Ammont ta' fniek li delettant jista' jkollu mingħajr permess
Question
Jista' l-Ministru jgħid skont ir-regoli eżistenti, kemm delettant jista' jrabbi fniek ġewwa d-djar tiegħu mingħajr ma jkollu permess mingħand l-awtoritajiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-limiti tat-trobbija ta' fniek ġo dar mhumiex regolati mill-Avviż Legali 165 tal-2011 peress li dan jirregola l-qatla u t-tpoggija fuq is-suq tal-laħam tal-fniek. Bħal kull trobbija ta’ annimali oħra, it-trobbija tal-fniek issegwi regoli li joħorgu mir-regoli tal-iżvilupp. Għalhekk jekk ikun hemm żamma ta' numru ta' fniek dan jista' jkun suġġett għall-applikazzjoni t'użu jew bdil fl-użu maħruġ mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar. Dan jgħodd partikolarment għal żoni urbana.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 26811, jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata flus il-Kunsill Lokali tal-Mosta għal dan il-proġett u meta? Jista' jgħid jekk il-flus kenux direttament mogħtija għal dan il-proġett jew kenux parti minn somma globali li segħtet tintuża mill-kunsill b'mod ġenerali fi proġetti ġenerali?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali
Jista' l-Ministru jgħid kif inhi l-proċedura fil-pitkalija għall-persuni li jmorru jixtru l-ħxejjex minn hemm? Jista' jgħid jekk hemmx xi ħinijiet partikolari għax-xerrejja li jixtru bil-kwantità u li x-xogħol tagħhom huwa dak li jbiegħu l-ħaxix u għal dawk li jmorru jixtru għall-konsum privat? Jista' jgħid ir-razzjonal wara l-mod li bih hija organizzata din is-sistema? Jista' jgħid jekk u min għandu bżonn xi pass ħalli jkun jista' jixtri minn dan il-post?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kull minn jidħol jixtri mill-Pitkalija, irrid ikun reġistrat mal amministrazijoni tal-pitkalija billi jinħariġlu pass bin-numru li bih ikun jista' jiġi uzat ghax-xiri ta’ frott u ħaxix. Kull min jidħol jixtri mill pitkalija għandu bżonn dan il-pass.
Fil granet tat-Tnejn u l-Ħamis, ix xerreja li huma bejjiegħa jistgħu jidħlu bil mixi mis-sebgħa ta’ filgħodu 'l quddiem u bil-vettura mid-disgħa ta’ filgħodu 'l quddiem. Xerrejja oħra (bħal konsumaturi) jistgħu jidħlu minn nofsinhar 'il quddiem. Fil-ġranet tat-Tlieta, l-Erbgħa u l-Ġimgħa kulħadd jista' jidħol mis-sebgħa ta’ filgħodu 'l quddiem.
Din il-proċedura tippermetti li l-ewwel jidħlu l-bdiewa bil-prodotti tagħhom u wara jidħlu x-xerrejja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tistax tinħoloq sistema fejn il-konsumatur ikun jaf il-kwantità u anki l-post tal-oriġinu tal-ingredjenti tal-prodotti li jixtri bil-waħda u li dawn ikunu magħmula anki b'mod tradizzjonali bħala ħobża Maltija?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Awtorità ta' Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies fid-drug squad u kemm ikun hemm pulizija duty bil-lejl f'din l-iskwadra? Fejn iridu jissorveljaw l-istess pulizija matul il-lejl?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ membri fid-Drugs’ Squad tal-Pulizija u dawk fuq xifts, mhux wieħed fiss u jvarja minn żmien għal żmien skont l-esiġenzi u l-ħtiġijiet tal-kommunità.
