Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għawdex — enerġija mill-photovoltaic panels

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35289 u jgħid x'ammont ta' enerġija qed tiġi prodotta minn photovoltaic panels istallati f'Għawdex? X'ammont fi flus ingħataw lis-sidien bħala għajnuna f'xi skema? Kemm minn din l-enerġija qed tiġi trasferita mill-Korporazzjoni Enemalta u kemm tħallas kumpens lis-sidien fl-2011?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #35743 Sitting 494 2012-06-26 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

delegazzjonijiet ministerjali — spejjeż fuq żjarat

Question

Tista' l-Ministru tagħti breakdown tal-ispiża kollha ta’ kull żjara li saret barra minn Malta ta’ delegazzjonijiet ministerjali tagħha mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-aħħar ta’ Mejju 2012? Tista' l-Ministru dwar kull żjara tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-GA27 u GA27A li hemm referenza għalihom fil-Post Travel Submission Forms?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-breakdown tas-safar mill-1 ta' Jannar 2011 sal-aħħar ta' April 2012 ingħatat fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 35204. Ninsab infurmata wkoll li ma sar ebda safar minn delegazzjonijiet ministerjali fix-xahar ta' Mejju 2012. Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-GA 27A taż-żjarat rispettivi.

Imġarr Għawdex — Yacht Marinas - estensjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 33315, jista’ l-Ministru jgħid fiex tikkonsisti l-estensjoni li saret fil-yacht marina tal-Imġarr Għawdex? Minn min saret? Kemm inħolqu rmiġġi ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-estensjoni li saret s’issa hi minħabba li l-pontoons ittawwlu. Din l-estensjoni saret minn Harbour Management Limited, l-operatur tal-marina, u żdiedu b’madwar 30 berth..
Leg 11 PQ #35669 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konverżjoni ta' ċens

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33515 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-istat hux lest li jilleġisla soċjalment favur dawk l-individwi li r-residenza tagħhom kienet b'titolu li ċens temporanju u li bis-saħħa tal-liġi huma kellhom id-dritt jikkonvertu dan iċ-ċens għal wieħed perpetwu u li in vista ta' diversi sentenzi tal-Qrati tagħna tali konverzjoni taċ-ċens għal wieħed perpetwu ġiet dikjarata anti-kostituzzjonali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta jagħlaq ċens temporanju ta’ proprjetà, li tkun qed tintuża bħala residenza, fuq talba taċ-ċenswalist jew l-abitant, dan iċ-ċens jista’ jiġi konvertit f’wieħed perpetwu. Il-Konverzjoni taċ-ċens f’wieħed perpetwu jsir skont it-termini tal-Ordinanza li tneħħi l-Kontroll tad-Djar (Kapitolu 158) tal-Liġijiet ta’ Malta. Kien hemm sentenza mill-Qorti Kostituzjonali fejn il-Qorti sabet li din il-Liġi tmur kontra id-drittijiet tas-sid tal-proprjetà, u sakemm din il-Liġi ma tiġiex abrogata d-Dipartiment ser jibqa’ jikkonverti iċ-ċnus temporanji ta’ proprjetà li tintuża bħala residenza għal perpetwi skont din il-Liġi. Nixtieq inżid li mhuwiex ir-rwol tad-Dipartiment Proprjetà tal-Gvern li jabbroga l-Liġijiet.
Leg 11 PQ #35670 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

kors tal-vet — għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li persuni li jieħdu l-kors tal-vet m'għadhomx jingħataw scholarship u għajnuna mill-gvern peress li dan il-kors isir barra u jiswa ħafna flus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li minn kemm ilu d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja responsabbli mill-ischolarships, qatt ma ġiet irrifjutata applikazzjoni għax l-applikant xtaq jistudja għal vet. Ninsab infurmata wkoll, illi taħt l-iskema tal-Malta Government Scholarships Scheme, ingħataw boroż ta’ studju fejn l-applikanti qed jistudjaw għal vet barra minn Malta. Taħt l-iskemi Malta Government Scholarships Scheme (MGSS) u Strategic Educational Pathways Scholarships (STEPS), qatt ma saret xi restrizzjoni fuq l-ispeċjalità tal-istudji li l-applikant xtaq jagħmel. Ninsab infurmata wkoll li l-Gvern, permezz ta’ Ministeru ieħor, joffri scholarships speċifikament għal min jixtieq jistudja għal vet .
Leg 11 PQ #35678 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol

National Employment Authority

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-allowance li jingħataw il-membri li jikkomponu n-National Employment Authority meta dawn jitilgħu jagħmlu seduta f'Għawdex? Huwa minn li l-allowance hija waħda miżera u żgur ma tikkomplementax ix-xogħol siewi u li jsir fl-interess tal-regjonalità ta' din il-ġżira minn membri li jiffurmaw parti minn din l-awtorità? Ma jidhirlix li jekk l-istess awtorità tiddeċiedi li ma tagħmlix seduti f'Għawdex dan se joħloq inkonvenjent u tbatija kbira lil Għawdxin li l-każ tagħhom ikun irid jinstema Malta? Ma jidhirlix li l-ilment tal-istess membri tal-awtorità għandhom jiltaqgħu u l-istess awtorità tingħata post adegwat u diċenti f'Għawdex fejn tkun tista' taħdem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li meta l-membri tal-Bord tan-National Employment Authority jattendu għal laqgħa f’Għawdex jiġi pprovduti bit-trasport u jitħallas it-traġitt tal-vapur. Il-membri jingħataw ukoll allowance kif stabilita skont il-Public Service Management Code għal ħaddiema tal-gvern. Bħalissa l-Bord qed jiltaqa’ fiċ-Ċentru tal-NGOs fix-Xewkija Għawdex u qed jiġi esplorat post alternattiv għal-laqgħat mal-Ministeru t’Għawdex.
Leg 11 PQ #35736 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Regional Youth Council

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gozo Regional Youth Council twaqqafx? X’inizjattivi ħa l-Ministeru tagħha għat-twaqqif ta’ dan il-kunsill? Jekk għadu ma twaqqafx, meta mistenni li jitwaqqaf?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Jiena nfurmata li għaddej il-proċess għat-twaqqif tal-Kunsill Reġjonali taż-Zgħażagħ f'Għawdex. Saret sejħa għall-għaqdiet taż-żgħażagħ li huma nteressati jkunu nvoluti f'dan il-proċess. Fil-preżent qed jiġi ppreparat l-istatut għal dan il-Kunsill.
Leg 11 PQ #35737 Sitting 493 2012-06-25 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

skema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta

Question

Jista' l-Ministru tgħid liema huma l-istudenti eliġibbli taħt l-iskema ta’ sussidju għal studenti Għawdxin f’Malta? Kemm studenti tħallsu taħt din l-iskema matul din is-sena u meta tħallsu?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-istudenti eliġibbli huma dawk li huma residenti f'Għawdex u qegħdin isegwu kors full- time f'Malta, jiġifieri jew fl-Università jew f'istituzzjonijiet li huma tal-Gvern jew li huma iffinanzjati mill-Gvern. L-ewwel pagament taħt is-sistema preċedenti għal din is-sena akkademika sar fi Frar 2012 u kien ikopri l-perjodu Ottubru - Diċembru 2011. It-tieni pagament sar f'April 2012 u kien ikopri l-perjodu Jannar - Marzu 2012. Dan il-pagament twettaq taħt is-sistema riveduta li issa qed tagħti €400 lil kull student/studenta. Disa' mija u żewġ (902) studenti bbenifikaw minn din l-iskema matul din is-sena.

Transport Malta — bagi u pontoons għall-cruiseliners

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il notifika rċeviet Transport Malta biex cruiseliners jorbtu mal-bagi jew mal-pontoons f’Għawdex? Meta rċeviethom? Fejn se jorbtu u meta?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li bejn l-aħħar tas-sena l-oħra u l-bidu ta’ din is-sena Transport Malta rċeviet 16-il notifika biex cruise liners jankraw viċin Għawdex, prinċiparjament barra l-port tal-Imġarr. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bid-dettalji.

Esportazzjoni ta' affarijiet ta' merċa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34942 u 35206 u jgħid kemm kien il-valur tal-esportazzjoni minn Għawdex u minn Malta separatament ta' affarijiet ta' merċa (goods) xahar b'xahar fl-2011 u sal-aħħar ta' April 2012 maqsumin skont l-areas ġeografiċi ewlenin u skont il-prodotti esportati?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Malta Industrial Park — applikazzjoni għall-Micro-Enterprise Park fix-Xewkija

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 35205, jista’ l-Ministru jgħid meta mistenni li l-Malta Industrial Parks tissottometti lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-applikazzjoni għal Micro-enterprise Park fix-Xewkija?. Jista’ jgħid fejn jinsab is-sit propost għal dan il-Park? Jista’ jpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra site plan tal-sit?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi bħalissa l-MEPA qeda tiddiskuti l-proposti tal-Malta Industrial Parks u għalhekk l-iScreening Process relatat mal-SME Park in kwistjoni ġie estiż sal-1 ta’ Settembru 2012. Is-sit huwa magħruf bħala Tal-Barmil u jinsab fi Triq il-Madonna tar-Rummiena, fix-Xewkija. Kopja tal-pjanta tas-sit qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Investiment Barrani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-investiment barrani f’Malta u f’Għawdex separatament fl-aħħar tal-2010 u tal-2011? Jista’ jagħti dan it-tagħrif skont il-pajjiż minn fejn ġie l-investiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Servizzi tal-Arju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’servizzi tal-ajru qed joperaw fil-preżent bejn Malta u Għawdex fuq servizz skedat? Meta bdew joperaw? Jista’ jgħid fejn qed jatterrraw f’Għawdex? Jista’ jgħid jekk hux mistenni li jkun hemm xi servizz ġdid fix-xhur li ġejjin?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ebda servizz tal-ajru m’hu qed jopera fil-preżent bejn Malta u Għawdex fuq servizz skedat. Peress illi ma nistax nipprevedi il-futur, ma nistax nirrispondi għall-aħħar parti tad-domanda.

