Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #38135 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Spiża ta' delegazzjonijiet misisterjalli għal Ministeru għal Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tagħti breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali u delegazzjonijiet oħra tal-Ministeru tagħha mill-1 ta’ Ġunju 2012 l’ hawn u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qiegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #38136 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin — trasport tal-prodotti b'xejn bejn Malta u Għawdex

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 37953, tista’ l-Ministru tgħid kemm tħallsu flus fl-2011 u din is-sena s’issa taħt l-iskema ta’ sussidju lill-bdiewa u s-sajjieda Għawdxin għat-trasport b’xejn tal-prodotti tagħhom minn Għawdex għal Malta?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-ħlasijiet taħt l-iskema ta' sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin għat-trasport tal-prodotti minn Għawdex għal Malta fl-2011 ammontaw għal €50,877 u matul l-2012 sa issa tħallsu €18,581. Kif diġà semmejt fir-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37952 il-pagamenti ta' din is-sena qegħdin jiġu vverifikati u l-vot allokat hu mistenni li jintuża kollu.
Leg 11 PQ #38137 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

studenti Għawdxin — korsijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm huwa n-numru ta’studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet fl-Università, l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f’Malta u li tħallsu sussidju għall-akkomodazzjoni tagħhom f’Malta kull sena mill-2010 ‘l hawn? Tista’ tagħti dan it-tagħrif separatament għall-Università, l-MCAST u l-ITS?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li n-numru ta' studenti li tħallsu sussidju mill-Ministeru għal Għawdex huwa kif muri fit-tabella annessa.
Leg 11 PQ #38138 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Università ta' Malta — studenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta' Malta f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-Università f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37954 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Nefqa ta' flus li saret mill-Vot Rikorrenti dwar Tourism Promotion

Question

Tista’ l-Ministru tagħti dettalji tan-nefqa li saret din is-sena minn Vot Rikorrenti Nru 15 Item 5585 Tourism Promotion? Kien sar xi studju ta’ kif l-aħjar li għadhom jintefqu dawn il-flus? Jekk sar minn min sar? Tista’ tpoġġi kopja tal-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra? Kemm turisti kien kkalkolat li se jiġu turisti Għawdex din is-sena bis-saħħa tal-flus li ntefqu taħt dan il-Vot is-sena l-oħra? Kemm ġew fil-fatt?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru iffoka l-ħidma tiegħu relatata ma’ dan il-vot fuq tliet aspetti partikolari: · Il-promozzjoni ta’ Għawdex fis-suq internazzjonali; · Il-promozzjoni ta’ Għawdex u l-attrazzjonijiet li joffri għas-suq domestiku, kif ukoll, · It-titjib tal-prodott turistiku Għawdxi. In-nefqa globali relatatata mal-Vot Rikurrenti Nru 15 Item 5585 Tourism Promotion kienet imqassma b’dan il-mod: Kategoriji Ewro % tan-nefqa globali Suq Internazzjonali 266,579.07c 53.3% Suq Domestiku 179,420.86c 35.9% Prodott Turistiku 48,975.02c 9.8% Servizzi Oħra 5,025.05c 1.0% Total 500,000.00c 100.0% Vot Rikurrenti Nru 15 Item 5585 Fis-suq internazzjonali il-prijoritajiet tar-reklamar u l-promozzjoni kienu bbażati prinċipalment fuq il-profil tat-turisti li jżuru lil Għawdex matul is-sena kif ukoll fuq miri tal-Ministeru fir-rigward ta’ niċeċ speċifiċi. Il-Ministeru jitratta wkoll is-suq internazzjonali fuq żewġ aspetti partikolari: · Dawk li jiġu Malta imma ma jżurux lil Għawdex jew iżuru lil Għawdex għal ġurnata waħda biss ; u · Dawk li għadhom qatt ma żaru l-gżejjer Maltin . Il-Ministeru jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni rurali distinta f’relazzjoni mal-viżjoni Eko-Għawdex u mal-politika nazzjonali tat-Turiżmu b’kollaborazzjoni mal-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu. F’dak li huwa s-suq domestiku l-Ministeru qed isaħħaħ il-preżenza ta’ Għawdex permezz ta’ promozzjoni fuq l-istazzjon televiżiv nazzjonali, f’pubblikazzjonijiet nazzjonali, f’ billboards f’żoni strateġiċi ta’ Malta, kif ukoll billi jippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni kulturali distinta. Il-Ministeru jikkontribwixxi wkoll b’mod sostanzjali għall-pubblikazzjoni Lets Gozo li tiġi maħruġa mill-Assoċjazzjoni Għawdxija tat-Turiżmu. Il-Ministeru ddeċieda wkoll li juża fondi relatati mal-promozzjoni tat-Turiżmu biex ikompli jtejjeb il-prodott turistiku Għawdxi f’dawk iż-żoni li huma ta’ importanza vitali għas-settur. Dan inkluda fost l-oħrajn il-provvista ta’ servizzi addizzjonali li jassiguraw esperjenza pożittiva f’Għawdex. Dan kollu jinkwadra mal-importanza dejjem tiżdied tas- social media fejn viżitaturi b’mod immedjat jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-bqija tad-dinja. Jidher li x-xogħol kollettiv li sar qed iħalli riżultati tajbin. Infatti bejn Jannar u Settembru ta’ din is-sena n-numru ta’ turisti barranin li qattgħu lejl jew aktar f’Għawdex ammonta għal mija u għoxrin elf, ħames mija u tmienja u sebgħin (120,578) turist, żieda ta’ għaxra punt ħamsa fil-mija (10.5%) meta mqabbel ma’ l-istess perjodu fl-2011. Fir-rigward ta’ ljieli f’Għawdex l-ammont kien ta’ sitt mija u tnejn u disgħin elf, sitt mija u tlieta u tmenin (692,683), żieda ta’ ħdax punt sitta fil-mija (11.6%) meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2011. Il-btala medja f’Għawdex kienet ta’ ħamsa punt sebat (5.7) iljieli. Fl-istess perjodu mqabbel mas-sena 2011, l-iljieli tat-turisti barranin fil-lukandi żdiedu bi tnax punt tnejn fil-mija (12.2%) filwaqt li l-iljieli fil-kategorija tal- farmhouses u self-catering accommodation raw żieda ta’ erbgħa u għoxrin punt tmienja fil-mija (24.8%). Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji kif mogħtija mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Dawn iċ-ċifri jeskludu il-viżitaturi li jiddeċiedu li jqattgħu ġurnata biss f’Għawdex, kif ukoll l-Maltin li jiġu Għawdex għal xi forma ta’ btala.
Leg 11 PQ #37955 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Lista ta' toroq — tarmak

