Jista’ l-Ministru jgħid min awtorizza l-erba’ tabelli li tpoġġew sabiex jipprojbixxu d-dħul fi Triq il-Port, Marsalforn, f’ċerta ħinijiet, anke għar-residenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ illi t-tabelli b’restrizzjoni ta’ dħul f’ċerta ħinijiet kienu hemm minn dejjem. Dawn kienu fit-tarf ta’ Triq Ulisse, fit-tarf ta’ triq il-Forn u fi Triq il-Port k/m Triq il-Munġbell (ħdejn Plajja Guesthouse).
Bi qbil mal-Pulizija saru erba’ tabelli oħra ġo l-istess żona msemmija aktar qabel minħabba l-abbużi li kienu qed isiru. Din id-deċiżjoni ttieħdet minħabba li f’dawk il-ħinijiet ikun hemm l-imwejjed tar-ristoranti u nies jippassiġjaw.
Jista' l-Ministru jara li jiġi proċessat il-file li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatamet?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, li l-file in kwestjoni, bħal numru kbir ieħor ta’ files, qiegħed jinħadem.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 8198 issa li bdew jittieħdu l-proċeduri kriminali, jista' l-Ministru jikkonferma li f'dan il-każ ma sar ebda rapport mill-Uffiċjal Investigattiv lill-Magistrat tal-Għassa sabiex issir inkjesta u jiġu nominati l-esperti u jsir il-proċess verbali in vista tal-fatt li f'dan l-inċident korrew diversi persuni, uħud minnhom serjament u addirittura dawn in-nies li korrew daħlu biex jiġu rikoverati fl-Isptar Ġenerali ta' Għawdex? X'inhi r-raġuni li wara l-frakass, li esponiet il-ħajja ta' diversi nies għal periklu serju u gravi u li l-istess żiemel li hu involut mhux biss ma ġiex identifikat, imma sal-lum il-Pulizija Eżekuttiva lanqas biss jafu x’sar minnu, aħseb u ara kemm saru testijiet fuqu, anki tad-doping, u meta dan kien ukoll każ ċar ta' moħqrija fuq annimal, li huwa reat 'per se'? X'passi ttieħdu jew se jittieħdu kontra dan l-Uffiċjal Għoli fil-Korp tal-Pulizija li lanqas biss indenja li jagħmel rapport lill-Maġistrat tal-Għassa tal-akkadut?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li dakinhar tal-inċident li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-Pulizija ma infurmatx lill-Maġistrat tal-Għassa peress li ma kienu twettqu ebda reati li jġorru piena ’l fuq minn tliet snin priġunerija u ħadd mill-persuni li sofrew xi ġrieħi fl-inċident, ma kien f’xi ħin fil-periklu tal-mewt. Dakinhar tal-inċident kemm il-kuċċier kif ukoll iż-żiemel kienu identifikati mill-pulizija li min-naħa tagħha ma rċeviet ebda rapport jew allegazzjoni mingħand xi persuna, li kien hemm moħqrija tal-annimali jew inkella suspett ta’ doping u aġixxiet bħalma taġixxi f’każi ta’ din ix-xorta. Infurmat li wara xhieda li ngħatat quddiem il-Qorti t’Għawdex fil-bidu ta’ Mejju 2019, ġie allegat moħqrija tal-annimali minn vittma fl-inċident, u għalhekk il-pulizija qed tindaga aktar biex tieħu l-passi meħtieġa jekk issib il-provi. Kif diġà indikat fi tweġiba oħra, ġew inizjati proċeduri kriminali kontra s-sewwieq taż-żiemel inkwistjoni, liema proċeduri għadhom pendenti. Dwar dan il-każ jiena nfurmat li ma hemmx lok li jittieħdu xi passi kontra l-Uffiċċjal Għoli fil-Korp tal-Pulizija.