Żieda fis-servizz fil-komunità — aktar sapport lill-anzjani
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux ħsieb biex iżid is-servizzi fil-komunità ħalli iktar anzjani jkollhom is-sapport neċessarju u jibqgħu jgħixu fil-komunità u mhux ifittxu li jkunu istituzzjonalizzati u jidħlu ġo home tal-gvern? Jekk iva, liema huma dawn is-servizzi li qed jitkellem dwarhom u minn meta se jidħlu fis-seħħ?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, L-Anzjani u l-Kura fil-Komunità diġà għandu pjan ta' servizzi għal persuni li għandhom id-dimensja. Sadattant nirreferi lil Onor. Interpellant għal żewġ risposti oħra li diġa ngħataw rigward servizzi lill-anzjani fil-komunita’ li huma PQ 19417 u PQ 27189.
Matul din is-sena inbeda servizz ta’ Elderly Community Outreach. Dan hu kompost minn
team
multi-dixxiplinarju li jagħti s-
support
meħtieġ lill-anzjani biex jibqgħu jgħixu fil-komunita’.
Sa dan it-tant infetħu żewġ
night shelters
wieħed fiż-Żejtun u ieħor fil-Mellieħa. Dan apparti li żdiedu d-
day centres
għal 18 li fihom jattendu madwar 1,500 anzjan u anzjana. Hemm il-ħsieb li jinfetħu aktar
night shelters
u
day centres
għall-anzjani tul is-sena l-ġdida.
Ħlas lura taż-żidiet tal-Ministri u Segretarji Parlamentari
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallsu b'lura sa Awwissu 2011 kull Ministru u Segretarju Parlamentari miż-żieda li kienu ħadu f'onorarja u li wara l-Prim Ministru ddeċieda li jħallsuha lura u kemm allura kull Ministru u Segretarju Parlamentari fadallu jħallas b'lura biex ikun ta kollox b'lura miż-żieda li ħa fl-onorarja tiegħu? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Ministri u Segretarji Parlamentari humiex jeħlu imgħaxijiet fuq is-somma li huma jridu jħallsu lura lill-Istat Malti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix reġistru li jgħid kemm hemm raħħala li għandhom iktar minn 50 fenka?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li jeżisti Reġistru kif imsemmi skont l-Avviż Legali 165 tal-2011 li jobbliga produtturi li għandhom aktar minn 50 fenka li jkun reġistrati taħt l-Att dwar is-Servizzi Veterinarji, u għandhom jkunu konformi f’kull waqt ma’ provedimenti li jinħarġu minn żmien għal żmien mid-Dipartiment.
Regolamenti tal-Unjoni Ewropea rigward biċċerija tal-fniek
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi regola li tgħid li jekk raħħal jkollu iktar minn 50 fenka jrid jkollu biccerija tiegħu approvata mid-Dipartiment tal-Agrikultura? Jista' jgħid jekk dan ir-regolament huwiex regolament tal-Unjoni Ewropea jew huwiex regolament li ġie gwidat mid-Dipartiment tal-Agrikultura lokalment?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Avviż Legali 165 tal-2011 jobbliga li l-qatla isir f’ biċċerija approvata skont ir-Regolament tal-Kunsill 853/2004 tal-Kummissjoni Ewropea. Iżda dan ma jfissirx li l-biċċerija għandha bilfors tkun proprjeta tal-produttur jew li kull produttur għandu jkollu biċċerija. Ir-Regolament jeżiġi li kull ma jitqiegħed fis-suq ħieles irid ikun inqatel ġo biċċerija approvata skont ir-Regolament tal-Kunsill 853/2004. Il-livell stabbilit ta’ 50 fenka huwa frott tad-diskussjonijiet mal-Uffiċjali tal-Kummmissjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid jekk bidwi jistax jrabbi iktar minn 50 fenka, jipproduċi l-fniek u ma jkollux biċċerija tiegħu - u jekk ma jkollux biċċerija tiegħu allura x'servizzi jeżistu biex dan ir-raħħal jagħmel użu minnhom? Il-biċċerija eżistenti tipprovdi faċilitajiet lil dawn ir-raħħala li jridu jrabbu il-fniek?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28050, preżentement hemm diġà żewġ biċċeriji simili approvati konformi mar-Regolament tal-Kunsill 853/2004 tal-Kummissjoni Ewropea. Preżentement għaddejjin taħdidiet bejn dan il-Ministeru u l-Għaqda Produtturi Laħam tal-Fenek ta’ Malta biex ikun identifikat post minn fejn l-Għaqda tkun tista’ tiftaħ it-tielet biċċerija għall-użu tal-produtturi.
