Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gozo Channel — Poloz ta' Insurance

Question

Jista' l-Minstru jgħid kemm ħalsu flus f’poloz ta’ insurance il- Gozo Channel fis-snin finanzjarji tagħha 2005/2006, 2006/2007 u 2007/2008? Jista’ jgħid kemm poloz ta’ assigurazzjoni kien hemm u kemm hemm illum? Kemm hu l-pagament fuq kull waħda mill-poloz?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Malta Enterprise — Skemi ta' għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-iskemi ta’ għajnuna tal-Malta Enterprise għal Malta u għal Għawdex separatament kull sena mill-1999 sal-lum? Kemm kienu u x’kienu l-benfiċjarji ta’ dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament? Kemm intefqu flus kull sena fl-istess perijodu fuq dawn l-iskemi f’Malta u Għawdex separatament?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi:- · Id-dokument anness imsejjaħ Amount of Assistance 2005 – 2007 Large and SMEs jiġbor fiħ l-informazzjoni segwenti: 1. L-ismijiet ta’ l-iskemi ta’ għajnuna tal-Malta Enterprise mill-2005 sa l-2007; 2. L-ammont ta’ assistenza mogħtija taħt kull skema f’kull sena mill-2005 sa l-2007; 3. It-total ta’ tliet snin (mill-2005 sa l-2007) ta’ l-ammonti ta’ assistenza taħt kull skema; 4. It-total ta’ l-ammonti t’ assistenza taħt l-iskemi kollha ta’ tliet snin (mill-2005 sa l-2007); 5. In-numru ta’ benefiċjarji (kbar, ta’ daqs medju u zgħar) taħt kull skema f’kull sena mill-2005 sa l-2007; 6. It-total ta’ benefiċjarji taħt l-iskemi kollha. Dan id-dokument jiġbor fih ukoll informazzjoni dwar ammonti t’ assistenza li ngħatat taħt l-iskema Industry in Gozo . Din l-iskema tipprovdi assistenza lill-kumpaniji fl-industrija li joperaw f’Għawdex għal spejjeż ta’ transport bejn Malta u Għawdex taħt l-Artikolu 23 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta). Hemm l-ammonti t’ assistenza f’kull sena bejn l-2005 u l-2007 kif ukoll it-total għal dawn it-tliet snin. Hemm ukoll it-total ta’ benefiċjarji li jinkludi impriżi kbar, ta’ daqs medju u zgħar. Barra mill-iskema Industry in Gozo , l-kumpaniji fl-industrija li joperaw minn Għawdex gawdew ukoll minn inċentivi oħra tal-Malta Enterprise bħal Investment Aid Scheme , Trade Fair Promotion , Training Grants (amministrati mill-ETC) u oħrajn. · Id-dokument anness imsejjaħ Assistenza Fiskali Impriżi Kbar u Zghar jiġbor fih din l-informazzjoni: 1. L-iskemi ta’ għajnuna fiskali tal-Malta Enterprise; 2. L-ammont t’ assistenza li ngħatat taħt kull skema fis-snin 2005 u 2006 lill-impriżi kbar, ta’ daqs medju u zgħar; 3. In-numru ta’ benefiċjarji taħt kull skema għal dawn is-sentejn. · Malta Enterprise ilha mwaqqfa mill-2004 u l-informazzjoni li l-Korporazzjoni għandha disponibbli hija miġbura fid-dokumenti annessi. L-informazzjoni dwar l-għajnuna fiskali li ngħatat matul is-sena bażi 2007 mhix disponibbli minħabba li tali informazzjoni tittieħed mill-formola tat-taxxa tad-dħul. L-intrapriżi huma obbligati li jissottomettu din il-formola tat-taxxa tad-dħul għal sena partikolari sa Ottubru tas-sena ta’ wara. Ir-Regolament 20 tar-Regolamenti tal-Promozzjoni tan-Negozju (Legislazzjoni Sussidjarja 325.06) jippermetti tliet xhur oħra sabiex din il-kopja tal-formola tat-taxxa tad-dħul tingħata lill-Korporazzjoni. · L-ismijiet ta’ l-applikanti ma jistawx jingħataw – din l-informazzjoni hija ta’ natura kunfidenzjali u koperta bis-segretezza taħt l-Artikolu 33 ta’ l-Att dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji (Kap. 325 tal-Liġijiet ta’ Malta) kif ukoll taħt l-Artikolu 21 tal-Att dwar l-Intrapriża ta’ Malta (Kap. 463 tal-Liġijiet ta’ Malta). ·

