Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #24670 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — Pubblikazzjoni tal-marki tal-kandidati

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid fejn u f’liema każijiet għandhom jiġu ppubblikati r-riżultati bil-marki tal-kandidati ta’ intervisti biex jimtela post vakanti fis-Settur Pubbliku? F’liema każijiet, jekk hemm, m’għandhomx jiġu ppubblikati? Għal liema raġuni/jiet m’għandhomx jiġu ppubblikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fis-Servizz Pubbliku (ministeri u dipartimenti tal-gvern), b’mod ġenerali, r-riżultat ta’ proċess tal-għażla bil-marki tal-kandidati normalment jiġi ppubblikat fuq in-notice board tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u tal-ministeru jew id-dipartiment kkonċernat. Issir eċċezzjoni fil-każ ta’ postijiet jew pożizzjonijiet li huma fl-iskala ta’ salarju 5 jew ogħla, fejn il-prattika hija li minflok ma r-riżultat jiġi ppubblikat, kopja tar-riżultat tintbagħat bil-posta lill-applikanti direttament. L-istess jgħodd għal riżultati għal postijiet ta’ Kap ta’ Skola, li huma fl-iskala ta’ salarju 6. Rigward is-Settur Pubbliku, l-ingaġġ fl-entitajiet pubbliċi mhux regolat bir-Regolamenti tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku (PSC) , imma bil-proċeduri statutorji tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC). Ninsab infurmat li wara li jsiru l-intervisti ta’ persuni li qed jirreġistraw mil-listi li jintbagħtu mit-Taqsima tal-Parastatali tal-ETC, l-entità kkonċernata tibgħat rapport dettaljat lil din it-Taqsima. Meta entità tingħata permess mill-ETC biex toħroġ sejħa pubblika, r-rapport finali tal-Bord tal-Għażla appuntat biex jagħmel l-intervisti jintbagħat lill-Bord tal-maniġment tal-entità jew lill-Kap Eżekuttiv, kif ukoll lit-Taqsima tal-Parastatali tal- ETC . L-entitajiet pubbliċi m’humiex marbuta li jippubblikaw ir-riżultati finali. Madankollu ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jekk applikant għal kariga ma’ entità pubblika iħoss li tkun saret diskriminazzjoni kontrih, jista’ jressaq il-każ tiegħu quddiem it-Tribunal Industrijali.
Leg 11 PQ #24671 Sitting 332 2011-03-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

proġett għar-rikostruzzjoni tat-Triq ta’ Pinu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għar-rikostruzzjoni tat-Triq ta’ Pinu skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali, u (iii) il-kuntratt rivedut bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li skont il-grant agreement, id-data tat-tlestija ta' dan il-proġett li jinkludi kemm it-Triq ta' Pinu kif ukoll it-Triq tax-Xlendi, kienet Diċembru 2010. Id-data tat-tlestija tal-proġett sħiħ fil-grant agreement ġiet estiża sa Mejju 2011. Din id-data ġiet riveduta darbtejn minħabba li l-proċess tat-tendering ħa aktar żmien milli kien mistenni kif ukoll minħabba maltemp u issues tekniċi li kkawżaw dewmien fix-xogħlijiet tat-Triq tax-Xlendi. L-estensjonijiet għat-tlestija ta' dan il-proġett ġew approvati mill-Managing Authority. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u li d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. L-iskeda tal-pagamenti hija skont il-kuntratt, fejn il-pagamenti għax-xogħlijiet saru abbażi tal-kejl filwaqt li ħlasijiet tas-servizzi saru perjodikament.

