkalkulat li din il-pixxina ser tintuża kif ġej: o Waterpolo clubs ser jużaw din il-faċilità - 100% tal-membri o Football clubs - 80% tal-membri o Diviżjoni ta’ l-Edukazjoni - 50% ta’ l-istudenti o Kumpless Sportiv t’Għawdex / Skola Sports - 100% tal-membri o Sptar Ġenerali t’Għawdex - 20% tal-pazjenti o Gruppi tal-fitness - 100% tal-parteċipanti o Oħrajn. Dan il-proġett ser ikun iffinanzjat minn fondi ta’ Eko-Għawdex taħt il-Vot Kapitali tal-Ministeru għal Għawdex.
Leg 11 PQ #37706 Sitting 518 2012-11-06 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħaddiema tal-Ministeru — roster

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm impjegati tal-Ministeru tpoġġew fuq roster din is-sena s’issa? X’inhu l-grad tagħhom u f’liema fergħa qegħdin jaħdmu? Fejn kienu jaħdmu qabel nagħtaw ir-roster? Min talab għar-roster f’kull każ u min approvahom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Xagħra - proġettt tal-Qortin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’sar s’issa matul din is-sena fuq il-proġett tal-Qortin, ix-Xagħra Għawdex? X’jonqos isir u meta mistenni li jitlesta? Kemm kienet in-nefqa ta’ dan il-proġett sena sena s’issa u kemm hija mistennija li tkun in-nefqa totali tal-proġett sena sena mil-lum sa meta jitlesta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Persuna fil-waiting list għall-operazzjoni fl-ispina

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ilu żmien jistenna fil-waiting list biex issirlu l-operazzjoni fl-ispina Lumbar Sacral? Peress li l-individwu hija miġugħ ħafna, jista' jara li din l-operazzjoni ssir?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna li qiegħed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għandha kundizzjoni msemmija L3/L4 mild to moderate disk prolapse. Il-pazjent imsemmi kien imniżżel fil-lista tal-Konsulent ikkonċernat tal- Pain Clinic biex dan jarah f’Ottubru 2012. Il-maġġoranza tan-nies li jbatu b’dawn it-tipi ta’ patoloġiji jmorru tajjeb b’din l-injezzjoni li tingħata mit-tim tal- Pain Clinic. Huwa tpoġġa fuq il-lista ta’ stennija għall-kirurġija f’Ġunju ta’ din is-sena, biex jekk l-injezzjoni ma tkunx ħadmet u s-sintomi ma jkunux irriżolvew allura jitressaq għall-kirurġija. Il-Konsulent ikkonċernat qiegħed jistenna biex jara x’kienu l-effetti ta’ din l-injezzjoni fuq dan il-pazjent. Ninsab infurmat li għal dawn il-kundizzjonijiet il-prijorita’ għall-kirurġija tingħata lil min ikun f’riskju li jbati minn paraliżi jew xi kumplikazzjonijiet newroloġiċi oħra.
Leg 11 PQ #37586 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Tax-Xħajma - Korsa taż-żwiemel - talba għall-manutenzjoni fil-korsa