Valur Gross Miżjud — Prezzijiet Bażiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien il-Valur Miżjud Gross fi prezzijiet bażiċi għal Malta u għal Għawdex separatament fl-1999, fl-2006 u fl-2007? Kemm kien jammonta l-kontribut tad-diversi setturi ta’ l-ekonomija individwalment għal dan il-valur?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar data fuq il-Valur Miżjud Gross ippublikata mill-NSO hija dik numru 205/2007 Prodott Gross Domestiku Reġjonali: 2000-2006 (ippublikata fit-28 ta’ Diċembru 2007). Din tkopri data sas-sena 2006. Għaldaqstant l-informazzjoni mitluba qiegħda titpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra:

Industrija tat-Turiżmu — Dħul medju għal kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2397 u jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tat-turiżmu f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2000 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Industrija tal-Manifattura — Dħul medju fuq kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2396 u jgħid kemm kien id-dħul medju għal kull ħaddiem ras għar-ras fis-settur ta’ l-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament kull sena mill-2005 ‘l hawn fi prezzijiet tas-suq u fi prezzijiet kostanti tas-sena 2000? Kemm kienu l-ħaddiema f’dan is-settur f’Malta u f’Għawdex separatament matul l-istess snin? Jista’ jekk jogħġbu, fejn hu possibbli, jagħtini wkoll l-istess tagħrif għas-sotto-setturi ta’ dan is-settur?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Għawdex — Kumpanniji Megħjuna mill-MDC/Malta Enterprise

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2394 u jgħid kemm-il kumpanija kienet megħjuna mill-MDC/Malta Enterprise sena b’sena mill-1999 sal-lum biex twaqqaf impriża f’Għawdex? Min huma dawn il-kumpaniji u x’tip ta’ prodott/i jagħmlu? X’investiment sar minn dawn il-kumpaniji f’Għawdex kull sena fl-istess perjodu? Kemm investiment minn dan huwa barrani? X’għajnuna tagħthom l-MDC/Malta Enterprise u kemm hu l-ammont ta’ din l-għajnuna skond is-sena li ngħatat? Kemm kienu jħaddmu nies meta bdew joperaw meta sar il-ftehim mal-MDC/Malta Enterprise u kemm qed iħaddmu llum?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Għawdex — Xewkija - Qasam Industrijali

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2393 u jagħti l-isem tal-kumpanniji li jinsabu joperaw fil-Qasam Industrijali tax-Xewkija, Għawdex? X’tip ta’prodotti jipproduċu? Meta bdew joperaw f’dan il-qasam? Kemm kienu jħaddmu impjegati (i) qabel bdew joperaw f’dan il-qasam fejn hu l-każ, (ii) meta bdew joperaw f’dan il-qasam, u (iii) kemm qed iħaddmu nies illum?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Laqgħat bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea — Servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2388 u jgħid jekk kienx hemm xi korrispondenza u/jew laqgħat formali jew informali bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea minn Ġunju 2007 ‘l hawn dwar l-Opinjoni Motivata li l-Kummissjoni Ewropea bagħtet lil Malta dwar is-servizz tal-baħar bejn Malta u Għawdex (KE Ref Nru IP/06/1777) fejn il-Kummissjoni allegat li l-Gvern kiser ir-regolamenti Komunitarji dwar il-kabotaġġ marittimu? Jekk kien hemm meta? X’kien l-eżitu tagħhom? X’inhi l-pożizzjoni llum? X’inhija l-pożizzjoni tal-Gvern dwar dan il-każ? Il-ħaddiema tal-kumpanija Gozo Channel li jistgħu jitilfu l-impjieg tagħhom ma’ din il-kumpanija qed jinżammu informati bl-iżviluppi li qed ikun hemm u dwar x’inhuma l-prospetti għalihom dwar l-impjieg tagħhom?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Gozo Channel — Ħaddiema

