B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31819 dwar ix-xogħlijiet li kellhom isiru fuq parti mill-iskola tax-Xewkija biex tintuża bħala uffiċini relatati ma' back office fejn qalet li bħalissa qed jiġu stallati l-elettriku u s-soffitti u li nħarġet offerta għax-xiri ta' għamara għal dawn l-uffiċċji, tista’ l-Ministru tgħid meta mistennija li jitlestew dawn ix-xogħlijiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħlijiet imsemmija mistennija jitlestew dan ix-xahar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ħaddiema jaħdmu full-time fis-settur tas-servizzi diretti ta’ intermedjazzjoni finanzjarja f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Ġunju u fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2011? Kemm minnhom kienu fis-settur pubbliku? Kemm minnhom kienu nisa u kemm kienu rġiel? Kemm minnhom kienu self-employed?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra News Release 044/2012 li l-NSO ħarġet fit-2 ta’ Marzu 2012.
Għawdex — xogħol u titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29391 dwar ir-rapport li kien ġie kkummissjonat biex janalizza s-sitwazzjoni preżenti u jagħti pariri dwar strateġija marbuta mal-ħolqien tax-xogħol u t-titjib tal-ħiliet tar-riżorsi umani f’Għawdex, tista’ l-Ministru tgħid jekk il-proċess ta' konsultazzjoni mal-entitajiet konċernati, fosthom il-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ tlestiex? Jekk tlesta, tista’ tpoġġi d-dokument fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma tlestiex, tista’ tgħid meta hu mistenni li jitlesta? X’hemm iżomm li dan il-proċess jingħalaq?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess ta' konsultazzjoni mal-Malta Enterprise u l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ sar iżda l-fażi tal-istudju għadha mhix magħluqa. Wara din il-fażi d-dokument jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid x’inhuma x-xogħlijiet li se jsiru taħt it-tender CT3058/2011għar-rikonstruzzjoni ta’ parti mit-triq tax-Xlendi u parti mit-Triq ta’ Pinu? Tista’ tgħid kemm hi l-istima ta’ dawn ix-xogħlijiet, kull triq għaliha? Tista’ tgħid dawn ix-xogħlijiet mil-liema Vot baġitarju se jitħallsu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-istejjem tax-xogħlijiet ta' rikostruzzjoni ta' parti mit-Triq tax-Xlendi u parti mit-triq Ta' Pinu huma ta' €858,408.90 u €532,372.00 (Vat eskluż) rispettivament. Dawn ix-xogħlijiet se jitħallsu mill-Vot Kapitali III item 7211 EU Structural Funds 2007-2013.
Għawdex — San Lawrenz - xogħlijiet fuq Triq Franġisk Portelli
Question
Tista’ l-Ministru tgħid x'xogħlijiet saru s’issa fuq Triq Franġisk Portelli, San Lawrenz Għawdex? X’xogħlijiet jonqos isiru? Meta mistenni li jitlestew ix-xogħlijiet kollha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li bħalissa qiegħed isir shifting tal-cables tal-Enemalta, bini ta' service culvert u ħitan. Wara dan trid issir il-formazzjoni tat-triq u l-asfaltar tagħha.
Jiena nfurmata li x-xogħol fuq dan il-kuntratt mistenni jitlesta sa nofs din is-sena.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm cruise liners żaru Għawdex kull xahar matul l-2011? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm kien hemm passiġġieri fuqhom? Kemm minnhom niżlu l-art? Kemm cruise liners mistenni jżuru Għawdex xahar xahar matul l-2012? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm jista’ jġorr passiġġieri kull wieħed minnhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 31813, tista’ l-Ministru tagħti l-istess informazzjoni dwar skejjel f’Malta, cioè tista’ tgħid kemm kien hemm studenti barranin fl-aħħar ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2011 fi skejjel pre-primarji, primarji, sekondarji u post-sekondarji f’Malta? Tista’ tagħti din l-informazzjoni maqsuma skont skejjel statali, skejjel tal-knisja u skejjel indipendenti u skont in-nazzjonalità tal-istudenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31811 fejn irreferieni għal News Release 33/2012 li l-NSO ħarġet fis-16 ta’ Frar 2012; peress li l-NSO Press Release li rreferini għaliha ma tagħtix l-informazzjoni li jiena tlabt għal Għawdex, jista’ l-Ministru jwieġeb għal dak li tlabt jien u cioè jgħid kemm kien l-ammont totali ta’ investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar ta’ Diċembru 2010, fl-aħħar ta’ Ġunju u ta’ Diċembru 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-aħħar ċifri li għandna jirreferu għal Ġunju 2011.
