Jistà l-Minstru jintervjeni biex l-iskips li hemm fiż-żona ta' Santa Margerita l-Mosta jitneħħew mill-post fejn jinstabu u dan għaliex dawn jinsabu ħdejn il-kappella li hemm fiż-żona u iktar minn hekk jinsabu ħdejn il-bieb prinċipali tad-dħul għad-dutrina tat-tfal taż-żona peress li madwar dawn l-iskips ikun hemm ħafna insetti u nemus li jdejqu lit-tfal u lill-ġenituri tagħhom meta dawn ikunu qed jistennew lil uliedom joħorġu mid-dutrina?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-iskips imsemmija huma responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali.
Spezzjoni fuq il-frott u l-ħaxix minħabba pestiċidi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2010 biex jaraw li l-frott u l-ħaxix li jkun hawn fis-suq Malti u Għawdxi ma jkollux kwantità kbira ta' pestiċidi ġo fih? Jista' jgħid kif jiġi ċċekkjat li l-frott ma jkollux pestiċidi u li huwa tajjeb għall-ikel? Jista' jgħid fejn jiġi ċċekkjat u kemm jiġi jiswa dan il-proċess kollu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li dawn l-ispezzjonijiet huma r-responsabbiltà tal-Awtorita’ ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur.
Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru hu responsabbli mill-Awtorità msemmija.
Każijiet tas-saħħa minħabba l-bexx fuq frott u ħxejjex
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx rapportat xi każ ta' persuni li ddaħħlu l-Isptar għaliex kielu frott u ħaxix li kien għadu kemm ġie mbexx matul is-snin 2008, 2009 u 2010? Kemm hi l-gravità u theddida għas-saħħa tal-bniedem jekk jiekol frott u ħaxix li jkun għadu kemm ġie mbexx?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li, skont il-Hospital Activity Analysis Register tal- Isptar Mater Dei, in-numru ta’ każijiet li ddaħħlu l-isptar minħabba f’avvelenament b’pestiċida fis-snin imsemmija kien hekk:
2008
2009
2010
1
2
3
Ta’ min jinnota li dawn il- każijiet kienu minħabba f’inġestjoni diretta tal-pestiċida u mhux minħabba f’inġestjoni ta’ frott u ħaxix li kien għadu kemm ġie mbexx.
Il-kontroll tal-bexx, li jintuża fuq ħaxix jew frott jaqa` taħt ir-responsabbilità tal-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) għaldaqstant jekk tali pestiċida/bexx ikun legali u jintuża skont il-pesticide safety sheet, ma jkun hemm l-ebda riskju għas-saħħa peress li jkunu diġà saru diversi studji qabel ma dawn ikunu approvati għal tali użu.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bexx li jintuża bħala pestiċida jaffettwax il-water table u jekk hemmx studji li juru traċċi ta' dan il-bexx mal-ilma tax-xorb?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Bereġ Tal-Gvern — ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-full complement tal-istaff li għandu bżonn fil-bereġ tagħna bħal ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor biex il-kliniċi tas-saħħa jkunu jistgħu joperaw 24 siegħa kuljum?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern biddilx il-politika tiegħu dwar iċ-Ċentri tas-Saħħa, għaliex sa ftit żmien ilu kienet qed tingħata l-impressjoni li l-Gvern irid inaqqas l-operat tal-kliniċi tas-saħħa wara l-5.00pm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fis-sena 2009, kien intlaħaq ftehim mal-Assoċjazzjoni Medika dwar il-ħinijiet tal-ftuħ taċ-ċentri tas-saħħa skont il-komplement tal-istaff mediku. Il Gvern huwa kommess illi jifrex is-servizz fejn hemm bżonn dejjem u fl-istess ħin jissalvagwardja li s-servizz isir sew.
Il-Gvern mhuwiex qed inaqqas is-servizzi, anzi se jkompli jinvesti sabiex ikun hemm tliet ċentri tas-saħħa attrezzati b’mod modern u joperaw erbgħa u għoxrin siegħa kuljum, sebat ijiem fil-ġimgħa.
Dħul tas-sigaretti għall-użu personali tal-pasiġġieri
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm jidħlu sigaretti b'mod legali għal użu personali minn passiġġieri li jkun qed jivjaġġaw lejn Malta? Jista' jgħid kemm daħlu sigaretti b'dan il-mod fil-perjodu ta' bejn 1999 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dipartiment tad-Dwana ma jzommx rekord dwar l-ammont ta’ sigaretti mpurtati legalment għall-użu personali ta’ passiġġieri li jivvjaggaw lejn Malta.
Jista' l-Minstru jgħid kemm huwa kalkulat li jidħlu sigaretti b'mod legali f'Malta u kemm huwa kalkulat li daħlu sigaretti b'mod illegali fil-perjodu ta' bejn 1999 u 2009?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi huwa kalkulat li jkunu rilaxxati għall-konsum bejn wieħed u ieħor ftit anqas minn 600 miljun sigarett kull sena b'mod legali f'Malta.