Peress li d-detentur tal-encroachment 079313 miet, jista’ l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-kiosk qiegħda titħalla topera ladarba l-encroachment jispiċċa mal-mewt tad-detentur?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet, it-talba sabiex jiġġedded l-encroachment tal-kiosk imsemmi saret meta d-detentur kien għadu ħaj. L-Awtorità qegħda fil-proċess li tevalwa t-talba sabiex il-permess ta’ encroachment jingħata f’isem detentur ieħor.
Qorti tal-Maġistrati (Għawdex) – persuni akkużati bi traffikar ta’ droga
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ġew akkużati fil-Qorti tal Maġistrati (Għawdex) bi traffikar ta’ droga, sena b’sena, matul dawn l-aħħar ħames snin? Kemm minn dawn instabu ħatja? Kemm minnhom kienu membri tal-Korp tal-Pulizija? Qed issir xi forma ta’ investigazzjoni bejn ir-rabta li jista’ jkun hemm bejn din il-forma ta’ kriminalità u xi uffiċjal jew uffiċjali fil-Korp tal-Pulizija ġo Għawdex?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Korp tal-Pulizija – Supretendent akkużat bi sperġur
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jittieħdu dwar dak li qiegħed jiġi allegat fil-media lokali li Supretendent tal-Pulizija huwa ffaċċjat b’58 istanza ta’ sperġur? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li dan l-uffiċjal għoli fil-Korp tal-Pulizija ma ġiex sospiż pendenti l-investigazzjonijiet?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi dwar dak li ġie allegat fil-media lokali li Supretendent tal-Pulizija huwa ffaċċjat b’58 istanza ta’ sperġur, il-pulizja investigat il-każ u rriżulta li ma kien hemm l-ebda reat kriminali mwettaq hekk kif ġie allegat. Għaldaqstant, ma ttieħdu ebda passi fil-Qorti u l-istess uffiċjal ma setax jiġi sospiż wara l-eżitu tal-istess investigazzjoni. Wara li saret sfida lill-Kummissarju tal-Pulizija mill-kwerellant dwar nuqqas ta' qbil fil-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, hemm każ f'dan ir-rigward pendenti quddiem il-Qorti.
B'referenza għall-inċident li ġara fid-9 ta' Lulju 2018 fir-Rabat, Għawdex għal ħabta tal-10.30pm fit-Triq Fortunato Mizzi, ir-Rabat, Għawdex waqt tiġrija ta' żwiemel eċċ, meta numru ta' persuni li kienu jaraw it-tiġrija sofrew diversi feriti, u wieħed minnhom saħansitra ġarrab feriti gravi meta żiemel li kien qiegħed jinstaq fl-istess tiġrija, daħal adirittura għal fuq in-nies li kienu qed jaraw l-istess tiġrija mal-ħajt fuq il-bankina? X’inhi r-raġuni li ma saritx inkjesta maġisterjali, aktar u aktar meta persuna li kienet tara l-istess tiġrija sofriet feriti gravi per durata biż-żiemel jitla' saħansitra għal fuqha? F'liema stadju waslu dawn l-investigazzjonijiet, jekk saru? Meta se jiġu konklużi dawn l-investigazzjonijiet biex l-allegat ħati jew ħatjin, speċjalment min naqas milli jipprovdu sistema ta' sigurtà għall-persuni li kienu qed jaraw l-istess tiġrija, jiffaċċja proċess kriminali?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija ġew konklużi u huwa mistenni li persuna titressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin b’akkużi relatati ma’ feriti fuq persuni.
Jista' l-Ministru jara li s-sidien tal-art li ġiet esroprijata (dettalji dwarha qed jingħataw separatament ) jiġu kkumpensati mill-Awtorità tal-Artijiet u dan meta il-kumpens dovut ilu li nħadem mis-17 ta' Settembru 2013 u huma kienu ġew diġà infurmata dwar l-ammont lilhom dovut bl-imgħaxijiet? X'inhu jżomm li dawn jiġu mħallsa dak li legalment huwa lilhom dovut?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat, dan il-każ għadu qed jiġi diskuss internament fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet.