L-investiment barrani għal Ġunju 2011 f’entitajiet li għandhom l-indirizz tagħhom f’Malta kien ta’ €12,380 miljun, filwaqt li għal dawk l-entitajiet li għandom l-indirizz tagħhom f’Għawdex, l-investiment barrani kien jammonta għal €6 miljuni. L-istess informazzjoni għall-aħħar ta’ Diċembru 2010 kienu €12,505 miljun u €3 miljun rispettivament.
Hija importanti li wieħed jinnota li dawn iċ-ċifri huma proviżorji u perjodikament ikunu aġġornati.
intrapriżi li ngħataw għajnuna mill-Malta Enterprise
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm intrapriżi f’Malta u f’Għawdex separatament li ngħataw għajnuna mill-Malta Enterprise kull sena mill-1999 sal-2011 biex iwettqu attività ta’:
a) innovazzjoni teknoloġika;
b) innovazzjoni mhix teknoloġika; u
ċ) innovazzjoni sew teknoloġika kif ukoll innovazzjoni mhix teknoloġika?
Jista’ jgħid kemm kienet tammonta l-għajnuna li ngħatat f’kull każ? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-kumpanija għadhom joperaw illum? Kemm suppost qed iħaddmu nies illum u kemm fil-fatt qed iħaddmu? Jista’ jagħti dan it-tagħrif kollu għal Malta u għal Għawdex separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-iskemi li kienu fis-seħħ qabel l-2009 kienu jaqgħu taħt il-Business Promotion Act, u għaldaqstant kienu ta’ natura aktar wiesgħa u jkopru kull tip ta’ investiment li jsir fil-qasam tal-manifattura, inkluż iżda mhux ristrett għall-investiment li jsir fuq proġetti ta’ innovazzjoni kemm teknoloġika kif ukoll mhux teknoloġika.
Meta daħal fis-seħħ il-
Malta Enterprise Act
setgħu jinħarġu ukoll skemi iktar speċifiċi fosthom biex iħeġġu aktar innovazzjoni mill-kumpaniji li joperaw f’Malta. Fost dawn, hemm l-iskema tal-Innovazzjoni ko-finanzjata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF), li għaliha bħalissa hemm sejħa miftuħa. Ir-riżultati tas-sejħiet preċedenti, li fihom kien hemm mas-60 kumpanija li bbenefikaw minn kważi €4.4 miljuni, huma pubbliċi u jinsabu ukoll fuq is-sit www.20millionforindustry.com. Minn dawn, mas-seba’ kumpaniji kienu minn Għawdex. Għall-informazzjoni dwar l-impjiegi ta’ dawn il-kumpaniji nitlob lill-Onorevoli Interpellant jistaqsi lill-entità responsabbli mill-impjiegi.
Ta’ min jgħid ukoll li minbarra l-iskema dwar l-Innovazzjoni il-Malta Enterprise tħaddem ukoll għadd ta’ skemi biex tħeġġeġ ir-riċerka u żvilupp, li ukoll jistgħu jitqiesu li qed iħeġġu lill-kumpaniji li joperaw f’pajjiżna jkunu aktar innovattivi. Fost oħrajn dawn jinkludu skema oħra ko-finanzjata mill-ERDF din id-darba mmirata għar-Riċerka u Żvilupp, l-iskema li tgħin lill-kumpaniji jieħdu sehem fi proġetti fil-qafas tan-network EUREKA u l-programm Eurostars, kif ukoll krediti ta’ taxxa għall-investiment li jsir fuq riċerka u żvilupp.
studenti Għawdxin li mhux qed jibbenefikaw mill-miżura tal-budget
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li studenti Għawdxin li jattendu l-MCAST u l-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'Malta għadhom sal-lum ma jibbenefikawx mill-miżura tal-budget u jieħdu l-istess stipendju, smart card u sussidju għall-kiri tal-flat bħal studenti oħra li jattendu kors fl-Università ta' Malta?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-miżura tal-budget ġiet fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2012. L-istudenti Għawdxin li jattendu l-MCAST u l-ITS f'Malta ser jibbenefikaw mill-istess għajnuna li tingħata lill-istudenti Għawdxin li jattendu l-Università f'Malta. L-ewwel pagament se jkun dovut fl-aħħar ta' Marzu. Din l-għajnuna tingħata apparti mill-istipendju u Smart Card.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal Għawdxin li huma fil-bżonn li jinħareġ care order biex jiġu protetti peress li huma abbużati jew maħqura u sal-lum għadha ma ħarġitx din il-care order minħabba problemi li m'hemmx post fejn jitpoġġew?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
B’referenza ghall-mistoqsija mill-Onor. Refalo, il-Ministru jwiegeb li l-Agenzija Appoġġ m'għandha l-ebda każ pendenti ghal care order, minn Għawdex, minħabba nuqqas ta’ placement.
