Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartimenti tas-Saħħa — pagi ta' persuni self-employed

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu ħaddiema li jaħdmu bħala self-employed mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru, f'liema grad jinsabu u kemm qed jitħallsu kull siegħa?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Welfare State — persuni f'riskju ta' faqar

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk qattx sar studju biex tara kemm kien ikun in-numru u l-persentaġġ tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija fir-riskju ta' faqar kieku ma kienx hawn preżenti f'Malta l-Welfare State?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istudju li joħroġ ta’ kull sena mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bl-isem ta’ “Survey on Income and Living Conditions” jikkalkula r-riskju ta’ faqar qabel u wara l-benefiċċji ta’ sigurtà soċjali għas-sena partikolari ta’ studju. Skont l-aħħar “Survey on Income and Living Conditions” li ħareġ fl-2010 u li jħares lejn is-sena 2008, l-indikazzjoni hi li jekk tikkalkula r-riskju ta’ faqar qabel ma tieħu l-benefiċċju soċjali, dan jammonta għal 36%, fil-waqt li meta tikkalkula l-benefiċċji soċjali r-rata ta’ riskju ta’ faqar tinżel għal 15%.

persuni li jaħdmu part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hawn persuni fl-ewwel sitt xhur tas-sena 2011 li kellhom il-job prinċipali tagħhom bħala part-time u kemm kien hawn min kellu żewġ jobs part-time fl-istess perjodu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-aħħar ta` April 2011 kien hemm 28,772 persuna li kellhom il-job prinċipali tagħhom bħala part-time. Fl-istess perjodu kien hemm 6,840 persuna li kellhom aktar minn job part-time wieħed.

Inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien aċċidenti tat-traffiku matul is-snin 2005/6/7/8/9/10/11 u kemm minn dawn l-aċċidenti tat-traffiku kienu gravi ? Kemm minn dawk li weġġgħu gravi kien involut ix-xufier? Kemm kienu involuti l-passiġġieri?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul is-snin imsemmija kien hemm 25,505 inċident tat-traffiku rrapurtat lill-Pulizija. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata.

Effett tal-ispeed cameras fit-toroq Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju longitudinal biex janalizza l-effett tal-ispeed cameras fit-toroq Maltin x'kien? Jekk sar dan l-istudju, jista' l-Ministru jgħid jekk l-aċċidenti fit-toroq tagħna naqsux wara li daħlu l-ispeed cameras jew le?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li minn moniteraġġ tal-veloċita’ tas-sewqan li sar qabel l-installazzjoni tal-ispeed cameras u wkoll xahar wara tali stallazzjoni f’post tul it-triq f’distanza lil hinn sewwa miż-żona ta’ nfurzar, irriżulta li kien hemm tnaqqis fil-veloċita’ tas-sewqan f’kull lokalità kif muri fl-iskeda hawn annessa. L-istatistika dwar l-inċidenti tat-toroq tinġabar mill-pulizija u għaldaqstant il-Korp tal-Pulizija huwa f’pożizzjoni li jipprovdi tali informazzjoni kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Blood donors

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma il-persuni li huma eżentati milli jagħtu id-demm lill-Bank tad-Demm? Veru li fost dawn in-nies hemm nies barranin li ma jistgħux jkunu blood donors?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li ma jistax jagħti demm kull min jiġi eżaminat u jinstab li għandu possibiltà ta’ riskju għaliħ jew għal minn jircievi xi prodott tad-demm. Dawn jinkludu nies bi storja ta’ mard kroniku, bi stil ta’ ħajja riskjuża (eż: kuntatti sesswali ta’ riskju), ivvjaġġar f’pajjiżi partikolari eċċetera. Rigward nies barranin, id-donatur irid ikollu karta tal-identità Maltija minħabba raġuniet ta’ traceabilty . Il-bqija jekk jaqa’ taħt il-kriterji ta’ eliġibbiltà jista’ jagħti d-demm.