Stimi li jkopru s-snin 2004 – 2009 jindikaw li l-kuntrabandu tas-sigaretti varja bejn 6% u 7.5% bħala perċentwal tal-konsum sħiħ.
Mosta — Żona Santa Margherita - pelican lights u speed cameras
Question
Jista' l-Ministru jintervjeni ħalli fiż-żona Santa Margherita l-Mosta jsiru pelican light fl-inħawi tal-Lotto Office? F'dawn l-inħawi jkun hemm ħafna tfal tal-iskola filgħodu jistennew it-trasport għall-iskola fi Vjal il-Qalbiena Mostin, f'liema żona jkun hemm ħafna tfal li filgħaxija jmorru il-mużew u għalhekk din iż-żona tintuża ħafna u barra minn hekk diġà saru diversi aċċidenti tat-traffiku li setgħu jħallu fatalità. Tista' titwaħħal ukoll speed camera f'din it-triq peress li ġieli din l-istess triq tkun qisha track tal-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid min iddeċieda li jwaħħal il-lights ġo Valletta Road, l-Mosta, ħdejn showroom tal-Mercedes? Għaliex issa dawn il-lights intfew u jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-lights humiex se jerġgħu jinqalgħu jew jerġgħu jinxtegħlu mill-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-traffic lights in kwistjoni kienu saru minn Transport Malta. Dawn kienu ntfew għal xi żmien biex isiru xi aġġustamenti iżda llum dawn jaħdmu regolarment.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru operazzjonijiet fl-isptarijiet privati bejn Jannar u Ottubru 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Informat lid-Dipartiment tal-Informazzjoni fuq is-Saħħa u Riċerka m’għandux informazzjoni dwar kemm saru operazzjonijiet fl-isptarijiet privati bejn Jannar u Ottobru 2011 peress illi l-isptarijiet privati s’issa mhumiex obligati jirraportaw din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq f'operazzjonijiet il-Gvern fi sptarijiet privati bejn Jannar u Ottubru 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li matul din is-sena sal-20 ta’ Ottubru, in-nefqa ta’ operazzjonijiet fl-isptarijiet privati kienet ta’ erbgħin elf, tminn mija u għaxar Ewros (€40,810.00).
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm operazzjonijiet li se jsiru fl-isptarijiet privati u kemm se jiswew? Meta huwa ppjanat li dawn l-operazzjonijiet isiru?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern iffirma żewġ kuntratti għall-Outsourcing ma’ kliniċi Privati. Dawn il-kuntratti jkopru 2,500 operazzjoni tal-katarretti u l-istess kuntratti huma valida għall tnax il-xahar. Informazzjoni dwar kemm ser jiswew l-operazzjonijiet hija ta’ natura kummerċjali u għalhekk mhux etiku li din l-informazzjoni tingħata.
operazzjonijiet li ntgħażlu biex isiru fi sptarijiet privati
Question
Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlu l-operazzjonijiet li saru fl-isptarijiet privati? X'tip ta' interventi kienu u għaliex intgħażlu huma u mhux operazzjonijiet ta' natura differenti minnhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-kuntratti ta’ Outsourcing dwar l-operazzjonijiet tal-Katarretti. Għalhekk ninforma lill-Onor. Interpellant li pazjenti li ilhom l-aktar fuq il-lista huma l-pazjenti li qegħdin jinqdew l-ewwel.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-waiting time ta' appuntament ma' professur fl-Out Patients Clinic jekk tabib jibgħat pazjent b'referral ticket u jitolbu appuntament għall-SOP, MOP, Oftalmologija u Diabetic Clinics?
Response (CASSAR, JOSEPH)
M’hinix f’pożizzjoni li ngħid x’inhu l-waiting time għaliex dan ivarja skont l-urġenza tal-każ u l-professur li għandu ġie riferut il-pazjent. Ta’ min wieħed jinnota illi każijiet urġenti li jiġu riferuti għand xi professur/konsulent fit-taqsima tal-out-patients, jiġu trattati fl-iqsar żmien possibli u, b’mod regolari, dan isir fi ftit jiem.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jieħu ħalli l-postijiet pubbliċi kollha u li r-rwol tagħhom huma li jservu bħala dipartimenti tal-gvern u uffiċini ta' importanza u li l-pubbliku in ġenerali jagħmel użu minnhom għall-bżonnijiet ta' kuljum jiġu aċċessibbli u konformi mar-regoli li awtoritajiet konċernati jitolbu li postijiet pubbliċi oħrajn li jkun se jipprovdi l-privat għandu jsegwi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, dan il-Gvern huwa mpenjat li safejn possibli, kull post pubbliku governattiv ikun totalment aċċessibbli.
Tul dawn l-aħħar snin komplejna sabiex aktar postijiet pubbliċi jsiru aċċessibbli u dawk ġodda jkunu konformi mal-liġi tal-aċċessibbilità.
Min-naħa l-oħra hemm binjiet li ilhom mibnija u li mhux daqstant faċli li jsiru aċċessibbli iżda wkoll qed nippruvaw li jsiru alterazzjonijiet meħtieġa ħalli anke dawn isiru aċċessibbli.