Question

Jista' l-Minsitru jgħid kemm kien hemm ħaddiema mal-Gozo Channel skond il-grad tagħhom, fl-aħħar ta' Diċembru 2006, fl-aħħar ta' Diċembru 2007 u fl-aħħar ta' Marzu 2008?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #3082 Sitting 45 2008-10-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Instituzzjonijiet edukattivi

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 2079, tista' l-Ministru tgħid fejn tinstab l-art li ġiet identifikata biex tingħata lil istituzzjonijiet edukattivi ta' reputazzjoni internazzjonali biex jiżviluppaw campus tagħhom f'Għawdex? Tista' tpoġġi site plan ta' l-art identifikata? Ma' liema istituzzjonijiet se jsiru d-diskussjonijiet dwar dan il-proġett u meta se jsiru?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra is-site plan mitluba u fiha hemm immarkat bil-kulur blu l-area identifikata għall-'Educational Purposes'. Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant jifhem li peress li dawn it-taħdidiet għadhom ma ġewx finalizzati mhiex etika li tingħata din l-informazzjoni.

Mużew ta' l-arti moderna

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 2080 dwar mużew ta' arti moderna f'Għawdex, tista' l-Ministru tgħid x'sar s'issa u x'qed isir biex jiġi identifikat post adekwat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta għamlet talba uffiċjali lill-Ministeru ta’ Għawdex sabiex meta jiżvojta l-bini li bħalissa jilqa’ fih il-Qorti ta’ Għawdex fiċ-Ċittadella dan jibda’ jintuża bħala mużew ta’ l-arti. Sadanittant qed jiġu organizzati b’mod regolari wirjiet ta’ arti fl-uffiċċju li Heritage Malta għandha Għawdex, kif ukoll fis-sala tal-wirjiet fil-Ministeru ta’ Għawdex. Barra minn hekk, Heritage Malta qed torganizza wkoll wirjiet tal-arti meta jkun hemm attivitajiet kbar tal-massa f’Għawdex. Heritage Malta ħadet ħsieb ukoll li tindirizza lil waħda mill-istudenti li kienu qed jagħmlu l-kors ta’ Masters in Cultural Heritage Management fl-Istitut tagħha f’Bighi sabiex tagħmel it-teżi tagħha fuq il-mużew tal-arti f’Għawdex. Dan l-istudju sar u jista’ jintuża.

Miżbla tal-Qortin — Xogħlijiet

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija parlamentari 2081 dwar il-miżbla tal-Qortin, jista' l-Ministru jgħid meta mistennija li jitlestew ix-xogħlijiet i) ta' ċaqlieq ta' terrapien, ii) ta' tħaffir ta' bjar, iii) ta' tqegħid ta' pajpijiet biex jinġibed il-gass. Kemm iridu jitqiegħdu pajpijiet u kemm tqiegħdu pajpijiet sa l-aħħar ta' Settembru 2008? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tal-kuntratti kif ukoll tal-Project Description Statement dwar dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #3085 Sitting 45 2008-10-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — sit identifikat għal xogħol ta' back office