Jista’ l-Prim Ministru jjwieġeb mistoqsija parlamentari 31804 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett għar-riabilitazzjoni, eċċ. tal-Qortin Xagħra Għawdex, Proġett Nru 118, iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li r-riabilitazzjoni, eċċ. tal-Qortin tifforma parti minn “Major Project ” kif miftiehem taħt l-Artiklu 39 tar-Regolament 1083/2006. F’dan il-każ qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, kopja tad-Deċiżjoni relevanti tal-Kummissjoni Ewropea, li hi d-Deċiżjoni Prinċipali li qed tapprova l-proġett. L-Implementation u Disbursement Schedule kif wieħed isib fil-Grant Agreements ta’ proġetti “normali” jiġifieri mhux “major” ma teżistix. F’dan ir-rigward, Anness II tad-Deċiżjoni tirrapreżenta l-pjan għall-fini ta’ “impenji finanzjarji” mill-baġit Ewopew. Minħabba li dan il-proġett ġie approvat fl-2010, l-impenji għas-snin ta’ qabel jiġu trasferiti awtomatikament għas-snin ta’ wara kif deskritt fl-Artiklu 94 ta’ l-istess Regolament.
Fl-aħħar nixtieq nagħrraf li skont il-pjan ta’ WasteServ Malta Ltd. l-
landfill
imsemmija f’din il-mistoqsija hi mistennija li tkun lesta sas- sena 2013.
Jista’ l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-grant agreement li jinkludi l-implementation u d-disbursement schedules dwar il-proġett Setting Up of the Gozo Waste Treatment and Transfer Facility (transfer station) f’Għawdex Cohesion Fund Project Ref Nru 123 iffirmat bejn il-benefiċjarju u l-Managing Authority skont ir-Regolamenti tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni ta’ proġetti ko-finanzjati mill-istess Unjoni Ewropea?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat, li għalkemm dan il-proġett hu approvat fil-prinċipju, għad m’hemmx Grant Agreement iffirmat minħabba li xi kundizzjonijiet marbuta ma’ dettalji li jridu joħorġu minn studji li għadhom għaddejjin fuq il- proġett CF119 – Setting up a Mechanical and Biological Treatment Plant in the North of Malta , u li bħala konsistenza strateġika fuq l-immaniġjar tal-iskart fil-Gżejjer Maltin iridu jidħlu wkoll fil-Grant Agreement ta’ dan il-proġett. Nixtieq inżid li t-tender marbut ma’ dan il-proġett qed jiġi evalwat u li skont il-pjan tal-Wasteserv Malta Ltd. il-proġett mistenni jitlesta għall-aħħar tas-sena d-dieħla.
Tista' l-Ministru tgħid x’jonqos isir taħt il-kuntratt għall-provvista, stallazzjoni, ittestjar u kummissjonar ta' apparat u servizzi anċillari tal-Biċċerija ta' Għawdex biex din tkun tista’ topera b’mod sħiħ? Meta mistennija terġa’ tiftaħ u topera kompletament din il-biċċerija?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li x-xogħol taħt l-imsemmi kuntratt huwa komplut u li l-Biċċerija f'Għawdex bdiet topera f'Diċembru 2011.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise matul l-2011 biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tathom l-Malta Development Corporation/ Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum? Jista’ l-Ministru jagħti l-istess tagħrif dwar Malta ?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-2011, il-Bord tal-Malta Enterprise approva tliet proġetti biex jitwaqqfu impriżi ġodda ġewwa Għawdex. Tnejn minn dawn il-kumpaniji huma Għawdxin u joperaw fis-settur tal-ikel, filwaqt li l-kumpanija l-oħra hija kumpanija barranija li topera fis-settur tal-manifattura. Bejniethom dawn il-kumpaniji ingħataw spazju industrijali minn fejn joperaw li jammonta għal ftit inqas minn 1,300 metru kwadru. Huma mistennija jinvestu total ta’ ftit anqas minn €290,000 - li minnhom ftit anqas minn €240,000 huma investiment barrani – u joħolqu 37 impjieg ġdid fi żmien tliet snin.
