Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #26042 Sitting 346 2011-05-16 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trattat ta' Sħubija — fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

B’referenza għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 25181 dwar l-10% tal-allokazzjoni totali tal-Fondi Ewropej għall-perjodu 2007 – 2013 li huwa allokat għal Għawdex, irrid l-ewwelnett niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li jiena mkien fil-mistoqsija tiegħi ma rreferejt għan-negozjati li l-Gvern kellu mal-Unjoni Ewropea dwar dawn il-fondi iżda għall-arranġament tal-Gvern Malti li jagħti lil Għawdex10% tal-Fondi Ewropej. Għalhekk tista' il-Ministru twieġeb il-mistoqsija msemmija u tgħid jekk hijiex sodisfatta b’dawn l-arranġamenti u x’inhuma r-raġunijiet li jikkonvinċuha li 10% tal-fondi huma biżżejjed biex Għawdex jieħu dak li hu xieraq u mistenni, meta bl-10% tal-Fondi Ewropej b’kollox, il-prodott domestiku gross ta’ Għawdex niżel minn 60% tal-medja Ewropea fl-2003 għal 58% fl-2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li m'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25181.
Leg 11 PQ #25859 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċimiterju ta' Santa Marija — xogħlijiet fuq l-oqbra

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 14203 u tgħid meta se jsiru l-kuntratti għall-konċessjoni tal-oqbra l-ġodda fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija? Ix-xogħol fuq dawn l-oqbra lest? Jekk le, x’jonqos isir? Jekk iva, meta tlesta? X’hemm iżomm li dawn il-kuntratti jsiru? Peress li l-Ministru anke fit-8 ta’ Lulju 2008 għall-mistoqsija parlamentari 1773 kienet wieġbet li "l-kuntratti ta' bejgħ se jsiru fi żmien qarib", tista' tgħid meta se jsiru l-kuntratti msemmija?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata illi għadu għaddej il-proċess marbut sabiex jinbnew l-oqbra l-ġodda u anke sabiex isiru l-kuntratti ta' dawn l-istess oqbra.
Leg 11 PQ #25860 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni — farm sperimentali - nefqa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex l-farm sperimentali tal-Gvern f'Għawdex isir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuqu? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena għal dawn is-snin?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ġie fformulat ftehim ta' kooperazzjoni mal-Università ta' Malta biex il-Farm tal-Gvern fix-Xewkija jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni u li sa issa saru xogħlijiet strutturali u nxtara apparat u makkinarju għal dan l-iskop. Inbdiet ukoll riċerka fuq razez indiġeni u wasal biex jiġi konkluż ftehim biex tinġab kollezzjoni ta' siġar tat-tin minn madwar il-Mediterran bi ftehim ma' għaqdiet minn Franza u l-Italja u biex tibda ssir riċerka fuq il-varjetajiet tat-tin lokali. Matul din is-sena u s-sentejn li ġejjin ser jitkompla x-xogħol ta' refurbishment tal-bini u l-akkwist ta' apparat ieħor u titkompla r-riċerka li bdiet filwaqt li jinbdew proġetti oħra ta' riċerka. Jiena nfurmata li n-nefqa sa issa tammonta għal €93,990 u li l-ispiża għal dak li huwa pprogrammat bħalissa hija stmata li tammonta għal €700,000.
Leg 11 PQ #25861 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sistemi u metodi ta' irrigazzjoni ta' prodotti agrikoli

Question

Tista’ l-Ministru tgħid xi studji saru s’issa dwar l-aħjar proċessi, sistemi u metodi ta’ irrigazzjoni ta’ prodotti agrikoli? Saru xi rakkmandazzjonijiet s’issa dwar dan il-proġett? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li għaddejjin taħdidiet mal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar l-użu ta' ilma tat-tieni klassi li joħroġ mill-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ u li fil-bini mill-ġdid ta' Triq Mġarr qed jitqiegħed main li eventwalment ser iwassal minn dan l-ilma fl-inħawi tal-Farm tal-Gvern u l-Qasam Industrijali minn fejn ikun jista' jitqassam. Ninsab infurmata wkoll li hemm il-ħsieb li tinxtara sistema ta' irrigazzjoni kompjuterizzata għall-Farm tal-Gvern bi stima ta' €25,000 biex biha tkun tista ssir riċerka meħtieġa fil-qasam ta' irrigazzjoni bħala parti mill-funzjonijiet taċ-Ċentru Mediterranju fir-Riċerka, Żvilupp u Innovazzjoni.
Leg 11 PQ #25862 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