Dwejra Għawdex – Inland Sea — Rifjut ta’ permessi għal ftuħ ta’ ħwienet tal-artiġjanat
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li, għalkemm il-Kunsill Lokali tal-Munxar ma’ jsib l-ebda oġġezzjoni, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) rrifjutat li tagħti permess lill-applikanti mal-Awtorità tal-Ippjanar għall-ftuħ ta’ ħwienet li jbiegħu oġġetti ta’ artiġjanat Malti fl-imħażen li hemm l-Inland Sea fil-bajja tad-Dwejra, limiti ta’ San Lawrenz, Għawdex u dan meta ngħataw permessi għal diversi attivitajiet kummerċjali fl-istess akkwati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ma toħroġx permessi għal ħwienet li jbiegħu souvernirs, iżda hija konsultata mill-Awtorità tal-Ipjannar fuq applikazzjonijiet ta’ żvilupp bħal ħafna stakeholders oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li fl-ipproċessar u fl-għoti tal-assistenza soċjali, irrispettivament mid-dispożizzjoni tal-liġi f'paragrafu 1 tat-Taqsima VI tat-Tieni Skeda tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, Kap 318 tal-Liġijiet ta' Malta li tipprovdi li kull proprjetà tittieħed in konsiderazzjoni għall-finijiet ta' kalkolu tal-mezzi, fir-realtà postijiet tal-villeġġjatura ma jittieħdux in konsiderazzjoni għall-finijiet tal-kalkolu tal-mezzi? Jista' jgħid jekk din l-eżenzjoni dwar djar ta' villeġġjatura toħroġx minn xi dispożizzjoni tal-liġi jew hijiex prassi kostanti li biha dejjem hekk mexa d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi f’paragrafu 1, tat-Taqsima VI (Għajnuna Soċjali) tat-Tieni skeda tal-Kapitlu 318, tittieħed konsiderazzjoni ta’ “kull proprjetà mqiegħda fi trust (minbarra id-dar tar-residenza)” għall-fini ta’ kalkolu tal-mezzi.
Fir-rigward “l-eżenzjoni” ta’ proprjetà bħala villeġġjatura, ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, din ma toħroġx minn xi dispożizzjoni tal-liġi tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali, imma hija riżultat ta’ prassi kostanti li d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ilu jimxi biha sa minn qabel is-sena 1988.
Università ta’ Malta – scholarships għall-Masters jew PhD fis-CERN jew Paul Scherrer Institute
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk għal din is-sena, l-Università ta’ Malta hijiex se toħroġ scholarships għall-Masters u/jew PhD fis-CERN jew fil-Paul Scherrer Institute? Jekk le, jista’ jgħid għaliex? Hemm xi forma ta’ appell minn tali deċiżjoni?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninsab infurmat li minn żmien għal żmien, akkademiċi tal-Università ta' Malta jirbħu kuntratti għall-proġetti ta' riċerka fis-CERN u l-Istitut Paul Scherrer. Meta l-fondi mirbuħa jippermettu, l-Università tgħarraf bl-opportunitajiet ta' boroż ta' studju, biex studenti kwalifikati jidħlu jagħmlu programm ta' riċerka magħha fil-livell ta' Maġisteru jew Dottorat, bil-parti prattika tkun, parzjalment, fl-imsemmija organizzazzjonijiet.
Is-sejħa u s-selezzjoni ssir taħt l-awspiċji tal-Project Support Office (PSO) u, jekk u fejn jidħol impjieg bħala Research Support Officers, id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani (HRD). Id-deċiżjonijiet dwar l-għażla tal-istudenti jittieħdu minn bordijiet tal-għażla u d-deċiżjonijiet huma appellabbli; fil-każ ta' impjieg billi tintbagħat ittra lid-direttur tar-Riżorsi Umani, fil-ħin stipulat.