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li fil-korsa taż-żwiemel li hemm f'Tax-Xħajma f'Għawdex mhemmx dawl, it-toilets jinsabu fi stat diżastruż, biex ma jingħalaqx u ħafna nuqqasijiet oħra? X'inhi r-raġuni li f'din il-kors taż-żwiemel qatt ma sar xogħol ta' manutenzjoni u titjieb? Ma taħsibx li tkun ħaġa tajba li nagħmlu track in-naħa ta' ġewwa għar-runners u għal dawk li jmorru jimxu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fis-sena 2008 sar xogħol ta' manutenzjoni fit-toilets li hemm fil-korsa ta' Xħajma. Dawn ix-xogħlijiet kienu jinkludu l-bdil tal-madum tal-art u tal-ħajt, sistema tad-drenaġġ ġdida u faċilitajiet sanitarji ġodda. F'Jannar tas-sena 2012 ġiet installata sistema ġdida ta' floodlights biex idawlu l-korsa ta' Xħajma u għadd ta' CCTV cameras. Bħala parti mill-proċess ta' manutenzjoni u tisbieħ fil-korsa ta' Xħajma, din is-sena l-Kumitat organizattiv żied is-seating capacity b'xiri ta' seats ġodda. Sar ukoll xogħol ieħor ta' żebgħa u tibjid. Fil-perjodu bejn Diċembru 2011 u Jannar 2012, il-Ministeru għal Għawdex bidel ir-ramel tal-korsa. Riċentament sar xogħol ta' manutenzjoni fuq ir-ramel tal-korsa fejn inġab makkinarju apposta. Riċentament saru diskussjonijiet mal-Kumitat tal-Gozo Horse Racing Association dwar proposta biex issir leisure area fiċ-Ċentru tal-korsa ta' Xħajma.

proġett dwar il-bini ta' rmiġġ għall-cruiseliners

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 36847, jista’ l-Ministru issa jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-istimi l-qodma u tal-istimi l-ġodda msemmija fit-tweġiba?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

returns dwar il-vot kapitali tal-Ministeru

Question

B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 34508, 35620, 36038 u 36846, jista' l-Ministru issa jgħid għaliex qed jostor l-informazzjoni mitluba dwar il-fondi kapitali minfuqa mill-Ministeru għal Għawdex? Peress li r-rifjut kontinwu li tingħata l-informazzjoni mitluba jnissel dubji serji ta’ possibilità ta’ abbużi aktar u aktar meta l-Awditur Ġenerali sab ħafna irregularitajiet serji tal-Ministeru għal Għawdex fl-infiq ta’ flus il-poplu tant li t-Times of Malta qalet li l-istess Ministeru jieħu l-midalja tad-deheb għall-abbużi li jsiru minnu, jista’ l-Ministru jassigura lill-Kamra li ma kienx hemm abbużi f’din in-nefqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

entitajiet li ġew privatizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36845 u igħid kemm entitajiet ġew privatizzati mill-1999 sa Diċembru 2011? Liema huma? Kemm kienu jħaddmu nies magħhom kull waħda minnhom f’Malta u f’Għawdex separatament meta ġew privatizzati? Liema huma l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati? Kemm qed iħaddmu nies magħhom illum f’Malta u f’Għawdex separatament kull waħda minnhom l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #37701 Sitting 517 2012-11-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Lista ta' toroq — tarmak

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37431, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tat-toroq kollha, mhux biss tat-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet f’Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Depożiti u self fil-banek Maltin u Għawdxin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37231 u jgħid kemm kienu d-depożiti fil-banek u kemm kien is-self mill-banek f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ ta’ Settembru 2011, fl-aħħar ta’ Diċembru 2011, fl-aħħar ta’ Marzu, ta’ Ġunju u ta’ Settembru 2012? Kemm kien hemm kontijiet ta’ depożitu u ta’ self rispettivament fl-istess dati? Jista’ jagħti tagħrif dwar is-self maqsum f’home loans, overdrafts u self ieħor?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #37431 Sitting 515 2012-10-30 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Lista ta' toroq — tarmak

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tat-toroq f’Għawdex li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet huma kif jidhru fil-lista ta' hawn taħt: Triq Franġisk Portelli u Triq San Lawrenz Triq Sannat, Sannat (mill-pjazza sa fejn tgħaqqad ma’ Triq ix-Xewkija u Triq Marżiena u tinkludi water culvert) Triq Għar Qawqla Marsalforn Triq Ħanaq Nadur, Triq ir-Ramla u Triq Għajn Qasab Triq it-Tiġrija, Nadur Triq id-Dawwara u Triq Kerċem Victoria u Kerċem Triq ir-Rumani, Xlendi Parti minn Triq Bardan, Sannat Triq is-Salini, Marsalforn Triq Dun Ġużepp Vella, Qala