Xewkija — proġett għall-upgrading and expansion tal-Istitut tal-MCAST

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għall-upgrading and expansion tal-Istitut tal-MCAST fix-Xewkija f’Għawdex (ERDF 456) skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta id-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min appprova l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhija l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MCAST m’għandux proġett bl-isem ERDF 456, Upgrading and expansion tal-Istitut tal-MCAST fix-Xewkija Għawdex. Pero’ għandu proġett bl-isem Upgrading and expansion, MCAST Institute of Mechanical Engineering Malta/Gozo referenza ERDF 056. Parti minn dan il-proġett jinkludi l-armar taż-żewġ laboratorji fix-Xewkija, Għawdex. L-informazzjoni li tikkonċerna x-xogħolijiet li saru f’Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont il- Grant Agreement , il-proġett kellu jibda f’Ġunju tal-2007 u jispiċċa f’Diċembru tal-2009. Għal dan il-proġett il-“Managing Authority” approvat estensjoni ta’ żmien sa April 2011 minħabba ċirkustanzi bħal ma kien il-fatt li rċevejna offerti li ma kienux konformi ma’ dak li ntalab u għalhekk kellha tinbeda proċedura oħra. Dan il-proġett kien maqsum f’numru ta’ tenders . It-tabella li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra turi meta kellu jibda kull kuntratt, kemm skont il-kuntratt iffirmat kif ukoll skont il- grant agreement , kif ukoll meta kellu jispiċċa x-xogħol, kemm skont il-kuntratt iffirmat kif ukoll skont il- grant agreement , jekk ġiex rivedut kull kuntratt partikulari, kif ukoll kummenti oħra. Mhux ser jintilfu flus minħabba d-dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett għaliex il-“Managing Authority” approvat estensjoni tal-ERDF 056 minħabba ċirkustanzi bħal ma kien il-fatt li rċevejna offerti li ma kienux konformi ma dak li ntalab u għalhekk kellha tinbeda proċedura oħra. Il-proġett mistenni li jitlesta fl-aħħar t’April. Qed nistennew l-approvazzjoni għal xi rati ġodda li ġew inklużi fit-tender tal- works mid-dipartiment tal-kuntratti; il-pagamenti jistgħu jgħaddu immedjatament wara.

Għawdex — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 24390 u jgħid kemm-il kuntratt ingħata għal xogħlijiet f’Għawdex kull sena mill-2004 ‘l hawn? Jista’ jgħid lil min ingħataw dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid għal liema xogħlijiet ingħataw dawn il-kuntratti? Jista' jagħti l-valur ta’ kull kuntratt u jpoġġi kopja ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-informazjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24640 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Villa Rundle — upgrading

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jitlesta l-proġett ta' upgrading ta' Villa Rundle skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijiet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-Proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? X’sar s’issa fuq dan il proġett? X’jonqos isir? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement il-proġett kellu jibda f'Lulju 2008 u kellu jitlesta sa Marzu 2011. Peress li l-proċess ta' tendering ħa aktar fit-tul milli kien mistenni, id-data tat-tlestija tal-proġett fil-grant agreement ġiet riveduta għal Settembru 2011 biex tkun konformi mad-data tal-kuntratt tax-xogħlijiet. L-estensjoni għat-tlestija ta' dan il-proġett ġiet approvata mill-Managing Authority. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex ser jintilfu flus Ewropej. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. Ix-xogħol li sar s'issa jinkludi fost l-oħrajn twaqqiegħ ta' strutturi u taħmil, kostruzzjoni ta' strutturi mill-ġdid, pavimentar u wiring tal-elettriku. Bħalissa għaddej xogħol ta' pavimentar. Xogħol li baqa' jsir jinkludi finishing works, xiri tal-play equipment u taħwil ta' siġar u pjanti. L-iskeda tal-pagamenti hija skont il-kuntratt, fejn il-pagamenti għal xogħlijiet isiru abbażi tal-kejl filwaqt li ħlas tas-servizzi jsiru perjodikament.
Leg 11 PQ #24641 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Operating Theatre u Twaqqif ta' Radiology Unit — upgrade

