Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #30725 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Passaġġi fil-Kampanja

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ passaġġi fil-kampanja (farm access roads) nbnew fid-diversi rħula f’Għawdex matul l-2010 u din is-sena? Kif kienu maqsumin skont il-lokalità? X’inhi r-referenza tal-applikazzjoni li saret lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal kull xogħol li sar? X’kienet in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet, skont il-lokalità? Tista’ tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet li saru lill-Ministeru tagħha għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li matul l-2010 saru 3558 metri kwadri ta' passaġġi fir-raba bi spiża ta' €25,815 u fl-2011 s'issa saru 1575 metri kwadri ta' passaġġi bi spiża ta' €16,331. L-ispiża kkwotata ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema li ħadmu dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #30726 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm metri kwadri ta’ ħitan tas-sejjieħ inbnew fid-diversi lokalitajiet f’Għawdex matul l-2010 u din is-sena sal-lum? Kif kienu maqsumin skont il-lokalità? Tista’ tagħti r-referenza tal-applikazzjoni li saret lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għal kull xogħol li sar? X’kienet in-nefqa fuq dawn ix-xogħlijiet, skont il-lokalità? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tat-talbiet li saru lill-Ministeru tagħha għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li matul l-2010 nbnew 2119 metri kwadri ta' ħitan tas-sejjieħ bi spiża ta' €2,871 u li matul l-2011 sa issa nbnew 1637 metri kwadri bi spiża ta' €3,293. L-ispiża kkwotata ma tinkludix il-pagi tal-ħaddiema li ħadmu dan ix-xogħol. Jiena nfurmata wkoll li permezz tal-iskema għall-proġetti ta' Eko-Għawdex għall-kunsilli lokali saru wkoll tul ta' 5 kilometri ta' ħitan tas-sejjieħ. L-ispiża taħt din l-iskema għadha qed tinħadem.
Leg 11 PQ #30727 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Ristrutturar tal-Ministeru

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi ttieħdu mill-2008 sal-lum biex il-Ministeru jiġi ristrutturat? Tista’ tgħid x’inhuma r-responsabbiltajiet li ngħataw lill-karigi li nħolqu ġodda? Min kellu dawn ir-responsabbilitajiet qabel?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Rigward l-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14213. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmata li d-Direttur Ġenerali (Strategy and Support) hija responsabbli għall-iżvilupp u implimentazzjoni ta' proġetti settorali li huma ta' potenzjal strateġiku għal Għawdex. Barra minn dan, id-Direttur (Eco Gozo Regional Development) huwa responsabbli għat-twettiq tal-istrateġija għal Eko Għawdex filwaqt li d-Direttur (Tourism and Economic Development) huwa responsabbli għall-iżvilupp u s-sostenn tal-industrija tat-turiżmu f'Għawdex.

Ħlas ta' Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej f’Għawdex s’issa kull sena sal-lum taħt il-programm finanzjarju 2007-2013 f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Għawdex — Xewkija - sit tal-Barmil - Public Private Partnership - spazju industrijali

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 12744, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għal iżvilupp permezz ta’ Public Private Partnership tas-sit magħruf bħala tal-Barmil fix-Xewkija Għawdex biex taqdi d-domanda għal spazju industrijali sabiex talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali tal-manifattura f’Għawdex? Jista jpoġġi kopja ta’ din-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma ħarġitx, għaliex? Meta mistennija toħroġ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #30730 Sitting 424 2011-12-05 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi u Marsalforn — Master Plans

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’sar s’issa fuq il-master plans għal Marsalforn u x-Xlendi? Tista’ tgħid meta mistennija jibdew ix-xogħlijiet fuq dawn il-proġetti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fuq il-Masterplan ta' Marsalforn saru l-pjanti, konsultazzjonijiet ma' stakeholders, saret applikazzjoni mal-MEPA li ġiet approvata, u qegħdin jitħejjew id-dokumenti għas-sejħiet għall-offerti. Jiena nfurmata wkoll li fuq il-Masterplan tax-Xlendi saru l-pjanti u qegħdin isiru l-konsultazzjonijiet meħtieġa.
Leg 11 PQ #30719 Sitting 422 2011-12-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħlas ta' Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm tħallsu fondi Ewropej kull sena mill-2007 sal-lum taħt il-programm finanzjarju 2007-2013 f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jgħid fuq liema proġetti/miżuri eċċ. tħallsu u kemm tħallsu fuq kull proġett, skema, eċċ.?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari se tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #30720 Sitting 422 2011-12-02 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern — ħaddiema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nies jaħdmu fid-Dipartimenti tal-Gvern f’Malta u f’Għawdex b’mod separatament kull sena mill-2006 sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li ċ-ċifri mitluba mill-Onorevoli Interpellant huma dawk li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — studenti li jsegwu korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-Università ta' Malta f’Malta u f’Għawdex separatament? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-Università f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