Question

B'rerferenza għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari 2082, tista' l-Minsitru tgħid fejn jinstab s-sit li ġie identifikat għal xogħol ta' back office f'Għawdex? Taħt liema titolu u minn għand min ġie akkwistat? Kemm hu l-ħlas fis-sena? Tista' tpoġġi site plan tas-sit identifikat? Meta ġiet sottomessa l-applikazzjoni lill-MEPA għal dan l-iżvilupp?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li s-sit identifikat għal bini ta’ ufficini ghal xogħol ta’ back office f’Għawdex jinstab fiċ-Ċentru Amministrattiv fir-Rabat kif jidher fil-pjanta li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Dan is-sit huwa proprjeta’ tal-Gvern. Jiena infurmata wkoll li ġiet sottomessa applikazzjoni għal dan l-iżvilupp lil MEPA fis-26 t’April 2007.
Leg 11 PQ #3086 Sitting 45 2008-10-21 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

L-Isptar ġenerali ta' Għawdex — Taqsima tar-radjoloġija - proġett

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 2083 dwar it-taqsima tar-radjoloġija u s-sala ta' l-operazzjonijiet fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex, tista' l-Ministru tgħid x'inhuma t-timeframes għat-tlestija ta' dawn il-proġetti?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-proġetti dwar it-taqsima tar-Radjoliġija u s-sala ta' l-Operazzjonijiet fl-isptar Ġenerali ta' Għawdex huwa ippjanat li jkunu lesti għall l-aħħar ta' Marzu 2010.

Valur Miżjud Gross — Medja għal kull ħaddiem

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamnetari 2398 u jgħid kemm kienet il-medja fis-sena għal kull ħaddiem tal-Valur Miżjud Gross kull sena mill-2001 sal-2007 fl-industrija tal-manifattura f’Malta u f’Għawdex separatament? Jista jagħtini dan it-tagħrif fi prezzijiet tas-suq kif ukoll fi prezzijiet kostanti ta-2000?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2790 Sitting 44 2008-10-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Proġetti — Pagamenti ta' fondi Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm saru pagamenti ta’ fondi Ewropej fuq proġetti, skemi, eċċ. f’Għawdex taħt il-perijodu ta’ programmazzjoni 2004-2006? Tista’ tagħti l-informazzjoni mitluba proġett proġett u skema skema, eċċ.? Tista’ tagħti it-tagħrif mitlub għal kull sena mill-2004 sal-2007 u mill-1 ta’ Jannar 2008 sa l-aħħar ta’ Awwissu 2008? Tista’ tgħid x’hemm kontijiet pendenti biex jitħallsu li huma ġa approvati mill-awtoritajiet kollha konċernati sew nazzjonali kif ukoll Ewropej? Tista’ tgħid dawn il-kontijiet pendenti għal liema proġetti, skemi, eċċ. huma? Għaliex għadhom ma tħallsux u meta huma mistennija li jitħalllsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

L-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 2790 hija skond it-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra. Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li kull pagament jinkludi 75% minn fondi Ewropej kif ukoll 25% u t-taxxa fuq il-valur miżjud minn fondi Nazzjonali. Jiena infurmata wkoll li ma hemmx pagamenti pendenti li huma ġa approvati għall-ħlas.

Statistika miġbura fuq bażi reġjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi statistika qed tinġabar preżentament fuq bażi reġjonali? Hemm xi pjan li tibda tinġabar aktar statistika fuq bażi reġjonali? Jekk fl-affermativ, xi statistika se tibda tinġabar u meta? Hemm xi pjan li jinfetaħ uffiċju ta' l-istatistika f'Għawdex? Jekk fl-affermativ, meta?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-requirements tal-Eurostat għal dak li għandu x’jaqsam ma’ NUTS III huma l-Valur Miżjud Gross (Gross Value Added), il-Prodott Domestiku Gross (GDP), u n-numru ta’ impjiegi.