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37701 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tat-toroq kollha, mhux biss tat-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet f’Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37930.

MTA — aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37711 u jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena s’issa mill-Gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jiffaċilitaw l-aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (MARCO, MARIO DE)

It-trasport intern fi ħdan il-Gżejjer Maltin jikkostitwixxi fattur importanti sabiex tiġi faċilitata d-distribuzzjoni tal-influss ta’ turisti barranin li jżuruna matul is-sena. Minn din il-lat, l-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu ssegwi kontinwament l-isviluppi kontinwi li jkunu qegħdin iseħħu f’oqsma bħal investiment f’toroq arterjali, żvilupp ta’ terminals għall-passiġġieri li jaqsmu bejn il-gżejjer, kif ukoll rotot ta’ trasport pubbliku li jgħaqqdu l-ajruport mad-destinazzjonijiet turistiċi kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Fl-istess ħin, l-Awtorita’ kompliet twettaq il-politika tal-Gvern li jkattar l-aċċessibilita’ bl-ajru lejn Malta sabiex matul din is-sena, in-numru ta’ rotot diretti li jgħaqqdu lil pajjiżna mas-swieq turistiċi tagħna żdiedu minn 74 is-sena l-oħra għal 81 din is-sena. It-titjib fl-aċċessibilta’ lejn pajjiżna jgħin ukoll l-aċċessibilta’ lejn Għawdex. Din il-politika tibqa tapplika għas-snin li ġejjin sabiex inkomplu nikkonsolidaw u nsaħħu l-industrija tat-turiżmu tagħna fuq il-prinċipji ta’ sostennibilita’ finanzjarja u ambjentali.

Miżuri għall-aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena s’issa mill-Ministeru tiegħu biex jiffaċilita l-aċċess bejn Malta u Għawdex bl-ajru? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.

returns dwar il-vot kapitali tal-Ministeru

Question

B’referenza għat-tweġibiet mogħtija għal mistoqsijiet parlamentari 34508, 35620, 36038, 36846 u 37625, jista' l-Ministru issa jgħid għaliex qed jostor l-informazzjoni mitluba dwar il-fondi kapitali minfuqa mill-Ministeru għal Għawdex? Peress li r-rifjut kontinwu li tingħata l-informazzjoni mitluba jnissel dubji serji ta’ xibka ta’ ħażen u ta’ possibilità ta’ abbużi aktar u aktar meta l-Awditur Ġenerali sab ħafna irregularitajiet serji tal-Ministeru għal Għawdex fl-infiq ta’ flus il-poplu tant li t-Times of Malta qalet li l-istess Ministeru jieħu l-midalja tad-deheb għall-abbużi li jsiru minnu, jista’ l-Ministru jassigura lill-Kamra li ma kienx hemm abbużi f’din in-nefqa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-rwol tal-Ministeru għall-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment hu li jagħti support effettiv lill-Ministeri u lid-dipartimenti sabiex il-proċess annwali tal-budget jiġi mmaniġġjat f’parametri finanzjarji stabiliti. Għaldaqstant kull Ministeru għandu l-obbligu li jimxi ma’ dawn il-parametri.
Leg 11 PQ #37933 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Trasferiment ta' xogħol ta' back office għal Għawdex

