Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li s-sezzjoni tad-drenaġġ fi ħdan il-Ministeru sal-lum ma ħadet l-ebda azzjoni biex id-drenaġġ li hemm ħiereġ qabel il-pumpung station fil-Wied tal-Blajjet, limiti tal-Wied il-Mielaħ fl-Għarb, Għawdex ma jkomplix ħiereġ barra? Ma taħsibx l-Ministru li inazzjoni bħal din tmur kontra kull dikjarazzjoni li Għawdex hija gzira ekoloġika?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Filwaqt li ninforma l-Onorevoli Interpellant li s-sistema tad-drenaġġ taqa' fir-responsabilità tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, ninsab infurmata li l-ħsara fil-post imsemmi kienet ikkaġunata mix-xita qawwija li kellna riċentement u li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħadet l-azzjoni meħtieġa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hi stmata li tiswa l-ħsara fit-Triq tax-Xlendi minħabba l-maltemp ta' din il-ġimgħa? Min sejjer iħallas għal din l-ispiża? Meta se tissewwa din it-triq? X'inhi r-raġuni li l-Wied tax-Xlendi ma tranġax qabel ma saru x-xogħlijiet fuq din it-triq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet ta' tiswija tat-triq tax-Xlendi qegħdin isiru mill-kuntrattur għas-spejjeż tiegħu peress li x-xogħol għadu taħt il-garanzija.
Ninforma l-Onor. Interpellant li din il-parti tal-wied ma kinitx tifforma parti mill-kuntratt tax-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid wara s-sejħa għal Trainee Fisheries Protection Officers u wara li saru l-interviews fl-4 ta' Lulju, 2011, meta dawn l-interviews se jiġu pubblikati u dawk li għaddew jibdew jagħmlu dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30349.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li għandu appuntament għall-MRI fil-25 ta' April, 2012, jingħata appuntament aktar viċin peress li għandu bżonn imminenti biex issirlu l-MRI?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-appuntamenti tal-MRI huma eżaminati mill-konsulenti radjoloġisti skont l-indikazzjoni klinika. Jekk it-tabib li irrefera lill-pazjent jidhirlu li huwa wieħed urġenti, jista’ jikkonsulta mal-konsulent radjologu sabiex jingħata appuntament fil-viċin.
Jista' l-Ministru jara li fiċ-Ċirkewwa jitpoġġew guards tal-ħadid bħala prekawzjoni fejn ir-rampi tal-vapur minħabba l-perikolu li hemm li wassal f'din l-aħħar ġimgħa għal żewġ persuni jispiċċaw fil-baħar bil-vetturi, wieħed minnhom b'konsegwenza fatali li tilef ħajtu?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minħabba x-xogħolijiet li hemm għaddejjin fiċ-Ċirkewwa, l-operazzjonijiet huma taħt il-kontroll ta' Transport Malta. Madanakollu ġa ttieħdu passi, sa fejn dawn jistgħu jittieħdu u kif dejjem ittieħdu, biex jiġu evitati inċidenti.
Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu — promozzjoni dwar Għawdex
Question
Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul l-2010 mill-gvern u l-Awtorità ta' Malta dwar it-Turiżmu biex jippromwovu lil Għawdex fis-suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri hu mistenni li jittieħdu matul l-2011? Kemm hu mistenni li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li se jittieħdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 22451.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu cruiseliners f’Għawdex din is-sena sal-lum? Jista’ jgħid kemm minnhom rabtu mal-baga li tqiegħdet ix-Xlendi? Jista’ jgħid kemm passiġġieri niżlu l-art f’Għawdex mill-cruiseliners li daħlu Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li minn Jannar sat-13 t’Ottubru 2011 daħlu 4 cruiseliners f’Għawdex. L-ebda cruise liner m’għamel użu mill-baga tax-Xlendi. Ma tinżammx informazzjoni rigward kemm passiġġieri niżlu l-art f’Għawdex mill-cruiseliners li daħlu.
Għawdex — Xewkija - sit tal-Barmil - Public Private Partnership - spazju industrijali
Question
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 12744, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġet is-sejħa pubblika għall-iżvilupp
permezz ta’ Public Private Partnership tas-sit magħruf bħala tal-Barmil fix-Xewkija Għawdex biex taqdi d-domanda għal spazju industrijali sabiex
talloka l-attivitajiet tas-setturi tradizzjonali tal-manifattura f’Għawdex? Jista jpoġġi kopja ta’ din-sejħa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma ħarġitx,
għaliex? Meta mistennija toħroġ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi saru xi tibdiliet fil-proġett tal-Barmil ġewwa x-Xewkija, Għawdex, biex jagħmel l-aħjar użu mill-baġit allokat. Għaldaqstant, is-sejħa għall-offerti Design, Build and Operate hija ppjanata li toħroġ fil-bidu tal-2012.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum tal-ilma prodott u kkonsmat f’Malta u f’Għawdex rispettivament mis-sena 2000 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum totali tal-ilma f’Malta u Għawdex separatament mis-sena 2000 sal-lum? Jista’ jgħid dan il-konsum kif kien imqassam fuq l-oqsma tal-industrija, tal-kummerċ u dak domestiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm widien f’Għawdex? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm widien li għandhom ilqugħ għall-ilma fihom? Jista’ jgħid kemm hu l-volum tal-ilma li kapaċi jilqa’ u jaħżen kull wied li għandu l-ilqugħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru għal Għawdex.
pjan biex titkabbar il-kapaċità ta’ ħażna tal-ilma
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux xi studji jew hemmx xi pjan biex titkabbar il-kapaċità ta’ ħażna tal-ilma fil-widien f’Malta u f’Għawdex separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 3967, 4209, 17163 u 23316, infakkru li dan huwa proġett li għadu għaddej u li kif indikat fit-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 3967, f’konsultazzjoni mal-Awtorità ta’ Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar qed jkunu investigati pjanijiet f’dan ir-rigward.