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus kull xahar s’issa fuq kull wieħed mill-proġetti tal-upgrading tal-Operating Theatre u tat-twaqqif tar-Radiology Unit li se jkunu kofinanzjati mill-Unjoni Ewropea? Fuqiex intnefqu? Taħt liema Vot Kapitali tal-Estimi Ġenerali jidhru l-fondi approvati għal dawn il-proġetti? X'hemm kommess għan-nefqa lum fuq kull wieħed minnhom? Għalxiex huma kommessi? X’jonqos isir fuq kull wieħed minn dawn il-proġetti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-flus li ntefqu s'issa, kull xahar huma skont it-tabella t'hawn taħt: Xahar Xogħol Ammont incl VAT*€ Awwissu 2010 Information Boards 1,391.22 Diċembru 2010 Apparat tad-Dipartiment tar- Radjoloġija 2,163,695.82 Marzu 2011 Lead Sheeting 103,468,30 Il-Fondi approvati għal dawn il-proġetti jidhru taħt Vot III. Fid-Dipartiment tar-Radjoloġija x-xogħol tlesta filwaqt illi fid-Dipartiment tal- Operating Theatre jonqos ix-xogħol ta' Refurbishment u l-installazzjoni tal-apparat.
Leg 11 PQ #24642 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — operating Theatre - upgrading

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għall-upgrading tal-Operating Theatre fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l- kuntrattur u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-proġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement il-proġett kellu jibda f'Ġunju 2007 u jitlesta sa Marzu 2010. Peress li l-proċess ta' tendering tax-xogħlijiet tal-Operating Theatre qed jieħu aktar fit-tul milli kien mistenni, id-data tat-tlestija tal-proġett fil-grant agreement kellha tiġi riveduta darbtejn. L-estensjonijiet ġew approvati mill-Managing Authority. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex ser jintilfu flus Ewropej. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u li d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. Xogħol li baqa' jsir fl-Operating Theatre jinkludi r-Refurbishment tas-Sala tal-Operazzjonijiet u l-installazzjoni tal-makkinarju.
Leg 11 PQ #24643 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Żewwieqa Waterfront — upgrade

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għall-upgrading taż-Żewwieqa Waterfront skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-poġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’sar s’issa fuq dan il-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement dan il-proġett kellu jibda f'Mejju 2009 u għandu jitlesta sa Diċembru 2011. Il-kuntratt tax-xogħlijiet ta' dan il-proġett għadu qed jiġi ffirmat. Ninforma wkoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u li d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. It-tlestija tal-proġett u l-iskeda tal-pagamenti jsiru skont kif ikun stipulat fil-kuntratt rispettiv.
Leg 11 PQ #24644 Sitting 331 2011-03-23 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — triq ix-Xlendi - rikostruzzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta kellu jibda u jitlesta il-proġett għar-rikostruzzjoni ta’ parti mit-Triq tax-Xlendi skont (i) il-grant agreement (ii) il-kuntratt oriġinali bejn il-Ministeru tagħha u l-kuntrattur, u (iii) il-kuntratt rivedut? Kemm-il darba ġiet riveduta d-data tat-tlestija ta’ dan il-poġett? Għal liema raġunijet ġiet riveduta d-data tat-tlestija? Min approva l-estensjoni/jiet għat-tlestija ta’ dan il-proġett? Se jintilfu flus Ewropej minħabba dewmien fit-tlestija ta’ dan il-proġett? Jekk iva, għaliex? Jekk le, x’inhuma r-raġunijiet għaliex mhux se jintilfu? Liema Direttorat fil-Ministeru huwa responsabbli minn dan il-proġett? Meta huwa mistenni li jitlesta l-proġett? X’jonqos isir biex jitlesta? X’inhi l-iskeda tal-pagamenti għal dan il-proġett?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont il-grant agreement il-proġett tat-Triq tax-Xlendi kellu jitlesta sa Diċembru 2010. Din id-data ġiet estiża sa Mejju 2011. Id-data tat-tlestija tal-proġett ġiet riveduta darbtejn minħabba li l-proċess tat-tendering ħa aktar żmien milli kien mistenni kif ukoll minħabba maltemp u issues tekniċi li telfu x-xogħlijiet. L-estensjonijiet għat-tlestija ta' dan il-proġett ġew approvati mill-Managing Authority. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'humiex ser jintilfu flus Ewropej. Ngħarraf ukoll li kull proġett huwa mmexxi minn project leader u d-Direttorat (Strateġija u Sapport) joffri sapport lill-project leader. Xogħol li baqa' jsir jinkludi finishing works u tkomplija tal-water culvert. L-iskeda tal-pagamenti hija skont il-kuntratt, fejn il-pagamenti għal xogħlijiet isiru abbażi tal-kejl filwaqt li ħlasijiet tas-servizzi jsiru perjodikament.

Kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien id-dħul tal-Gvern kull sena mill-2006 sal-2010 minn kontribuzzjonijiet tas-Sigurtà Soċjali tal-ewwel klassi (mħallsa minn persuni impjegati u mill-prinċipal tagħhom) u tat-tieni klassi ( minn persuni li jimpjegaw lilhom infushom, kif ukoll minn persuni li jaħdmu għalihom infushom separatament) minn Malta u minn Għawdex separatament? Kemm kienet il-kontribuzzjoni mill-Fond Konsolidat f’kull każ?

Response (FENECH, TONIO)

Rigward l-ewwel parti tal-mistoqsija, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 23041. It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24608 Sitting 330 2011-03-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Hospital and community care, elderly and special needs

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Ministeru tagħha kull sena mill-2006 sal-2010 fuq (i) hospitalisation and community care u (ii) elderly and special needs?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #24609 Sitting 330 2011-03-22 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — mediċini konsmati - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa tal-Gvern kull sena mill-2006 sal-2010 fuq (i) mediċini kkonsmati fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u (ii) mediċini maħruġa lill-pubbliku mill-ispiżerija ta’ Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-nefqa globali tal-Gvern għal kull sena fuq mediċini kkonsmati fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u mediċini maħruġa lill-pubbliku mill-ispiżerija ta' Għawdex jidhru hawn taħt: Sena Nefqa Attwali 2006 €3163920.33 2007 €10616936.73 2008 €3392924.89 2009 €2984914.15 2010 €1877138.83 L-ammont għas-sena 2010 ma jinkludix il-mediċini li ġew maħruġa mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC), liema skema bdiet titħaddem f'Għawdex fil-5 ta' Lulju 2010.

Sptar Ġenerali t'Għawdex — valur tal-mediċina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-valur tal-mediċina li kienet ikkonsenjata lill-Isptar Ġenerali t’Għawdex kull sena mill-2006 sal-2010?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: Prodott 2006 € 2007 € 2008 € 2009 € 2010 € Total € Drugs u mediċini 2,932,850.8 2,875,887.39 3,149,933.97 2,629,598.13 1,718,946.75 13,307,217.04

Maltapost Plc — ħaddiema

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 24152 u 24329 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u wara lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment u li issa ġiew riferuti lilha u tgħid kemm hemm ħaddiema jaħdmu mal-Maltapost Plc? Jista’ jgħid kemm hemm ħaddiema Għawdxin jaħdmu mal-Maltapost f’Malta u f’Għawdex separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ in-numru ta` ħaddiema li jaħdmu mal-Maltapost hu ta` 635 persuna fuq bazi “full time” u “part time”. Fir-rigward ta` numru ta` Għawdxin li jaħdmu f’Malta u Għawdex, l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ ma għandiex din l-informazzjoni.