Sit storiku fir-Rabat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar investiment u kemm huwa pjanat li jsir investiment għal matul is-sena 2012 fis-sit storiku li jinstab ir-Rabat Malta, li huwa magħruf iktar li jinstab f'Sawra, fejn liema sit jinstab zdingat u mimli ħaxix ħazin? Jista jgħid x'hemm pjanat għal dan is-sit matul ix-xhur u s-snin li ġejjin?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda pjanijiet għas-sit imsemmi mill-Onorevoli Interpellant fiż-żmien qasir.

Bini ta' ħitan tas-sejjieħ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu fondi minn tal-EU għall-għajnuna biex jkunu jistgħu jinbnew u jiġu rranġati ħitan tas-sejjieħ ? Jista' jgħid kemm fadal fondi għal din l-iskema? Jista' l-Ministru jgħid meta tqassmu dawn il-fondi u kemm għandhom zmien il-bdiewa u kulmin kwalifika ghal dawn il-fondi biex jkun jista jagħmel dan il-progett li għalih ħadu il-fondi? Jista' jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq il-post biex jaraw li dawn il-progetti saru? Jista' jgħid kemm hemm min ħa il-flus u ma sarux spezzjonijiet fuq is-sit tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikazzjonijiet għar-restawr tal-ħitan tas-sejjieħ ġew milqugħa fl-2004, 2005 u 2006 u s’issa tħallsu €4,565,068 Il-pagamenti fuq din l-iskema huma mifruxa fuq ħames snin peress li skont il-mizuri agro ambjentali l-pagament huwa ta’ 20% f’kull sena ta’ dan il-perjodu. S’issa tħallsu l-pagamenta ta’ bejn 2004 u l-2009. Għad fadal madwar €1.3miljun oħra x’jitqassmu iżda qabel ma jsir l-aħħar pagament, huwa meħtieġ li ssir spezzjoni fuq il-post biex ikun verifikat li r-restawr sar. Diġà saru 1380 spezzjoni fuq il-post u għad fadal 363 oħra xi jsiru. Dawn tal-aħħar jinkludu dawk li ma lestewx ix-xogħol u li ngħatatilhom estensjoni sal-aħħar ta’ Diċembru tal-2011 biex ix-xogħol ikun mitmum.
Leg 11 PQ #28258 Sitting 414 2011-11-28 Oral · Interim From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm fondi tal-UE matul is-snin 2009/10/11 - għal-liema proġetti kienu? Kemm saru minn dawn il-progetti li ttieħdu il-fondi għalihom u kemm allura fadal proġetti u fondi xi jsiru u x'jitqassmu? Jista' l-Ministru jgħid it-timeframe ta' dawn il-proġetti u fondi msemmja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Persuni li jgħixu fil-livell ta' poverta'

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar statistika li għandu f'idejh ta' kemm huwa il-persentagg ta' persuni li jgħixu fil-livell ta' poverta' f'Malta u Għawdex u jaqsamhom zona zona?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25532.

Pixkerija

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li l-pixkerija sejra tkun il-Marsa fejn sejrin jħottu l-bastiment tagħhom mill-qabda li jkunu għamlu sajjieda tal-pixxispad, tat- tkarkir u tat-ton? Jista' jgħid, per eżempju, fejn sejrin jħottu l-qabda taghhom dawk li huma miktubin li għandhom jidħlu il-port tal-Belt Valletta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dawk is-sajjieda li normalment iniżżlu l-qabda tagħhom fil-Port il-Kbir ser jkollhom faċilitajiet biex dawn xorta jkunu jistgħu jibqgħu iniżżlu l-qabdiet tagħhom fil-Port il-Kbir. Diġa’ ġew evalwati numri ta’ siti u bħalissa għaddejin id-diskussjonijiet fuq l-għażla ta’ sit li jidher li huwa l-iktar addattat biex jservi bħala Landing Site fil-Port l-Kbir.