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 37708, jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm ħaddiema huma mistennija li jiġu trasferiti għal Għawdex fuq xogħol ta’ back office konness maċ-Children Allowances? Jista’ jekk jogħġbu jgħid jekk dawn il-ħaddiema ingħatawx taħriġ fuq ix-xogħol il-ġdid li se jkunu qed iwettqu f’Għawdex? Jekk għadhom ma nagħtawx it-taħriġ meħtieġ, meta huwa maħsub li jibda u jispiċċa dan it-taħriġ? Fejn se jiġu akkomodati dawn il-ħaddiema?jridu hu maħsub li jiġi trasferit għal Għawdex fl-2012, 2013 u 2014? Meta hu mistessi li jiġi trasferit f’kull każ? Meta hu mistenni li jiġu konklużi d-diskussjonijiet li hemm għaddejjin bħalissa sabiex jiġi deċiż xogħol ieħor li għandu jiġi trasferit għal Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onorevoli Interpellant li huma tnax (12) il-uffiċjal li ser jkunu responsabbli mix-xogħol ta’ back office fuq benefiċċji relatati mal-familja (Childrens’ Allowance, foster care u benefiċċji għal Maternita jew leave għal Maternita) li ġie trasferit għal Għawdex. Infatti nista’ ninforma lil Onorevoli Membru li seba’ (7) uffiċjali diġa’ ħadu t-taħriġ ġewwa Malta u effetivament qegħdin jaħdmu minn uffiċini ġodda fit-Taqsima li għandu d-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali fi Pjazza San Franġisk ir-Rabat. Dawn ilhom jaħdmu minn Għawdex mill-bidu ta’ Lulju ta’ din is-sena. Bħalissa erba’ uffiċjali oħra qed jirċievu t-taħriġ ġewwa Malta. It-taħriġ ta’ dawn l-uffiċjali huwa avvanzat u aktar tard dan ix-xahar mistenni li dawn ukoll ikunu trasferiti għat-Taqsima l-ġdida ġewwa Għawdex. Għaddej il-proċess biex jiġi identifikat uffiċjal ieħor li għandu jiġi trasferit immedjatament ġewwa Għawdex biex it-taħriġ jingħata mill-uffiċjali hemmhekk.
Leg 11 PQ #37934 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

delegazzjonijiet ministerjali — spejjeż fuq żjarat

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 35743, fejn il-Ministru kellha tagħti l-breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali tagħha mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-aħħar ta’ Mejju 2012 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A għal kull safra li saret u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 35204 ntqal li kien hemm żewġ safriet ministerjali, cioè waħda f’Mejju 2011 fl-Estonja u l-oħra f’Settembru 2011 fid-Danimanrka, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A li hemm referenza għalihom fil-Post Travel Submission Forms?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kopji tal-GA27A diġà ġew preżentati bħala parti mit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 35743.
Leg 11 PQ #37951 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin — pagament għall-akkomodazzjoni f'Malta

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il pagament tħallsu s’issa din is-sena l-istudenti Għawdxin f’Malta bħal sussidju għall-akkomodazzjoni tagħhom f’Malta? Kemm kien it-total ta’ kull pagament li tħallas lill-istudenti kollha? Kemm-il pagament jonqos isir din is-sena? Meta mistenni li jitħallas/jitħallsu? Kemm huwa kkalkolat li jammonta kull pagament li jonqos isir?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din is-sena l-istudenti Għawdxin f'Malta tħallsu tliet pagamenti. Permezz ta' miżura li tħabbret fid-Diskors tal-Baġit 2012 is-sussidju li jingħata lil kull student Għawdxi li jkun qed jistudja f'Malta, irrispettivament jekk imurx l-Università, l-MCAST jew l-ITS, żdied għal €400 kull tliet xhur minn Jannar 2012. L-ebda pagament ma jonqos li jsir din is-sena.
Leg 11 PQ #37952 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Trasport b'xejn ta' prodotti tal-biedja