Dwar dak li jikkonċerna Għawdex, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30858.
Tista' l-Ministru tgħid għal liema raġuni l-laboratorju fl-Iskola Agius De Soldanis, Girls Junior Lyceum f'Għawdex sal-lum m'huwiex aċċessibbli għal studenti li huma wheelchair bound? Kif tista' studenta Għawdxija li tattendi l-iskola u li hija wheelchair bound tagħmel l-eżami annwali tal-prattika fil-Home Economics, meta m'hemmx il-faċilitajiet biex hija tkun tista' tagħmel dan it-test tal-prattika? Taħseb l-Ministru li s-soluzzjoni mogħtija hi li ma tagħmilx l-eżami u tingħata average mark jew tagħmel biss l-eżami bil-miktub u tinqatgħalha 10% mill-marki li ġġib, huma soluzzjonijiet inġusti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-iskola Sekondarja tal-Bniet fil-Kulleġġ t’Għawdex hija aċċessibli għal studenti b’diżabilita inkluż dawk li huma ‘wheelchair bound’. Fl-iskola hemm ‘lift’ li jipprovdi aċċessibilita’ sħiħa għall-klassijiet, għall-laboratorji, għas-swali u għall-grawnds
li jinsabu mifruxin madwar l-iskola.
L-Iskola Sekondarja Bniet fil-Kulleġġ ta’ Għawdex/id-Dipartiment tal-Edukazzjoni qegħdin jipprovdu:
· LSA ‘full-time’ ‘one-to-one’ mal-istudenta koncernata. F’dawk il-jiem meta l-istudenta tkun assenti, din l-LSA issegwi l-lezzjonijiet, tieħu nota tagħhom, sabiex imbagħad tkun tista’ tgħaddihom lill-istudenta;
· ‘Food Lab’ fejn l-istudenta għandha aċċessibilita’ għal bank li fih jista’ jidħol il-‘wheelchair’. Fuq dan il-bank, l-istudenta tagħmel xogħolijiet prattiċi bħal tqaxxir u tqattigħ ta’ ħxejjex tal-borma u frott.
Il-Fondazzjoni tal-Iskejjel ta’ Għada flimkien mad-Dipartiment li jipprovdi Servizzi għall-Istudenti jinsabu f’kuntatt mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni B’Diżabilita sabiex ikunu iggwidati dwar possibilitajiet oħra rigward aċċessibilta’ u sabiex dawn jiġu implimentati fl-iskola msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm twaħħlu meters fuq boreholes sal-lum f’Malta u f’Għawdex? Kemm minn dawn il-meters twaħħlu fuq boreholes li jintużaw għal skop agrikolu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif kien komunikat diġà publikament, il-process tal-installazzjoni fuq boreholes li jintuzaw ghal-skop agrikolu inbeda dan l-aħħar. Fil-każ ta’ boreholes użati għall-skop agrikolu jinsabu fir-raba, għaddej eżerċizzju biex il-bdiewa jagħmlu l-preparamenti meħtieġa fuq is-sit qabel ma jkun jista’ jitwaħħal dan il-meter. Uffiċjali qed ukoll jagħmlu spezzjonijiet fuq dawn is-siti biex jagħtu pariri lill-bdiewa dwar ix-xogħol preparattiv li jrid isir. Sa llum diġà saru madwar tliet mitt spezzjoni. Għaldaqstant ħafna minn dan ix-xogħol diġà qed isir u l-bdiewa qed jingħataw dan iż-żmien neċessarju u meta jlestu, il-meter ikun jista’ jitwaħħal.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata għal xogħlijiet f’Għawdex matul dis-sena sal-lum? Jista’ jgħid lil min ingħataw dawn il-kuntratti u għal liema xogħlijiet ingħataw? Jista' jagħti l-valur ta’ kull kuntratt u jpoġġi kopja ta’ kull kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 25700, tista' l-Ministru taġġorna l-figuri mogħtija għal dik il-mistoqsija u tgħid kemm tħallsu sal-lum fuq kull kuntratt u kemm hemm flus kommessi għall-ħlas u għadhom ma tħallsux fuq kull kuntratt?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-ilma fl-oqsma tal-industrija, tal-kummerċ u domestiku f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-volum ta’ drenaġġ iġġenerat kull sena f’Malta u f’Għawdex separatament?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.
Għawdex — impjant għat-tisfija tad-drenaġġ - volum ipproċessat
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-volum li l-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Għawdex kapaċi jipproċessa f'sena? Jista’ jgħid meta ġie inawgurat dan l-impjant u x’inhu l-volum li pproċessa kull sena mill-2000 sal-lum?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investimentli hu responsabbli mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.