Billi dawn it-tip ta' boroż ta' studju jinħarġu biss meta jintrebħu l-fondi, m'hemmx garanzija li numru tagħhom joħorġu kull sena. Fl-2017 l-Università ħarget seba' (7) boroż ta' studju ta' dan it-tip. Din is-sena għad m'hemmx il-fondi biex joħorgu boroż ta' studju.
Tista’ l-Ministru tikkonferma li biex jinbena l-Qorti l-ġdid f'Għawdex fis-sit il-ġid li ġie magħżul issa, se jkollhom jitneħħew il-Pitkalija u l-Biċċerija? Jekk fl-affermattiv, issa fejn sejrin jiġu rilokati l-Biċċerija u l-Pitkalija? Kemm kienet ġiet tiswa l-biċċerija li hija waħda moderna meta kienet inbniet u mgħamra bl-attrezzaturi kollha? Kemm minn dawn il-flus li ntefqu fil-binja tal-Biċċerija kienu fondi mill-Unjoni Ewropea?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 2585. Infakkar lill-Onor Interpellant li l-proċess ta’ konsultazzjoni ser idum miftuħ sas-17 ta’ Diċembru 2017.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-gvern u mill-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jirreklamaw lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?
Response (MARCO, MARIO DE)
L-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu tqis lill-Għawdex bħala destinazzjoni unika b’attrazzjoni qawwija għal diversi tipi ta’ turiżmu, u għaldaqstant tirreklama u tippromovi l-Gżira Għawdxija bħala destinazzjoni distinta.
Sabiex tattira turiżmu addizzjonali għal Għawdex, l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu tieħu diversi inizjattivi fosthom billi talloka fondi addizzjonali għal ftehim ta’
joint marketing
ma’
tour operators u specjalisti
li jirreklamaw u jbiegħu lil Għawdex bħala destinazzjoni differenti minn Malta. Din il-promozzjoni u reklamar tkun ffukata u esklussiva għal Għawdex u l-attrazzjonijiet u prodott li l-gżira toffri. Fost il-prodotti li l-awtorita’, it-
tour operators,
speċjalisti u linji ta’ l-ajru jirreklamaw għal Għawdex nsemmi fost oħrajn,
self catering holidays
fi djar ta’ karattru u
farmhouses
tipiċi f’Għawdex, btajjel ta’
wellness
u
spa
, btajjel attivi u sportivi li jinkludu attivitajiet bħal
scuba diving, abseiling, ciklizmu, walking/trekking fil-kampanja, art & painting holidays
, turiżmu agrarju u gastronomiku, kif ukoll btajjel li jinkludu żwieġ u qamar il-għasel f’Għawdex
Apparti r-reklamar u attivitajiet ta’ promozzjoni, l-Awtorita ta’ Malta għat-Turiżmu torganizza wkoll żjarat għall-ġurnalisti, krews tat-televizjoni u aġenti ta’ l-ivjaġġar speċifiċi għal Għawdex. Dawn iż-żjarat jiġġeneraw
exposure
kbir fil-media internazzjonali, ta’ valur ferm ogħla minn nefqa li ssir biex dawn jiġu organizzati.
Huwa kkalkulat li matul s-sena 2012 l-Awtorita’ se tkun nefqet madwar madwar Euro 1.4 miljun fuq dawn l-attivitajiet sabiex tippromwovi lil Għawdex bħala destinazzjoni distinta. In-nefqa tal-MTA fi promozzjoni li tinkludi kemm 'l Malta kif ukoll lil Għawdex hija akbar.