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-senan sa l-aħħar ta’ Settembru ntefqu biss €907 għat-trasport b’xejn ta’ prodotti tal-biedja - Vot Rikorrenti Nru15 Item 5278 - meta l-flus allokati għal dan l-iskop huma €90,000? Kemm mistenni li tkun in-nefqa totali taħt dan il-Vot sal-aħħar ta’ din is-sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-pagamenti għat-trasport tal-prodotti tal-biedja u sajd qed jiġu vverifikati biex ikunu jistgħu jitħallsu u li l-vot allokat mistenni jintuża kollu. Ninsab infurmata wkoll li l-allokazzjoni għal din is-sena hija ta' €70,000 u mhux €90,000 kif kwotat fil-mistoqsija.
Leg 11 PQ #37953 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sussidju lill-bdiewa u sajjieda Għawdxin — trasport tal-prodotti b'xejn bejn Malta u Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-iskema ta’ sussidju lill-bdiewa u s-sajjieda Għawdxin għat-trasport b’xejn tal-prodotti tagħhom minn Għawdex għal Malta għadhiex fis-seħħ? Jekk m’għadhiex, għaliex twaqqfet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li din l-iskema għadha fis-seħħ.
Leg 11 PQ #37714 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — standard item of expenditure

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’hemm flus kommessi biex jitħallsu din is-sena taħt kull standard item of expenditure tal-vot rikorrenti tal-Ministeru għal Għawdex sal-aħħar ta’ Ottubru ta’ din is-sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari Numru 37703 mill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment.
Leg 11 PQ #37823 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

Skola Primarja Ta' Sannat — tifel li qed jistenna biex jissejjaħ quddiem l-Istatementing Board

Question

Tista' l-Ministru tispjega għaliex it-tifel li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament li jattendi skola primarja ta' Sannat, Għawdex għadu sal-lum ma ssejjaħx quddiem l-istatementing board u l-ġenituri tiegħu ilhom żmien li applikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-applikazzjoni ta’ dan it-tifel daħlet għand l-Istatementing Moderating Panel f’Lulju 2012, u qiegħda tiġi pproċessata mal-applikazzjonijiet l-oħra li daħlu f’dawn l-aħħar xhur. Il-proċess isir skont il-prioritajiet tal-każi.
Leg 11 PQ #37826 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bethelem Għajnsielem

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-Ministru ma ratx kif għamlet biex Bethelem Għajnsielem terġa ssir din is-sena? Kif jista' jkun li lanqas għamlet stqarrija dwar telf għal Għawdex ta' din l-attrazzjoni turistika li s-soltu ġġib f'Għawdex kemm turiżmu intern kif ukoll estern?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għal Għawdex dejjem għen bl-aktar mod qawwi, kemm finanzjarjament u anke b'mezzi oħrajn kull darba illi ġie organizzat Bethlehem f'Għajnsielem. Anke din is-sena l-Ministeru għal Għawdex kien lest li jerġa joffri l-għajnuna kollha possibbli sabiex Bethlehem f'Għajnsielem jerġa' jiġi organizzat. Irriżulta però, li l-Fondazzjoni Bethlehem f'Għajnsielem, minħabba raġunijiet imxandra permezz ta' stqarrija maħruġa mill-istess fondazzjoni, ħadet id-deċiżjoni illi din is-sena ma jsirx Bethlehem f'Għajnsielem.
Leg 11 PQ #37929 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Environmental Consortium Ltd - item of expenditure

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm flus ħallas kull sena mill-2006 sal-lum għal xogħol li sar u servizzi li nagħtaw f’Għawdex milll-Environmental Consortium Ltd? Mil-liema item of expenditure tħallsu dawn il-fondi kull sena? Tista’ tgħid x’xogħlijiet saru u x’servizzi nagħtaw kull sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba hija kif tinsab fit-tabella annessa.
Leg 11 PQ #37930 Sitting 520 2012-11-12 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Lista ta' toroq — tarmak

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 37701 u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tat-toroq kollha, mhux biss tat-toroq l-aktar urġenti li qed isiru x-xogħlijiet fuqhom jew li huma fil-proċess li toħroġ l-offerta għax-xogħlijiet f’Għawdex, li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Ministeru tagħha li jridu jsiru u cioè jitranġaw u jinksew bit-tarmak? Tista’ tagħti din il-lista skont il-priorità kif stabbilità fuq il-gravità tal-qagħda tagħhom?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

B'żieda mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 37431, ninsab infurmata li toroq illi jridu jiġu asfaltati minħabba li għadhom mhumiex miksijin bit-tarmak huma kif jidhru fit-tabella annessa.

entitajiet li ġew privatizzati

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijet parlamentari 36845 u 37626 u igħid kemm entitajiet ġew privatizzati mill-1999 sa Diċembru 2011? Liema huma? Kemm kienu jħaddmu nies magħhom kull waħda minnhom f’Malta u f’Għawdex separatament meta ġew privatizzati? Liema huma l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati? Kemm qed iħaddmu nies magħhom illum f’Malta u f’Għawdex separatament kull waħda minnhom l-entitajiet privati li twaqqfu minflok l-entitajiet li ġew privatizzati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.