studenti li qed isegwu l-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti jsegwu korsijiet fl-MCAST? Tista' tgħid kemm hemm Għawdxin isegwu korsijiet fl-MCAST f'Malta u Għawdex separatament? Tista' tagħti dan it-tagħrif skont il-kors li qed isegwu l-istudenti u skont is-sena tal-kors li waslu fiha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-Università ta' Malta u f’Għawdex rispettivament? Tista’ tgħid kemm minnhom huma residenti f'Għawdex? Tista' f’kull każ tagħti dan it-tagħrif l-Istitut fejn jaħdmu u skont il-grad tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — informazzjoni dwar l-impjegati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-MCAST f’Malta u f’Għawdex rispettivament? Tista’ tgħid kemm minnhom huma residenti f'Għawdex? Tista' f’kull każ tagħti dan it-tagħrif skont l-Istitut fejn jaħdmu u skont il-grad tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trasport Pubbliku — karozza tal-Arriva għaċ-Ċirkewwa

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li mill-Isptar Mater Dei m'għadux ikun hemm servizz ta' trasport pubbliku għaċ-Ċirkewwa kif kien hemm qabel kull siegħa? Jaf li biex l-Għawdxin li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei u li jridu jaqbdu bus għaċ-Ċirkewwa iridu joqogħdu jistennew karozza tal-Arriva ġejja mill-Airport? Ma jarax li l-fatt li l-vjaġġ idum tliet sigħat biex jasal mill-Isptar Mater Dei għaċ-Ċirkewwa hija traġedja għal dawk li jużaw is-servizz tal-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rotta X1 topera kull siegħa minn Mater Dei lejn iċ-Ċirkewwa b’xi servizzi żejda matul il-ġurnata u jonqsu ftit wara it-tmienja ta’ filgħaxija. Kull traġitt għandu jieħu madwar 50 minuta. Ir-rotta hi skedata biex tasal iċ-Ċirkewwa ftit qabel it-tluq tal-vapur t’Għawdex. Transport Malta għandha rapporti ta’ dewmien ta’ stennija f’Mater Dei / Universita’ u tinsab f’diskussjonijiet ma’ l-operatur sabiex dan is-servizz jingħata mingħajr dewmien għall-passiġġieri u li l’imsemmija rotta tkun qed taħdem skont l-iskeda.
Leg 11 PQ #30515 Sitting 415 2011-11-29 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t'Għawdex — servizzi ta' kurriera - direct orders

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar tliet snin kemm ingħataw direct orders għas-servizz ta' kurriera fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Lil min ingħataw? Kemm hu maħsub li sewa sena b'sena dan is-servizz?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li ma jirriżultax li ngħataw direct orders għas-servizz ta' kurriera fl-Isptar Ġenerali t'Għawdex.
Leg 11 PQ #30432 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Anażli tas-suq fil-qasam tat-turiżmu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha għamilx xi analiżi tas-suq biex ikunu identifikati liema huma l-aktar tipi idonei għal Għawdex fil-qasam tat-turiżmu f’dawk li huma konferenzi, laqgħat, incentives travel? Jekk sar, tista’ tgħid x’inhu r-riżultat tal-analiżi?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru diġà identifika l-aktar attivitajiet li jistgħu jkunu idonei f'dan il-qasam. Ir-riżultat ta' dan issarraf f'attività konġunta mal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, fejn Għawdex se jiġi rreklamat għal dawn it-tip ta' attivitajiet f'pajjiżi speċifiċi fix-xhur li ġejjin.
Leg 11 PQ #30433 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Agro-Turiżmu għal Għawdex