użu ta' pestiċidi fl-agrikoltura f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha dwar l-aħjar użu tal-pestiċidi fl-agrikoltura f’Għawdex u għall-immaniġġjar tajjeb tal-kontenituri tal-pestiċidi? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 mill-Ministeru tagħha fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2013?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din is-sena saru erba' korsijiet dwar l-użu tal-pestiċidi li għalihom ipparteċipaw 105 persuni. Dawn il-korsijiet wasslu biex il-parteċipanti jkollhom mezz ta' identifikazzjoni maħruġa mill-Awtorità Maltija għall-Istandards sabiex ikunu jistgħu jixtru u japplikaw il-pestiċidi. Ninsab infurmata wkoll li qiegħda tiġi ppreparata pubblikazzjoni dwar dan is-suġġett u li huwa ppjanat li jsiru aktar korsijiet kemm fuq pestiċidi kif ukoll fuq suġġetti relatati mal-ortikultura. Barra minn dan fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija hemm faċilità fejn il-pubbliku jiddepożita kontenituri vojta ta' pestiċidi u pestiċidi skaduti.
Leg 11 PQ #25863 Sitting 345 2011-05-11 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bini mill-ġdid ta' ħitan tas-sejjieħ f'Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa din is-sena mill-Ministeru tagħha biex jiġi inkoraġġit il-bini mill-ġdid ta’ ħitan tas-sejjieħ f’Għawdex? X’inċentivi ngħataw biex l-art agrikola tkompli tinħadem? X’inhu ppjanat u programmat li jsir din is-sena u fl-2012 u fl-2013 fuq dawn l-inizjattivi? X’inhi n-nefqa s’issa fuq dan il-proġett? X’inhi n-nefqa stmata għal kull sena 2011-2013?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li bħalissa qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mill-bdiewa li jintitolawhom għal għajnuna kofinanzjata mill-Unjoni Ewropea li tinċentiva l-bdiewa biex ikomplu jieħdu ħsieb u jaħdmu r-raba'. Ninsab infurmata wkoll illi fil-qafas ta' l-iskema għall-proġetti ta' Eko-Għawdex maħruġa mill-Ministeru għal Għawdex, diversi Kunsilli Lokali issottomettew proposti għar-restawr u bini ta' ħitan tas-sejjieħ li ġew aċċettati.

każ dwar facilitator

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga każ ta' facilitator, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li qiegħda ma' tifel bi bżonnijiet ta' facilitator fil-Kulleġġ Sant'Ignazju Ħal Qormi u din kontinwament qiegħda tiġi mbikkma, insultata u saħansitra imsawta minn dan it-tifel bil-konsegwenza li psikoloġikament tinsab imkissra u mhijiex qed issib litteralment l-ebda kenn u wens mill-kapijiet tal-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li peress li l-LSA riferuta għaliha fil-Mistoqsija Parlamentari kienet qed ikollha diffikultajiet mal-istudent li kienet responsabbli għalih ingħatat responsabilitajiet oħra. Dan sar ftit ta’ żmien ilu, qabel ma daħlet din il-Mistoqsija Parlamentari. Ta’ min wieħed jgħid li l-istess student, barra servizz ta’ LSA għandu wkoll appoġġ mill- ischool counsellor u mill-ispeċjalista tad-Diffikultajiet fl-Imġieba Soċjali u Emozzjonali. L-istudent ġie rreferut ukoll lill-Psikoloġista tas-Servizz Psikoloġiku tal-Iskejjel, lill- Occupational Therapist u l-s- Psycho-Therapist . Hemm ukoll ħaddiema soċjali li qed jaħdmu fuq dan il-każ. L-Amministrazzjoni tal-iskola tiċħad bil-qawwa kollha l-akkuża li l-Kap tal-Iskola kif ukoll l-Assistenti Kapijiet ma taw l-ebda kenn u wens lil-LSA imsemmija hawn fuq.