Spezzjoni tal-ikel fil-homes tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq l-ikel li jingħataw l-anzjani fil-Homes? Kemm dawk pubblici, kif ukoll dawk privati? Jista' jgħid x'irrizulta f'dawn l-ispezzjonijiet?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jindika l-perjodu li dwaru jixtieq it-Tweġiba. Dan peress li r-riċerka tkun tista’ tiġi attwata għall-perjodu li jiġi ndikat.

Knee replacement

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatment, meta huwa stmat li ssirlu l-operazzjoni tan-knee replacement?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-persuna indikata qiegħed fuq il-lista ta’ stennija u skont l-eżitu tal-lista dalwaqt imissu jiġi operat. Huwa mpossibbli li wieħed jagħti data speċifika għax bħalma jaf l-Onor. Interpellant l-Isptar Mater Dei huwa sptar ta’ kura akuta.

Korsijiet tal-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-bdiewa li bilfors iridu jmorru għall-korsijiet li qed jsiru dwar il-bexx fuq il-pjanti, ħxejjex u frott? Jista' l-Ministru jikkonferma jekk huwiex kull bidwi jrid jattendi għal dawn il-korsijiet u taħt liema kundizzjoni bidwi jkun eżentat milli jattendi? Jekk bidwi jiddeciedi li ma jattendix jeħel xi multa jew ikun irid jagħti flus lura li ħa f'xi sussidju ?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Aġenzija tal-Pagamenti fi ħdan dan il-Ministeru organizzat korsijiet għall-bdiewa u r-raħħala bħala parti mill-obbligi taħt il-Miżura Agro-Ambjentali. Dan il-kors ma kienx jiffoka biss fuq bexx u wieħed irid japprezza li dawn il-korsijiet saru biex jgħinu lill-bdiewa u raħħala jtejbu l-ħiliet u prattiċi tagħhom fl-interess tagħhom u tal-ambjent.

Sistema ta' rapport li vettura qed iddaħħan

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema li tirraporta xi vettura għaliex tkun qed idaħħan għadiex fis-seħħ? Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu rapporti b'din is-sistema matul is-sena 2009, 2010 u 2011?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-sistema tal-SMS fejn wieħed jirrapporta xi vettura għaliex tkun qed iddaħħan, għadha fis-seħħ. Infurmat ukoll li l-ammont ta’ rapporti b’din is-sistema kienu hekk kif ġej: 2009 – 32,654 2010 – 19,568 2011 – 10,981 (Jannar – Ottubru)

Spiża kieku s-servizz tal-mediċini b'xejn kellu jsir bi ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizz tal-medicini b'xejn kellu jsir bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-Gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħasx il-ħtieġa li jsir tali studju.

Żieda fil-poverty line kieku s-servizzi soċjali kellhom jitneħħew

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizz l-benefiċċji socjali kellhom jitneħħew?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi sar studju fuq id-Dħul u l-Kundizzjonijiet tal-Għixien (survey on Income and Living Conditions - SILC) fl-2009. Il-metodoloġija użata mill-NSO issegwi r-regoli tal-Eurostat.

Servizz mediku bi ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizz mediku kellu jsir bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-Gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħasx il-ħtieġa li jsir tali studju.

Servizzi li jingħataw fil-komunità jitneħħew jew isiru bil-ħlas

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' kif u kemm kien ikun hemm iktar nies fil-poverty line f'Malta u Għawdex kieku s-servizzi li jingħataw fil-komunità jitneħħew jew isiru bil-ħlas?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Peress li l-politika tal-gvern hija li s-servizzi tas-saħħa jibqgħu jingħataw bla ħlas, ma tinħassx il-ħtieġa li jsir tali studju.

anzjani li qegħdin f'riskju ta' faqar

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-aħħar statistika li għandu f'idejħ ta' kemm hawn anzjani li għandhom 'il fuq minn 60 sena u li huma fir-riskju tal-faqar f'Malta u Għawdex u jaqsamhom zona zona?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.