Malta Enterprise — Inċentivi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma u liema huma l-inċentivi li qed toffri preżentament il-Malta Enterprise speċifikament lil kumpanniji Għawdxin? X’inhuma l-kriterji ta’ eliġibilità għal kull inċentiv? Meta daħlu fis-sħiħ dawn l-inċentivi? Kemm kumpanniji bbenefikaw minnhom kull sena sal-lum? X’kien ir-riżultat ta’ dawn l-inċentivi kull sena sal-lum? Kemm kien l-ammont mitlub għal kull sena mill-kumpanniji, kemm minnhom ġew approvati kull sena u kemm minnhom tħallsu kull sena?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Malta Enterprise għandha żewġ inċentivi li huma speċifikament għal kumpaniji Għawdxin. Dawn huma: 1 . Gozo regeneration scheme 2. Industry in Gozo Minbarra dawn, il-kumpaniji Għawdxin jistgħu jibbenifikaw mill-inċentivi kollha li toffri Malta Enterprise. Il-Gozo regeneration scheme daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2007, hija miftuħa għal kumpaniji Għawdxin kollha. L-għajnuna hija fuq impjiegi ġodda u s’issa ibbenifikaw minnha 71 kumpanija. Bl-għajnuna li ngħatat minn dan l-inċentiv inħolqu 193 impjieg ġdid f’Għawdex. Il-valur ta’ assistenza mqassam s’issa hu ta’ €56,962. In-nefqa għas-sena 2007 dwar l-inċentiv Industry in Gozo taħt Att Dwar il-Promozzjoni ta’ Negozji - Artikolu 23 , amministrata minn Malta Enterprise fuq kumpaniji fl-industrija li joperaw f’Għawdex tammonta għal €615,315.31 (Lm264,154.86). Din in-nefqa bbenifikaw minnha 14 –il kumpanija fl-industija tal-manifattura li joperaw f’Għawdex. Din l-għajnuna, li tingħata f’forma ta’ cash grants , tkopri spejjeż ta’ trasport bejn Malta u Għawdex. L-inċentiva tinħadem abażi ta’ l- audited accounts, konfirma ta’ l-ispejjeż mill-audituri, u dokumentazzjoni relevanti oħra , li jissottomettu l-kumpaniji ma’ l-applikazzjoni lil Malta Enterprise. B’hekk il-figuri għas-sena 2008 ikunu disponibbli wara li din l-informazzjoni tingħata lil Malta Enterprise.

Malta Enterprise — Gozo Directorate

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Gozo Directorate fi ħdan il-Malta Enterprise? Jekk fin-negattiv, għaliex ma twaqqafx? Jekk twaqqaf x’inhuma l-kompetenzi u l-funzjonijiet tiegħu? Minn huma l-persuni maħtura biex imexxu u jamministraw dan id-Direttorat? Jista’ jgħid jekk hemmx budget speċifikatament għal Għawdex u jekk hemm minn min hu amministrat? Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-Dokument “An Entrepreneurial Vision for Gozo” ppubblikat mill-Malta Enterprise f’Jannar 2007?

Response (FENECH, TONIO)

Risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #2794 Sitting 44 2008-10-20 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta Tourism Authority — Gozo Directorate

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Gozo Directorate fi ħdan il-Malta Tourism Authority? Jekk fin-negattiv, għaliex ma twaqqafx? Jekk twaqqaf x’inhuma l-kompetenzi u l-funzjonijiet tiegħu? Minn huma l-persuni maħtura fuq dan id-Direttorat? Jista’ jgħid jekk hemmx budget speċifikatament għal Għawdex u jekk hemm minn min hu amministrat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li jeżisti Gozo Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Marketing fil-Malta Tourism Authority. L-iskop ta’ dan il-Unit huwa li jwettaq il-policy ta’ l-Awtorità li jipproġetta u jippromwovi l-Gżira ta’ Għawdex bħala parti ntegrali mill-offerta turistika tal-Gżejjer Maltin, filwaqt li jagħraf l-aspetti uniċi li jiddistingwu din il-Gżira mill-bqija ta’ l-offerta Maltija. Il-Unit igawdi minn allokazzjoni diretta ta’ fondi mmirati għall-promozzjoni turistika għal Għawdex, awmentata indirettament minn fondi promozzjonali oħra allokati għal skop ta’ marketing.