Bachelor of Arts in Legal and Humanistic Studies

Question

B’referernza: a) għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 23680 fejn qalet li l–B.A Hons. European Studies, il-B.A. International Relations kif ukoll l-M.A Diplomatic Studies ma jistgħux jitqiesu ekwivalenti għal xi waħda mill-kwalifikazzjonijiet terzjarji fil-Business Administration, Management jew Commerce għall-fatt li l-kwalifiki msemmija huma differenti u distinti minn xulxin tant li jaqgħu taħt fakultajiet differenti, b) għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 24389 fejn qalet li l-Bachelor of Arts in Legal and Humanistic Studies u l-grad simili preżenti - il-Bachelor of Laws - li ġie żviluppat warajh u l-istudenti bdew jiggradwaw fih minn Novembru 2006, huwa tal-istess livell tal-kwalifiki ta’ Bachelor li l-Unversità tagħti fil-Business Administration, Management, Commerce u fi kwalunkwe qasam ieħor u li l-gradi ta’ Bachelor tal-Università huma kollha fil-livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki; tista’ l-Ministru tgħid għaliex bidlet il-kriterji li jistabilixxu l-ekwivalenza tal-kwalifikazzjonijiet terzjarji Universitarji? Tista’ tgħid jekk, ladarba l-grad fil-Bachelor of Laws huwa fl-istess livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki bħalma huwa grad fil-Baċellerat fil-Malti, gradwat fil-Malti huwiex eliġibbli biex japplika għall-pożizzjoni li titlob kwalifika ta’ grad ta’ Baċellerat fil-Liġi jew ekwivalenti? Wieħed b’dottorat fil-Mediċina f’livell tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki bħalma huwa dottorat fil-liġi huwa eliġibbli biex japplika għall-post ta’ avukat li jitlob dottorat fil-liġi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-gradi kollha li l-Università tagħti fil-livell ta’ Bachelor jaqgħu kollha fil-Livell 6 tal-Qafas Nazzjonali tal-Kwalifiki (QNK). Għaldaqstant jekk sejħa għall-applikazzjonijiet tilob grad ta’ Bachelor mingħajr ma jissemma’ l-ebda suġġett jew qasam ta’ studju, kwalunkwe grad ta’ Bachelor ikun f’liema suġġett ikun huwa eliġibbli. Iżda jekk is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob grad ta’ Dottorat fil-Mediċina gradwat li għandu Dottorat fil-Liġi ma jkunx eliġibbli għalkemm dawn iż-żewġ kwalifiki jaqgħu fl-istess livell tal-QNK. L-istess jgħodd fil-każ ta’ Bachelor fil-Malti, li għalkemm huwa fl-istess Livell 6 tal-QNK, ma jistax jiġi ppreżentat jekk is-sejħa għall-applikazzjonijiet titlob grad ta’ Bachelor fil-Liġi jew f’xi suġġett ieħor.
Leg 11 PQ #24506 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24177, fejn il-Ministru qalet li fid-dawl tal-fatt li l-pajjiż kollu, Malta u Għawdex, kien jaqa' taħt il-għan tal-konverġenża (li qabel kien magħruf bħala l-Objective 1 Status) għall-perjodu 2007-2013, l-istudju dwar il-ħteġijiet speċjali t’Għawdex sabiex Għawdex jegħleb l-insularità doppja u jibqa’ jgawdi minn sehem xieraq ta’ fondi mill-Unjoni Ewropea skont id-Dikjarazzjoni ta’ Għawdex anness mat-Trattatt ta’ Sħubija ma kienx meħtieġ, tista’ l-Ministru tgħid jekk hija kenitx taqbel li dan l-istudju ma kienx meħtieġ?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ġa la darba Malta u Għawdex flimkien baqgħu eliġibbli taħt il-għan tal-konverġenza, il-Gvern aġixxa bl-aktar mod għaqli u mexa fuq il-prinċipju ta' 'collective responsibility', b'hekk Malta u Għawdex flimkien baqgħu jgawdu mill-ogħla livell ta' finanzjament.
Leg 11 PQ #24508 Sitting 329 2011-03-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24177, fejn il-Ministru qalet li l-proposti dwar il-perspettivi finanzjarji (il-budget finanzjarju) tal-Unjoni Ewropea post-2013 għadhom iridu jiġu ppreżentati u huma mistennija għas-sajf 2011, taf il-Ministru li l-kummissjonij diġà għamlet konsultazzjonijiet wiesgħa u ħafna gvernijiet ressqu l-ideat u l-għażliet tagħhom, liema ideat ġew mgħarbla mill-istess kummissjoni u l-proposti aċċettati se jkunu tradotti fi proposti konkreti mill-Kummissjoni għall-perspettivi finanzjarji li jmiss?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa biss ladarba l-proposti jkunu ppublikati, wieħed ikun jista' jikkonferma jekk l-Istat Membru ta' Malta, li jinkludi l-gżejjer ta' Malta u Għawdex, hux ħa jibqa fi ħdan il-għan tal-konverġenza għall-perjodu post-2013. Jekk dan ma jkunx il-każ il-Gvern ser jagħmel talba biex isir studju dwar il-bżonnijiet speċifiċi ta' Għawdex, qabel il-bidu tan-negozjati rigward il-perspettivi finanzjarji tal-Unjoni.