Matul l-2013 il-miżuri li se jittieħdu se jkomplu jibnu fuq ix-xogħol li sar dawn l-aħjar snin u nippjanaw li nifirxu iżjed l-promozzjoni ta’ Għawdex fis-swieq barranin, speċjalment swieq ġodda u sekondarji. Fost il-miżuri diġa ppjanati ghall-2013 nista nsemmi li l-Awtorita’ se:
· Taħdem sabiex tikkonsolida l-promozzjoni ta’ Għawdex fis-suq Ingliż u żżid l-impenn biex jiġu attirati
tour operators’
u speċjalisti ġodda, attivi f’niċeċ ta’ prodotti differenti mis-swieq Ġermaniż, Franċiż, Taljan u Nordiku.
· Taħdem ma’ dawk it-
tour operators
li diġa jbiegħu l-Għawdex u tinċentivahom sabiex ikabbru l-attivita’ tagħhom f’Għawdex
· Tippromovi vaganzi li jaqsmu l-btala bejn iż-żewġ gżejjer ma’ dawk l-operaturi li s’issa joffru btajjel Malta biss.
· Torganizza iżjed żjarat ta’ ġurnalisti, krews tat-televiżjoni u aġenti ta’ l-ivjaġġar speċifikament għal Għawdex
· Tkompli tirriklama l-Għawdex bħala destinazzjoni distinta fuq mezzi varji ta’ reklamar bħalma huma gazzetti, magazins, radju, internet u siti oħra bħalma huma
inflight magazines
u
outdoor media
bħal
posters
fi stazzjonijiet tal-ferrovija jew
bus/tram stops.
· Tippromwovi speċifikament l-Għawdex waqt fieri prinċipali bħal
World Travel Market
fl-Ingliterra u ITB fil-Ġermanja, kif ukoll fieri oħra iżgħar madwar l-Ewropa li l-Awtorita’ tipparteċipa fihom
· Tkompli tattira u tinċentiva kumpaniji tal-
‘Cruise liners’
sabiex jagħmlu l-waqfiet tagħhom ġewwa Għawdex ukoll.
· Tinċentiva operaturi minn swieq ġodda bħalma huwa s-suq Iżraelit u dak mill-Emirati li llum tela għal iktar minn 30,000 ruħ sabiex ikomplu jiddeversifikaw l-attivita’ tagħhom u żżidu btajjel f’Għawdex mal-prodott li diġa joffru.
· Tkompli tippromwovi lil Għawdex fil-qasam tal-MICE, billi tibni fuq l-attivita’ li saret din is-sena fil-fiera IMEX fi Frankfurt u tifrixha għal fieri speċjalizzati oħra bħal EIBTM f’Barċellona u
workshops
speċjalizzati fi swieq oħra.
Il-Budgets għas-sena 2013 għadhom qegħdin jiġu finalizzati.
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ttieħdu matul din is-sena sal-lum mill-gvern u l-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu biex jippromwovu lil Għawdex fis suq turistiku bħala destinazzjoni rurali unika? X’kienet in-nefqa fuq dawn il-miżuri? X’miżuri mistennija jittieħdu matul l-2013? Kemm hija mistennija li tkun in-nefqa fuq il-miżuri li mistennija jittieħdu?