Direttur tal-Kuntratti — pariri

Question

B'referenza għat-tweġiba għal mistoqsijiet parlamentari 24333, 25140 u 25464 dwar struzzjonijiet lid-Direttur tal-Kuntratti biex jieħu l-parir tal-Avukat Ġenerali dwar it-tqegħid ta’ kopja ta’ kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra, jista’ l-Ministru issa jgħid jekk l-Avukat Ġenerali tax il-parir tiegħu lid-Direttur tal-Kuntratti? Jekk fl-affermattiv, x’inhu l-parir li ta? Jekk fin-negattiv, għaliex dan id-dewmien? X’inhi l-problema tal-Ministru biex jagħti tagħrif daqhekk sempliċi?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25140.
Leg 11 PQ #25840 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Tourism Association — ftehim rigward impjiegi

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari 24993 u 25457 dwar ftehim bejn il-Ministeru tagħha u l-Gozo Tourism Association rigward impjieg ta’ Kap Eżekuttiv mal-Gozo Tourism Association, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim imsemmi? Il-persuna magħżula tiġi ngaġġata mill-istess data tal-ftehim?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ngħatat f'risposti preċedenti relatati ma' dan is-suġġett. Kopja tal-ftehim tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24993.

Labour Force Survey

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 25272 u jgħid, skont il-Labour Force Survey, f’Malta u f’Għawdex separatament kemm kien fl-aħħar ta’ kull sena mill-2003 ‘l hawn: a) Il-labour supply; nisa għalihom u rġiel għalihom; b) In-numru ta’ nies jaħdmu full-time , nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attivia’ ekonomika; ċ) In-numru ta’ nies, nisa għalihom u rġiel għalihom, jaħdmu iżda li kellhom xogħol part-time bħala x-xogħol ewlieni tagħhom skont l-attivita’ ekonomika; d) in-numru ta’ nies jaħdmu part-time , nisa għalihom u rġiel għalihom skont l-attività ekonomika?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. L-informazzjoni maħruġa għal din il-PQ hi bbażata fuq il-medja ta' kull sena billi mhux possibbli li nipprovdu informazzjoni skond l-aħħar ta' kull sena mil-Labour Force Survey.
Leg 11 PQ #25844 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Rabat Għawdex — skola ġdida - athletic track

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hijiex se ssir athletic track fl-iskola l-ġdida li qed tinbena fir-Rabat Għawdex? Jekk le, għaliex? Jekk se ssir, tista’ l-Ministru tgħid kemm se tkun twila din it-track u fuq kemm-il naħa tal-pitch se tkun din it-track? Tista’ tgħid ukoll hux se ssir sand pit għal-long jump bħala parti mill-faċilitajiet sportivi tal-istess skola?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li t-track ser issir kif kien ippjanat fuq distanza ta' 200 metru bħal ma sar fil-Kulleġġ tas-Subien San Benedetto f'Ħal Kirkop u fil-Kulleġġ tas-Subien Sant'Injazju f'Tal-Ħandaq. Rigward is-Sand Pit din ma kinitx fil-pjan però jekk jinstab spazju tista' tiġi implimentata.
Leg 11 PQ #25845 Sitting 344 2011-05-10 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Fondi Ewropej allokati għal Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba li tatni għall-mistoqsija parlamentari 25281 dwar l-10% tal-allokazzjoni totali tal-fondi Ewropej għall-perjodu 2007 – 2013 li huwa allokat għal Għawdex, irrid l-ewwelnet niġbed l-attenzjoni tal-Ministru li jiena mkien fil-mistoqsija tiegħi ma rreferejt għan-negozjati li l-Gvern kellu mal-Unjoni Ewropea dwar dawn il-fondi iżda għall-arranġament tal-Gvern Malti li jagħti lil Għawdex10% tal-fondi Ewropej. Għalhekk nitlob lill-Ministru twieġeb il-mistoqsija msemmija u tgħid jekk hijiex sodisfatta b’dawn l-arranġamenti u x’inhuma r-raġunijiet li jikkonvinċuha li 10% tal-fondi huma biżżejjed biex Għawdex jieħu dak li hu xieraq u mistenni, meta bl-10% tal-fondi Ewropej b’kollox, il-prodott domestiku gross ta’ Għawdex niżel minn 60% tal-medja Ewropea fl-2003 għal 58% fl-2008?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25281 m'għandha x'taqsam xejn mal-kontenut tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 25845.
Leg 11 PQ #25698 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Skola tax-Xewkija — xogħlijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq parti mill-iskola tax-Xewkija biex tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office tlestewx? Jekk le, għaliex? Meta mistenni li jitlestew? Meta mistenni li jiġi trasferit xogħol ta' back office ġdid minn Malta għal Għawdex? X'xogħol huwa mistenni li jiġi trasferit?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li diġà saru xi xogħlijiet fuq parti mill-iskola tax-Xewkija li se tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office. Bħalissa qiegħda tiġi ppreparata l-offerta għax-xogħol li għad baqa' jsir fuq dan is-sit. It-tlestija ta' dawn ix-xogħlijiet tiddependi mill-eżitu ta' din l-offerta. Hemm il-ħsieb li dan is-sit jakkomoda x-xogħol ta' back office li hu relatat mas-sezzjonijiet tas-salarji tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni u tad-Diviżjoni tas-Saħħa.

