Għawdex — faċilità għas-servizzi għall-kura tad-dimensja
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità għal servizzi għall-kura tad-dimensja għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33576.
Tista’ l-Ministru tgħid hemm anzjani u households f’Għawdex li għandhom is-servizz tal-għajnuna fid-dar? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kemm hu n-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa li qed jingħata? Tista’ tgħid kemm sigħat totali ta’ servizz fil-ġimgħa kienu approvati għal dawn l-anzjani/households? Tista’ tgħid kemm hemm anzjani/households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għal dan is-servizz u għadhom ma nagħtawx is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz għandhom approvati b’kollox?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija mogħtija fil-lista annessa.
Jista’ l-Ministru jgħid hemm anzjani u households f’Malta li għandhom is-servizz tal-għajnuna fid-dar? Jista’ jgħid kemm hu n-numru totali ta’ sigħat ta’ servizz fil-ġimgħa li qed jingħata? Jista’ jgħid kemm sigħat totali ta’ servizz fil-ġimgħa kienu approvati għal dawn l-anzjani/households? Jista’ jgħid kemm hemm anzjani/households li għandhom l-approvazzjoni tal-Bord għal dan is-servizz u għadhom m nagħtawx is-servizz? Kemm-il siegħa ta’ servizz għandhom approvati b’kollox?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ households li jirċievu l-home help fil-prezent huwa 2,684 filwaqt li l-benefiċċjarji jammontaw għal 3,659. In-numru totali ta’ siegħat ta’ servizz li qed jingħata hu ta’ 7,293 siegħa fil-ġimgħa. In-numru ta’ siegħat approvati jammonta għal 7,487 siegħa fil-ġimgħa.
In-numru ta’
households
li għandhom is-servizz approvat u li s’issa m’għandhomx servizz huwa ta’ 74.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm social assistants impjegati mal-Ministeru tagħha? Tista’ tgħid dawn fejn hu assenjati x-xogħol tagħhom u x’xogħol qed jagħmlu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li n-numru ta' Social Assistants impjegati mal-Ministeru għal Għawdex huwa ta' 88. Dawn huma mqassmin hekk:
Għajnuna fid-Djar - 68 (għand l-anzjani, fid-djar tagħhom)
Uffiċċju tal-Anzjani – 4 (xogħol ta’ uffiċċju, tindif u
supervision
)
Day Centre
– 3 (xogħol ta’ tindif, tisjir u jservu l-ikel lill-anzjani li jattendu d-
Day Centre
)
Santa Marta Day Centre – 6 (assistenza mal-persuni bi bżonnijiet speċjali kif ukoll tindif taċ-Ċentru)
ESN, Sannat – 3 (assistenza mat-tfal bi bżonnijiet speċjali)
Sptar Ġenerali – 4 (tindif b’mod ġenerali tal-isptar).
informazzjoni dwar konsum tal-ilma fl-oqsma differenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum tal-ilma fl-oqsma tal-industrija, tal-kummerċ, tat-turiżmu, tal-agrikoltura u fil-qasam domestiku f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 sal-lum?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 31756.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm night shelters għall-anzjani f’Għawdex separatament? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-Gvern sa issa m'għandux night shelters. Servizzi għall-anzjani f'Għawdex huma:
Telecare Service
Handyman Service
Incontinence Service
Home Help
Meals on Wheels
Special Identity Card
Blue Sticker
Telephone Rebate
Day Centre
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il dar għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull dar kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull dar għat-tmexxija tagħha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il dar għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull dar kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull dar għat-tmexxija tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li f'Għawdex hawn żewġ residenzi għall-anzjani tal-istat, jiġifieri Residenza Sant' Anna u l-Male Geriatric Ward. Dawn jagħmlu parti mill-Isptar Ġenerali ta' Għawdex.
Ir-Residenza Sant' Anna takkomoda 81 anzjana u l-Male Geriatric Ward takkomoda 40 anzjan. L-ispiża tal-Isptar hija globali u mhijiex apporzjonata fuq wards.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bħalissa hemm faċilita’ waħda ta’ rijabilitazzjoni f’Malta. Din il-faċilita’ hija l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karin Grech li tinsab il-Pieta’. Joffri servizzi ta’ rijabilitazzjoni fuq bażi inpatient, outpatient kif ukoll servizz ta’ Day Hospital għall-anzjani. Dan l-isptar jinkludi ukoll ‘Orthotic and Prosthetic Unit’ (OPU).
L-Isptar Karin Grech jakkomoda 240 pazjent.
L-ispiża fl-2011 tal-Isptar Karin Grech kienet ta’ € 12.9 miljuni. L-ispiza fl-2011 tal-Orthotic and Prosthetic Unit kienet ta’ € 500,000.
Għawdex — faċilitajiet ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il faċilità ta’ rijabilitazzjoni għall-anzjani hemm f’Għawdex? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Tista’ tgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Tista’ tgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 33576.
faċilitajiet għal servizzi ta’ respite għall-anzjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il faċilità għal servizzi ta’ respite għall-anzjani hemm f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull faċilità kemm takkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull faċilità għat-tmexxija tagħha?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ġewwa San Vinċenz de Paule hemm disa’ (9) sodod li jservu sabiex jingħata s-servizz ta’ respite għall-persuni anzjani.