Response (MARCO, MARIO DE)
Il-bażi ta’ kull promozzjoni li ssir għall-gżira Għawdxija tibni fuq il-karratteristka rurali unika li Għawdex sal-lum iħaddan. Għaldaqstant ġentilment nirreferi li l-Onorevoli Interprellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamenti numru 37709 li telenka l-attivita’ u l-miżuri li l-Awtorita’ ta’ Malta għat-Turiżmu qegħda tippjana għas-sena 2013.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li wara daqshekk dewmien u tkarkir ta' saqajn issa li twaħħal il-madum il-ġdid fil-post ta' kuridur fejn hemm il-bieb ta' fejn il-kappella, dan fih ħafna tbajja fih? Taf li ċ-ċumnija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex fiha ħafna konsenturi u li fil-livel tal-20 filata hemm toqba li minnha joħroġ duħħan tossiku li, meta jkun ir-riħ, joħroġ għal fuq l-isptar?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ix-xogħlijiet li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant huma marbuta ma’ proġett estensiv ta’ ristrutturar fil-kuriduri kollha tal-isptar liema xogħlijiet huma wkoll ko-ordinati ma’ proġett ieħor li ħaseb biex is-suffitt il-qadim tal-isptar, li kellu kontenut ta’ asbestos, jiġi mibdul. Għalhekk filwaqt li kompla jiġi mibdul is-suffitt il-qadim, ġiet ukoll ikkordinata ħidma biex jiġu mibdula servizzi qodma filwaqt li jiġu installati oħrajn ġodda li ser ikunu qed jippreparaw it-triq għal proġetti oħra li hemm maħsuba. Fost dawn hemm sistema ġdida msejħa Combined Heat and Power System (CHP) li se tkun tforni ilma sħun u kiesaħ biex taqdi funzjonijiet ta’ kundizzjonament tal-arja fi spazji magħluqa u tissuplixxi sistemi ta’ misħun b’aktar effiċjenza. Dan ankè permezz tal-installazzjoni ta’ pannelli fotovoltaiċi li jnaqqsu d-dipendenza fuq sistemi tradizzjonali li jużaw fossil fuels. Fost is-servizzi ġodda li qed jiġu mgħoddija taħt is-suffitt il-ġdid, hemm ukoll dawk ta’ intelligent lighting u fire alarm filwaqt li twaħħlu twieqi u bibien ġodda tal-aluminju bi ħġieġ doppju li hu wkoll konformi ma’ prattiċi favur anqas konsum tal-enerġija.
Kif qal l-Onorevoli Interpellant, uħud mill-kuriduri diġa’ ġew miksija b’madum ġdid filwaqt li l-oħrajn qegħdin jew ser jibdew jinksew. Dan kien jesiġi li tinqala l-art il-qadima kif kien ukoll jinħtieġ li jinqalgħu pajpijiet, wires u ħwejjeġ oħra li kienu għaddejjin taħt is-suffitt il-qadim. Wieħed irid ukoll jiċċara li dawn is-servizzi ġodda qed ikunu estiżi wkoll biex ikopru s-servizzi f’bini ieħor li jinkorpora l-isptar mentali u t-taqsima ġerjatrika tal-irġiel. B’hekk ser ikun qed jiġi mmassimmizzat l-potenzjal ta’ dawn il-proġetti li finalment ser jissarrfu f’sistemi effiċjenti, li jaħlu u jħammġu anqas u joffru servizzi aktar aġġornati u aktar kumdità.
Wieħed irid isemmi wkoll li dan kollu qed isir fl-istess waqt li għaddej proġett ieħor qawwi li qed jibdel kompletament it-taqsima tal-kirurġija fl-istess sptar. Iżda sakemm huwa għaddej dan ix-xogħol kollu, l-isptar irid ikompli jaqdi l-funzjonijiet normali tiegħu u għalhekk jinħtieġ li s-servizzi l-qodma jibqgħu jintużaw sa meta jibdew jiffunzjonaw dawk ġodda.
It-tbajja li qed tirreferi għalihom il-mistoqsija kienu kkawżati minn ilma li nixxa waqt dawn ix-xogħlijiet. Jiena nfurmata li din il-problema issa ġiet indirizzata.
Fir-rigward taċ-ċumnija tal-Isptar Ġenerali t'Għawdex, it-toqob li hemm fil-livell ta' madwar għoxrin filata huma d-Draught Stabilisers tal-istess ċumnija. Il-funzjoni tagħhom hi li jikkontrollaw l-ammont ta' arja li tidħol fiċ-ċumnija u jżommu d-duħħan mill joħroġ 'il barra. Fil-każ imsemmi, wieħed mid-Draught Stabilisers kien irrappurtat bil-ħsara u saritlu t-tiswija.