Malta Enterprise — inċentivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-inċentivi fiskali u mhux fiskali inklużi fil-pakkett ta' inċentivi tal-Malta Enterprise għan-negozji f'Għawdex? Jista' jagħti d-dettalji ta' kull skema, miżura, programm eċċ. li kien hemm mill-2007 sal-lum?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevli Interpellant illi kif diġà ġie rappurtat f’numru ta’ tweġibiet għal mistoqsijiet parlamentari oħra, intrapriżi Għawdxin jistgħu jibbenefikaw minn kull skema offruta mill-Malta Enterprise. Barra minn hekk intrapriżi Għawdxin, jebbenefikaw minn assistenza immirata għalihom biss fil-każ tal-Gozo Transport Grants, l-iskema CREATE għal intrapriżi li jinvestu fi stabbilimenti f’żoni identifikati, kif ukoll rimborż għola ta' 20% (għall-total ta’ 60%) mill-iskema MicroInvest. Il-Malta Enterprise toffri total ta’ 31 inċentiv għall-industrija, 8 fiskali u 22 mhux fiskali. Dettalji dwar kull inċentiv jistgħu jinkisbu mis-sit tal-inċentivi http://support.maltaenterprise.com/ Bejn l-2007 u l-2010 il-Malta Enterprise kienet toffri 10 skemi oħra li illum m’għadhomx japplikaw, iżda li minflokhom ġew mfassla inċentivi ġodda.
Leg 11 PQ #25700 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ħlasijiet ta' kuntratti

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 24639, tista' l-Ministru tgħid kemm tħallsu s'issa fuq kull kuntratt u kemm hemm flus kommessi għall-ħlas u għadhom ma tħallsux fuq kull kuntratt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar kera ta' flat

Question

Tista' l-Ministru tispjega kif il-kera ta' flat, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għalkemm suppost huwa kera sussidjata, il-kera kull tliet xhur ta' dan il-flat huwa ta' €254.18 u dan meta hemm tliet persuni reġistrati f'dan il-flat u l-inkwilin jirreġistra għax-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-talba li għamlet l-inkwilina qed tiġi kkunsidrata.

price order fuq zokkor

Question

Jista' l-Ministru jispjega jekk iz-zokkor, b'mod partikolari dak deskritt bħala Tate & Lyle Granulated Sugar huwiex fil-preżent, jew jekk qatt kienx regolat b'xi price order? Jekk kien hemm price order, x'kien il-prezz ta' kull xkora zokkor għax-xhur ta' Diċembru 2008 u Jannar 2009 kif ukoll Mejju 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 11 PQ #25735 Sitting 343 2011-05-09 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuna — status ta' refuġjat

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 23183 u 21426, jista' l-Ministru jgħid jekk l-appell ta' din il-persuna biex tingħata l-istatus ta' refuġjat ġietx deċiża jew le mill-kummissarju responsabbli f'dan il-qasam?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-deċiżjoni mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati diġà ttieħdet.
Leg 11 PQ #25460 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Higher Education Courses to Address Skills Mismatches in Gozo

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f’Malta u f’Għawdex separatament fuq il-proġett ta’ Higher Education Courses to Address Skills Mismatches in Gozo (ESF 1.23)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sal-14 ta’ April 2011, il-proġett ‘Higher Education Courses to Address Skills Mismatches in Gozo (ESF 1.23)’ nefaq €6,759. Din l-ispiża saret kollha f’Għawdex.
Leg 11 PQ #25461 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Upgrading and expansion tal-Istitut tal-MCAST fix-Xewkija f’Għawdex

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f’Malta u f’Għawdex separatament fuq il-proġett għall-Upgrading and Expansion tal-Istitut tal-MCAST fix-Xewkija f’Għawdex (ERDF 456)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq il-proġett ERDF 56 Upgrading and expansion, MCAST Institute of Mechanical Engineering at Malta/Gozo sal-lum intefqu €1,244,552.88 f’Malta u €115,455.49 f’Għawdex.