It-tagħrif dwar Malta diġà ingħatat u għaldaqstant nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari 31094.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin matul l-2011 biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport tal-baħar bejn Għawdex u Malta, eċċ? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li tħallsu? Għal liema snin kienu l-pagamenti? Kemm kien hemm talbiet pendenti fl-aħħar tal-2010 u tal-2011u kemm kienu jammontaw dawn it-talbiet? Għal liema snin huma?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-2011 il-Malta Enterprise ħallset €296,235.47 lil għaxar kumpaniji Għawdxin bħala għajnuna minħabba l-ispejjeż żejda biex jaqsmu bejn Malta u Għawdex. L-ispejjeż kienu jkopru mill-2006 sal-2009.
Fl-aħħar tal-2010 kien hemm 13-il applikazzjoni pendenti li bejniethom kienu qed jitolbu għajnuna li tammonta għal €291,572.75, liema spejjeż saru bejn l-2006 u l-2009. Fl-aħħar tal-2011 kien hemm 30 talba pendenti b’rabta ma’ spejjeż li saru bejn l-2007 u l-2010 u li kienu jammontaw għal €318,816.56.
Ta’ min jgħid li l-parti l-kbira ta’ dawn it-talbiet jaslu għand il-Malta Enterprise lejn l-aħħar tas-sena wara li l-kumpaniji jkunu għamlu l-awditjar neċessarju. Fil-fatt, f’din l-ewwel parti tal-2012 tlesta l-ipproċċessar ta’ 15-il talba oħra li kienu pendenti fl-aħħar tas-sena u diġà tħallsu €194,741.90 f’inqas minn xahrejn.
Għawdex — talbiet biex jitħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm talbiet pendenti fl-aħħar tal-2011 u għal kemm kienu jammontaw dawn it-talbiet biex jitħallsu fondi bħala sussidju lill-industrijalisti Għawdxin biex jagħmel tajjeb għall-ispejjeż żejda li għandhom fuq trasport, eċċ taħt Vot kapitali 7096 tal-Ministeru tagħha? Kemm hu n-numru ta’ imprendituri li jridu jitħallsu? Għal liema snin huma dawn it-talbiet?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li fl-aħħar tal-2011 kien hemm 22 talba għall-għajnuna pendenti għall-verifika u ħlas li ammontaw għal €168,193. Ninsab infurmata wkoll li t-talbiet saru minn 6 kumpaniji u jirreferu għas-snin 2009, 2010 u 2011.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li applikazzjonijiet bħal din, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilhom minn Mejju 2011 ma jiġu proċessati għalkemm kienet ittieħdet id-deċiżjoni li dawn l-applikazzjonijiet jiġu proċessati Malta minflok Għawdex?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onerevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet kollha li jaqgħu fiż-Żoni ta' Konservazzjoni Urbana f'Għawdex, qed jinħadmu Malta. Fil-fatt diversi minn dawn l-appikazzjonijiet diġà tlesta l-proċess u ngħataw deċiżjoni.
Rigward l-applikazzjoni in kwistjoni din qiegħda tiġi pproċessata u se titla’ għal deċiżjoni fil-ġimgħat li ġejjin. Id-Direttorat għandu tħassib dwar in-nuqqas ta’ aċċessibilità għal kullħadd kif tirrikjedi l-liġi u fuq xogħlijiet li diġà saru mingħajr permess.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 29303 u 29688 u jgħid min huwa r-related party li flimkien miegħu il-Gozo Channel Co. għamlet l-offerat biex tkompli topera is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim, jekk sar, bejn il-Gozo Channel Co u r-related party? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li sar bejn il-Gozo Channel Co – u msieħba oħra jekk hemm – dwar it-tmexxija tas-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex taħt it-tender il-ġdida? Sar Public Service Contract mal-Gvern? Jekk fl-affermattiv, jista’ jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30082.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kemm-il vjaġġ bir-ritorn sar mill-Gozo Channel bejn l-Imġarr u Sa Maison xahar xahar minn Settembru 2011 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn Settembru 2011 sa Jannar 2012 il-Gozo Channel Co. Ltd għamlet dawn il-vjaġġi bejn l-Imġarr u Sa Maison :
Settembru 2011 16-il vjaġġ
Ottubru 2011 16-il vjaġġ
Novembru 2011 14-il vjaġġ
Dicembru 2011 10 vjaġġi
Jannar 2012 13-il vjaġġ