Malta Enterprise — Business Service Centre - post ta' manager

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24153 dwar applikanti għall-post ta’ manager fil-Business Service Centre (Għawdex) mal-Malta Enterprise, fejn ta l-lista ta’ applikanti minn numru 1 sa numru 12, jista’ l-Ministru jgħid kull wieħed/waħda minn dawn it-12-il applikant/a x’ġie fl-ordni ta’ mertu li ngħata mill-Bord tal-Għażla? Jista’ jagħti l-marka totali ta’ kull applikant/a? Jista’ jgħid kemm kien hemm applikanti li ġew intervistati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant għalkemm ġew sottomessi 12-il applikazzjoni, 8 ma kellhomx il-kriterji mitluba fis-sejħa u għalhekk ma setgħux jiġu kkunsidrati. Wieħed kien diġa ġie intervistat għall-istess post u ma ġiex magħżul. Tlieta biss mill-applikanti setgħu jiġu intervistati u persuna minnhom irtirat l-applikazzjoni meta ġiet mestiedna tattendi għal intervista. Il-marka totali ta’ dawk li ġew intervistati diġa ingħata fi tweġiba parlamentari 24386.

Employment Aid programme

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22501, dwar l-iskema tal-Employment Aid Programme, tista’ l-Ministru tgħid kemm mill-246 li kienu impjegati bejn 20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Malta għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minn dawn qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum? Kemm minn dawk li m’għadhomx jaħdmu llum qed jirreġistraw għax-xogħol? Tista' tgħid ukoll kemm mill-126 li kienu impjegati bejn l-20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Għawdex għadhom jaħdmu mal-istess employer li miegħu kienu tqabbdu jaħdmu? Kemm minn dawn qed jaħdmu ma’ employer differenti llum? Kemm minnhom m’għadhomx jaħdmu llum? Kemm minn dawk li m’għadhomx jaħdmu llum qed jirreġistraw għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn 246 persuna li kienu impjegati permezz tal-Employment Aid Programme bejn l- 20 ta’ Frar u Dicembru 2009 f’ Malta: · 179 għadhom jaħdmu mal-istess imgħallem · 56 qed jaħdmu imma ma’ imgħallem ieħor · 11 m’għadhomx jaħdmu Minn dawn il-11-il persuna, 9 qed jirreġistraw għax-xogħol. Minn 126 persuna li kienu impjegati permezz tal-Employment Aid Programme bejn l- 20 ta’ Frar u Diċembru 2009 f’Għawdex: · 70 għadhom jaħdmu mal-istess imgħallem · 39 qed jaħdmu imma ma’ imgħallem ieħor · 17 m’għadhomx jaħdmu Minn dawn is-17 il persuna, 3 qed jirreġistraw għax-xogħol.