Ninfurmaw ukoll lill-Onorevoli Interpellant li din iċ-ċumnija sejra wkoll tiġi eliminata bħala parti minn proġett ieħor li hemm maħsub li jibda s-sena d-dieħla, li ser ikun qed isir b’ko-finanzjament minn fondi Ewropej. Ta’ min jgħid li dawn ma humiex xogħlijiet żgħar iżda meta wieħed jgħaqqad l-investiment ta’ madwar €2miljun fil-proġett tar-ristrutturar tal-kuriduri ma’ dawk tal-proġetti ko-finanzjati minn fondi Ewropej isib li jlaħħqu investiment ta’ mhux anqas minn €8.5 miljun f’temp ta’ ftit xhur. Dan jinkludi x-xogħol li sar fit-twaqqif tad-Dipartiment tar-Radjoloġija u ser iwassal ukoll f’aktar servizzi ġodda bħal ma huma l-Endoscopy Unit, u l-Bone Density Unit. Sar ukoll investiment ta’ €1.5miljun biex ġiet msaħħa s-sistema diġitali li permezz tagħha r-riżultati mill-laboratorju u d-dipartiment tar-radjoloġija fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex huma aċċessibbli mit-timijiet mediċi kemm fl-istess sptar kif ukoll fi Sptarijiet f’Malta.
Skejjel primarji f'Għawdex — post ta' assistant head
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li għalkemm l-interviews saru, il-post għal assistant head għall-iskola primarja f'Għawdex għadu ma ġiex magħżul? Tista' tikkonferma li nħoloq post ieħor ta' assistant head f'Għawdex peress li l-headmaster tal-iskola taż-Żebbuġ Għawdex laħaq assistant head?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ir-riżultat għal din is-sejħa kien ippublikat fid-29 ta’ Novemberu 2012 u immedjatament inbeda l-proċess finali li għandu jwassal għal ħatra fil-grad ta’ Assistent Kap.
Il-mistoqsija dwar il-Kap tal-iskola Primarja taż-Żebbuġ jidher li mhix korretta għaliex kap ta’ skola ma jistax ‘jilħaq Assistent Kap’. Il-Kap tal-iskola taż-Żebbuġ, Għawdex laħaq Assistent Direttur u floku diġa ġie identifikat Aġent Kap biex imexxi l-iskola.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37128, issa li d-dokumenti kollha ġew sottomessi, tista' l-Ministru tara li t-talba ta' din l-istudent għall-għajnuna tiġi ipproċessata kemm jista' jkun malajr?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Bord tal-Appell sal-lum għadu ma rċieva l-ebda talba biex issir ir-review tal-każ.
Studenti Għawdxin li gradwaw mill-Università ta' Malta
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm studenti Għawdxin iggradwaw fl-aħħar tas-sena akkademika 2011/2012 mill-Università ta’ Malta? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont il-grad li ħadu? Tista’ tgħid kemm minnhom segwew l-kors tagħhom fiċ-Ċentru ta’ Għawdex?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 38448 u jgħid kemm kien hemm persuni u kumpaniji li ħallsu t-taxxa tad-dħul u kemm kien id-dħul mill-Income Tax minn Malta u minn Għawdex separatament għas-sena ta’ stima 2012? Jista’ jagħti din l-informazzjoni (i) għall-kumpaniji u (ii) għall-persuni individwali? Jista’ jagħti t-tagħrif dwar il-persuni individwali skont il-ħames kategoriji segwenti:
a) persuni li għandhom numru taħt in-NACE
b) persuni f’impieg jew kariga
ċ) pensjonanti
d) Persuni f’sengħa, negozju, professjoni eċċ
e) Dħul ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Studenti li għandhom ir-residenza f'Għawdex li iggradwaw mill-MCAST
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 38445 u tgħid kemm studenti li għandhom ir-residenza f’Għawdex iggradwaw mill-MCAST fl-aħħar tas-sena 2011-2012? Tista’ tagħti dan it-tagħrif skont l-Istitut, il-kors u l-Livell? Tista’ tagħti l-istess tagħrif dwar studenti residenti f’Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.