Ir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paule takkomoda elf, mijja u tmienja u tletin (1138) persuna. Is-sodod
respite
imsemmija hawn fuq qiegħedin f’dawn is-swali:
Sala Ruzar Briffa 2 = 7
respite
beds
Sala Ġwanni Pawlu 1 = 1
respite
bed
Sala Ġwanni Pawlu 2 = 1
respite
bed
.
L-ispiza għas-sena 2011 kienet ta’ tlett mijja u sitta u tmenin elf lu disa’ mitt Ewro (Euro 386,900) (li tinkludi l-pagi u l-ikel).
Rigward faċilitajiet ta’
respite
ġewwa Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30433, tista’ l-Ministru tgħid jekk issa s-sejħa għall-offerti ġietx ipproċessata? Tista’ tgħid din is-sejħa meta kienet ħarġet? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sett ta’ rakkmandazzjonijiet approvati?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Jiena nfurmata li s-sejħa msemmija kienet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 t'Ottubru 2011, il-kuntratt ġie mogħti u bħalissa għaddejja l-implimentazzjoni tiegħu. Meta r-rakkmandazzjonijiet ikunu lesti, kopja tagħhom titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward il-policy guidance maħruġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar bl-isem Areas for Open Storage in Gozo, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-viżjoni tal-gvern dwar Għawdex f'dan ir-rigward u kif ġie identifikat il-post preżenti li huma net agrikolu li jinħadem u huwa fonti ta' għejxien għal diversi familji mill-prodotti li jkabbru fih?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument bl-oġġettivi tal-Open Storage Policy għal Għawdex Ii qed jidher fuq il-website tal-MEPA (http://www.mepa.org.mt/public-consultation) u li bħalissa qiegħed fil-proċess ta' konsultazzjoni pubblika.
Il-prinċipju li l-art in kwistjoni tiġi żviluppata, ġie stabilit fil-Pjan Lokali fl-2006. Barra minn hekk, il-MEPA ikkunsidrat ukoll il-vantaġġi ta' dan is-sit mil-lat ta' lokazzjoni, aċċess, topografija u d-distanza miċ-ċentri residenzjali. Wieħed jifhem li biex jinstab sit imdaqqas li jista' jakkomoda faċilita' ta' din in-natura mingħajr impatti negattivi, huwa diffiċli ħafna f'Għawdex. Is-sit li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa identifikat fil-Pjan Lokali għall-iżvilupp ta' ġibjun tal-ilma għat-tisqija agrikola, liema ilma kellu jiġi mill-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ. Pero` il-MEPA ġiet informata li saru arranġementi oħra għad-distribuzzjoni tal-ilma ta' kwalita inferjuri għall-bdiewa u għalhekk dan il-ġibjun m'hemmx aktar bżonn li jiġi żviluppat. Kien għalhekk li l-MEPA stħarrġet il-possibilita' li l-Open Storage Area issir minflok l-iżvilupp tal-ġibjun hekk kif jinsab fil-pjanta tal-Pjan Lokali għal Għawdex u Kemmuna - Map 14.2E.
Nieħu l-opportunita li nistieden l-Onorevoli Interpellant biex jgħati l-veduti tiegħu fl-eżerċizzju ta' konsultazzjoni pubblika u jissugerixxi alternattivi għal dan is-sit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tfal Għawdxin li hemm bżonn li dwarhom tinħareġ care order? X'inhi r-raġuni li dawn il-care orders mhumiex jinħarġu
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija Appoġġ qed tinvestiga numru ta’ każijiet ġewwa Għawdex u għad m’hemmx konklużjoni dwar jekk għandhiex tinħareġ Ordni ta’ Ħarsien fuq uħud minnhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid jekk l-istat hux lest li jilleġisla soċjalment favur dawk l-individwi li r-residenza tagħhom kienet b'titolu li ċens temporanju u li bis-saħħa tal-liġi huma kellhom id-dritt jikkonvertu dan iċ-ċens għal wieħed perpetwu u li in vista ta' diversi sentenzi tal-Qrati tagħna tali konverzjoni taċ-ċens għal wieħed perpetwu ġiet dikjarata anti-kostituzzjonali?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Malta Enterprise — porġetti ta' espansjoni f'Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il intrapriża f’Għawdex il-Malta Enterprise għenet fi proġetti ta’ espansjoni fl-2011? Kemm mistenni li jiġġeneraw impjiegi fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom? Kemm huwa l-investiment totali tagħhom? Kemm minn dan l-investiment huwa barrani? X’għajnuna tathom il-Malta Enterprise? F’liema setturi joperaw dawn l-intrapriżi? Kemm-il ċertifikat ta’ krediti ta’ taxxa ngħataw lin-negozji Għawdxin li jimpjegaw inqas minn 10 ħaddiema? Kemm investew dawn il-kumpaniji u kemm-il impjieg ġdid se joħolqu fl-ewwel tliet snin tal-operat tagħhom?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi espansjonijiet li saru f’Għawdex matul is-sena 2011, saru permezz tal-iskemi, Investment Tax Credits, Microinvest u ERDF u kienu kollha minn kumpaniji lokali.