Regoli tal-Unjoni Ewropea rigward trobbija tal-fniek
Question
Jista' l-Ministru jgħid intgħazilx in-numru ta' 50 fenka biex jibdew japplikaw regoli partikolari għal min irabbi il-fniek u ma ntgħażilx numru ieħor ta' fenkiet li jista' jrabbi raħħal bħal ngħidu aħna 60/70/80/90/100 biex qabel ma dawn ir-regoli jkunu jistgħu jibdew japplikaw?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28050, il-Kummissjoni Ewropea tiddefinixxi produzzjoni artiggjanali biss jekk dan jilħaq livell perċentwali ta’ ftit aktar minn dak li jista’ jkun ikkunsmat mill-istess produttur.
Livell ta’ 50 fenka jirriżulta fi produzzjoni medja ta’ 2,000 fenek fis-sena; jiġifieri produzzjoni medja ta’ madwar 40 fenek fil-ġimgħa. Għalhekk il-limitu stabbilit ma setgħax ikun għola minn 50 fenka.
Ħaddiema b'kuntratt definit u indefinit jagħmlu l-istess xogħol
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jistax f'dipartiment ikun hemm ħaddiema b'kuntratt definit u oħrajn b'kuntratt indefinit meta l-ħaddiema kollha jkunu jagħmlu l-istess xogħol?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li skont avviż legali 51/2007 tal-15 ta’ Ġunju, 2007 intitolat Kuntratti ta' Servizz għal Terminu ta' Żmien Fiss, kuntratt t'impjieg jinqaleb għal wieħed indefinit wara l-limitu ta' erba' snin jekk ma jkunx hemm raġunijiet oġġettivi għal kuntrarju u għaldaqstant teżisti l-possibilità li ħaddiema b'kuntratt definit u oħrajn b'kuntratt indefinit iwettqu l-istess dmirijiet fl-istess kariga.
Barra minn hekk, b'riżultat ta' ftehim li ntlaħaq wara din id-data, impjegati tal-gvern kellhom il-kuntratt definit tagħhom maqlub għal wieħed indefinit. Għal din ir-raġuni ukoll, l-possibilità msemmija mill-Onor Interpellant tista' sseħħ.
Jista' l-Prim Ministru jinvestiga l-ilmenti ta' residenti f'Tas-Sliema billi żewg blokki ta' appartamenti f'Belmonte Heights (fl-internal private road) fi Trejqet San Injazju Sliema ġew mibdula f'hostel għall-istudenti meta dawn suppost qed jintużaw bħala appartamenti residenzjali? Jista' jgħid jekk dan l-użu għandux il-permessi meħtieġa mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Jekk le, x'passi se jittieħdu kontra din l-illegalita`?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat illi l-appartamenti fi Blokk H, Belmonte Heights, Trejqet San Ignazju, Sliema qed fill-fatt jintużaw hekk kif illiċenzjat mill-Awtorita` tat-Turiżmu bħala 'Apartments to be used for short lets to foreigners'. B'daqshekk ma jfissirx li l-post ġie mibdul f' hostel fejn jiġu offruti xi servizzi speċjali u l-użu għadu meqjus bħala residenzjali.Ma jirriżultax bdil fl-użu minn Klassi 1 (residenzjali) għall-Klassi 3 (Hostels). Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal xi blokk/blokkijiet oħra f'Belmonte Heights, nitolbu biex jidentifika liema huma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu anzjani f'homes privati l-gvern matul is-sena 2010? F'liema home kienu u kemm ġew jiswew kull sena? Jista' jgħid jekk is-somma kkwotata tinkludix il-parti li tinqata' mill-pensjoni tal-istess anzjan jew jekk il-parti tal-pensjoni li tinqata' lill-istess anzjan hijiex apparti minn din is-somma?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ Anzjani f’homes privati sal-aħħar tas-sena 2010 kien ta’ 294. Id-djar tal-anzjani huma Casa Arkati, Villa Messina, Rose Ville, Central Home u Casa Serena. Is-somma li tħallset kienet ta’ €2,826,627.