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru tagħha huwiex qed jaddotta politika reġjonali fl-agro-turiżmu speċifikament għal Għawdex? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din il-politika? Tista’ tpoġġi kopja ta’ din il-politika fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li fil-preżent qed tiġi pproċessata sejħa għall-offerti għall-iżvilupp ta' sett ta' rakmandazzjonijiet li fuqhom għandha tinbena Politika Reġjonali għal Turiżmu Rurali f'Għawdex.
Leg 11 PQ #30434 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Reklami tal-attivitajiet kulturali ta' livell internazzjonali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’għajnuna ngħatat mill-Ministeru tagħha kull sena mis-sena 2000 sal-lum biex jinżammu u jiġu reklamati attivitajiet kulturali ta’ livell internazzjonali? Tista’ tgħid liema kienu l-attivitajiet megħjuna kull sena?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mis-sena 2000 sal-lum attivitajiet kulturali ta’ ċertu livell dejjem ġew irreklamati barra minn Malta permezz tal-international media offices tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta’ Malta. Minbarra l-għajnuna li l-Ministeru ta biex numru ta’ attivitajiet jiġu rreklamati għas-suq domestiku lokali, dawn l-attivatijiet ġew ukoll irreklamati fuq livell internazzjonali permezz ta’ għajnuna li ngħatat mill-Ministeru għal Għawdex: · Fl-2009 il-Ministeru għal Għawdex tella’ reklam televiżiv biex jirreklama n-Notte Gozitana u l-Għawdex fi Sqallija. · Fl-2011 ingħatat għajnuna biex attivitajiet relatati mal-wirja mtellgħa mill-Fundazzjoni Betlehem f’Għajnsielem f'Diċembru jkunu reklamati f’pubblikazzjoni barra minn Malta. · Fl-2011 ingħatat għajnuna biex jiġu reklamati attivitajiet relatati mal-programm tal- Victoria International Arts Festival barra minn Malta. Nixtieq ngħarraf ukoll lill-Onorevoli Interpellant li l-Ministeru qiegħed fi proċess biex jiġi ppublikat kalendarju kulturali annwali li ħa jiġi rreklamat fuq livell internazzjonali.
Leg 11 PQ #30435 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Skemi ta' Għajnuna lill-bdiewa

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx xi skema ta’ għajnuna lill-bdiewa biex jinbnew ħitan tas-sejjieħ imġarrfa f’Għawdex? Meta daħlet fis-seħħ din l-iskema? X’għajnuna ngħatat kull sena għall-bini ta’ ħitan tas-sejjieħ taħt din l-iskema?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li mit-3 t'Ottubru 2011 qegħdin jintlaqgħu applikazzjonijiet mingħand il-bdiewa għal għajnuna fuq proġetti ta' titjib li jinkludi bini ta' ħitan tas-sejjieħ. L-iskema hija amministrata mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u applikanti Għawdxin jistgħu japplikaw fil-Farm tal-Gvern fix-Xewkija. Jiena nfurmata li sa issa m'hemmx pagamenti fuq din l-iskema għaliex għadhom qed jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.
Leg 11 PQ #30436 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’titjib sar kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin fil-faċilitajiet li l-Ministeru għandu għat-tkabbir ta’ siġar u pjanti ta’ valur ġenetiku? X’kienet in-nefqa kull sena fuq dan it-titjib?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-faċilitajiet għat-tkabbir ta' siġar u pjanti ta' valur ġenetiku huma parti mill-proġett li permezz tiegħu fil-Farm Sperimentali fix-Xewkija se jsir Ċentru Mediterranju fir-Riċerka Żvilupp u Innovazzjoni. F'dan ir-rigward matul is-sena 2010 u 2011 saru u għadhom għaddejjin xogħlijiet ta' refurbishment u titjib fil-faċilitajiet ta' dan iċ-ċentru u nxtara apparat, attrezzaturi u makkinarju. Jiena nfurmata li n-nefqa fuq dan il-proġett ammontat għal €57,112 fl-2010 u €139,760 s'issa fl-2011.
Leg 11 PQ #30437 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

San Lawrenz — Triq Franġisk Portelli - xogħlijiet

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta bdew ix-xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz? Tista’ tgħid meta hu mistenni li jitlestew?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li x-xogħlijiet fuq il-post bdew fis-7 ta' Novembru 2011 u li x-xogħol mistenni jitlesta fl-ewwel nofs tas-sena d-dieħla.