Feasibility Study tal-ferry service bejn Għawdex u Sqallija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa mill-Gvern fuq ir-rapport Cavalgo dwar “feasibility study for the development of ferry services between Gozo and Sicily and the formulation of a strategic Plan for Mġarr” li sar fl-2007? Jista’ jgħid jekk il-Gvern jaqbilx mar-rakkmandazzjonijiet li saru fir-rapport? Jekk fl-affermattiv x’għamel s’issa fuqha? Meta mistennija jibdew jitwettqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li r-rapport li sar fl-2007 ikkunsidra servizz ta’ ferry bejn Għawdex u Sqallija u t-tkabbir tal-port tal-Imġarr. Il-possibilta ta konnessjoni. bil-baħar bejn Għawdex u Sqallija hi xi ħaġa li l-gvern jinkoraġixxi iżda ovvjament trid tkun ekonomikament vijabbli għal min jidħol għaliha mis-settur privat. Dwar it-tkabbir tal-Port tal-Imġarr, il-gvern jidhirlu li hu aktar bżonnjuz li ninvestu f’mina.

Ħolqien ta' faċilitajiet għall-irmiġġ tal-cruiseliners f'Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju għall-ħolqien ta’ faċilitajiet permanenti u/jew temporanji ta’ rmiġġ għall-cruiseliners f’Għawdex? Jekk saru, minn min u meta? X’kienu r-rakkmandazzjonijiet tagħhom? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dawn l-istudji fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 21310 u 26885.
Leg 11 PQ #35623 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Programm Operattiv I — Politika ta' Koezjoni Ewropea 2007 - 2013 - fondi strutturali

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 33308, jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-kumplament tal-mistoqsija parlamentari u cioè: kemm hu l-ammont ta’ fondi li bbenefika/se jibbenefika? Liema minn dawn il-proġetti diġà tlestew? Liema huma dawk li diġà nbdew? Meta nbdew u għadhom ma tlestewx? Meta mistennija li jitlestew? Dawk li għadhom ma nbdewx, meta mistennija li jibdew u jitlestew? Jista’ jgħid kemm tħallsu flus s’issa u kemm hemm flus kommessi biex jitħallsu f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proġetti fil-lista kollha nbdew (taħt il-kolonna year of allocation). L-informazzjoni dwar il-perjodu t’implimentazzjoni (taħt il-kolonna final year of payment) kif ukoll l-ammonti kommessi (taħt il-kolonna amounts committed) u mħallsa (taħt il-kolonna amounts paid) ta’ kull proġett tinsab fit-tabella provduta mat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 33308.

Public Service Obligation — kumpanija Gozo Channel

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35269 u 35020 u cioè b’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 34503 dwar in-nefqa kull sena fuq il-Public Service Obligation li l-gvern għandu mal-Gozo Channel Co., jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa kull sena li tkopri l-passiġġieri Għawdxin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sit tal-Barmil Xewkija — spazju industrijali - sejħa għall-offerti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsijiet parlamentari 30729 u 33318 dwar spazju industrijali fuq sit tal-Barmil Xewkija minn Public Private Partnership, jista’ l-Ministru jgħid jekk issa l-imsemmija sejħa għall-offerti ħarġitx? Jekk ħarġet meta u x’inhu n-numru tagħha?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33318.
Leg 11 PQ #35626 Sitting 491 2012-06-19 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru għal Għawdex

Xlendi u Marsalforn — Master plans

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 30730 u 33317, tista’ l-Ministru tgħid x’sar fuq dawn iż-żewġ master plans tax-Xlendi u Marsalforn mill-5 ta’ Diċembru 2011 sal-lum?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li fuq il-Masterplan ta' Marsalforn saru aktar konsultazzjonijiet ma' stakeholders u komplew jitħejjew id-dokumenti għas-sejħiet għall-offerti wara li ġie approvat il-permess tal-MEPA. Sar ukoll kordinament fuq il-proġett tal-protezzjoni għall-bajja ta' Marsalforn. Fuq il-Masterplan tax-Xlendi ninsab infurmata li saru konsultazzjonijiet, saru pjanti u saret applikazzjoni mal-MEPA li tkopri t-tisbiħ tal-Waterfront. Din l-applikazzjoni ġiet approvata.

Bagi u Pontoons tal-cruiseliners

Question

B’referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 35267, jista’ l-Ministru jgħid fejn qegħdin il-bagi u l-pontoons li jorbtu magħhom il-cruiseliners f’Għawdex? Kemm hemm bagi u pontoons f’kull post? Meta tqiegħdu?

Response (DEMARCO, MARIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.