L-ammont kwotat ma jinkludix il-parti li tinqata’ mill-pensjoni tal-istess anzjani.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kellu anzjani li huma fil-Public Private Partnership u għalhekk qegħdin f'xi home immexxija mill-privat matul ix-xhur bejn Jannar u Awwissu 2011? Jista' jgħid il-projections li għandu għall-kumplament tas-sena 2011 u jekk dan in-numru huwiex se jiżdied matul is-sena 2012, jew jekk dan in-numru huwiex stabbli u mhux se jiżdied?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fadalx homes/swali jew residenzi tal-anzjani li m'humiex air conditioned u jekk hemmx xi pjan li kull sala jew residenza li hemm l-anzjani fihom ikunu air conditioned?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-swali fir-Residenza ta’ San Vinċenz huma kollha mgħammra bl-arja kondizzjonata. Id-djar tal-anzjani tal-gvern huma kollha mgħammra bl-arja kondizzjonarja minbarra dik tal-Gżira fejn hemm biss il-komun bl-arja kondizzjonata. Iżda l-anzjani residenti f’din id-Dar tal-Gżira se jiġu trasferiti fl-Isptar Zammit Clapp meta dan ikun lest.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jinbidlu l-kundizzjonijiet li jeżistu bħalissa u jiżdiedu l-inċentivi min-naħa tal-gvern ħalli persuni jitħajru jibagħtu lill-ġenituri tagħhom jew huma stess imorru ġo homes privati u mhux jistennew lill-istat jipprovdi dan is-servizz? Jista' jgħid jekk l-inċentiv li jeżisti bħalissa ta' xi €2,000 fis-sena huwiex biżżejjed biex iħajjar liċ-ċittadini tagħna jieħdu s-servizz privat u mhux dak provdut mill-istat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern żied sostanzjalment ukoll l-ammont ta’ sodod li jikri fi djar tal-anzjani privati biex aktar anzjani li jixtiequ jgħixu f’dar tal-anzjani fil-komunità jkunu jistgħu jagħmlu dan. Bħalissa 343 anzjan u anzjana qed jgħixu f’aar tal-snzjani privata, bl-ispejjeż jitħallsu mill-gvern, filwaqt li l-anzjani jikkontribwixxu parti mill-pensjoni
Il-gvern, f’din il-leġislatura nieda wkoll skema li permezz tagħha, anzjani li jiddeċiedu li jgħixu f’dar tal-anzjani privata jkunu jistgħu igawdu minn tnaqqis fl-income tax. Fl-2009, 1,128 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom mir-return tal-income tax €2,092,053. Fl-2010 1,234 anzjan u anzjana iffrankaw bejniethom €2,312,017. Għaldaqstant jidher li dan l-inċentiv qiegħed iħajjar numru ta’ ċittadini biex jieħdu servizz privat.
Bħalissa m’hemmx ħsieb li jinbidlu l-kundizzjonijiet li jeżistu jew li jiżdiedu l-inċentivi preżenti fil-qasam tas-servizz privat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (BORG, TONIO)
L-informazzjoni mitlub mill-Onorevoli Interpellant tinsab fuq it-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'ċelebrazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf loll-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità — infiq f'ċelebrazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.