Inħargu 175 ċertifikat taħt l-iskema Microinvest, miftuħa għal negozji li jimpjegaw inqas minn 10 persuni. L-investiment totali kien ta’ €1,749,857.22, u kien hemm 10 persuni mpjegati ġodda. L-iskema Microinvest hija miftuħa għas-setturi kollha u għalhekk il-benefiċjarji joperaw f’setturi varji.
Kumpanija waħda lokali mis-settur tal-manifattura ibbenefikat mill-iskema Investment Tax Credits għal valur ta’ €43,637, filwaqt li 16 -il kumpanija ibbenefikaw mill-iskemi ERDF u bejniethom investew €909,599.20. Dawn l-iskemi mhumiex marbutin ma impjieg u kienu ukoll miftuħa għal-setturi varji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il night shelter hemm għall-anzjani f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-lokalità? Jista’ jgħid kull shelter kemm jakkomoda anzjani? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fl-2011 fuq kull shelter għat-tmexxija tiegħu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-preżent hawn żewġ Night Shelters f’Malta li jinsabu fiż-Żejtun u fil-Mellieħa. Kemm dak taż-Żejtun kif ukoll dak tal-Mellieħa, jakkomodaw 8 persuni .
L-ispiża ta’ dawn in-
Night Shelters
fit-2011 kienet hekk:
Żejtun Euro 5,000
Mellieħa Euro 8,450
Rigward
Night Shelters
ġewwa Għawdex nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi proġetti/skemi taħt il-Programmi Operattivi I u II tal-Politika ta’ Koeżjoni Ewropea 2007-2013 – Fondi Strutturali u Fond ta’ Koeżjoni – li huma proposti u li qed jistennew l-approvazzjoni tal-gvern li minnhom se jibbenefika Għawdex? Liema huma dawn il-proġetti/skemi? Kemm se jibbenefika f’kull każ? Meta mistennija li jiġu approvati mill-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif infurmajt fil-mistoqsija parlamentari 30769, sabiex il-proġetti jkunu jistgħu jiġu meqjusa kofinanzjati mill-Fondi Strutturali, jridu jkunu approvati mill-Awtorità ta’ Ġestjoni.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32212 u jgħid kemm cruise liners żaru Għawdex kull xahar matul l-2011? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm kien hemm passiġġieri fuqhom? Kemm minnhom niżlu l-art? Kemm cruise liners mistenni jżuru Għawdex xahar xahar matul l-2012? X’inhuma l-ismijiet tagħhom? Kemm jista’ jġorr passiġġieri kull wieħed minnhom?
Response (DEMARCO, MARIO)
Infurmat illi l-Cruise Liners iżuru l-gżira t’Għawdex kemm il-darba jippermetti t-temp.
Matul is-sena 2011 kien hemm żjara waħda li tħassret. Din kellha ssir mill-vapur Seadream
li kellu mitt (100) ruħ fuqu u li kien mistenni jorbot mal-baga tax-Xlendi fit-22 ta’ Mejju. Madankollu baħar qawwi u temp ħażin madwar Għawdex ma ħallewx l-vapur milli jorbot jew jitfa’ l-ankri u għalhekk kellu jdawwar ir-rotta tiegħu lejn il-Belt, Valletta.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
faċilitajiet temporanji ta’ irmiġġ għall-jottijiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħolqitx xi infrastruttura ġdida f’dawn l-aħħar sentejn ta’ faċilitajiet temporanji ta’ irmiġġ għall-jottijiet u bħala sapport għas-suq tal-cruise liners? Jekk fl-affermattiv, fejn inħolqu u meta? Jekk fin-negattiv, hemm xi pjan biex tinħoloq din l-infrastruttura? Jekk hemm, tista’ tpoġġi kopja ta’ dan il-pjan fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li f’Awwissu tas-sena l-oħra r-Royal Malta Yacht Club poġġa żewġ pontoons qrib il-Club tiegħu ġo Ta' Xbiex, u dawn jieħdu madwar sittin yacht bejn ix-xahar ta' Mejju u Ottubru.
Din is-sena ġod-daħla ta' Marsamxett bdiet topera faċilità magħrufa bħala Sandy Marina. Dawn għandhom irmiġġi organizzati biex jorbtu l-jottijiet.
Mistenni wkoll li f'April tibda topera marina ġdida fid-daħla tal-Kalkara magħrufa bħala Kalkara Marina.
Barra minn dawn, saret estensjoni tal-marina tal-Imġarr ġewwa Għawdex biex din issa tieħu 250 jott.
Fir-rigward tal-
cruise liners
, ġie mmodifikat ix-xatt ta' Lascaris biex ikunu jistgħu jiġu akkomodati
cruise liners
akbar mal-Moll ta' Pinto.