Legislature:
Category:
Reset
Active:

kotba tal-primarja tradotti għall-Malti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex qiegħed isir studju sabiex il-kotba li jagħmlu użu minnhom fil-primarja jsiru bil-lingwa Maltija, anki ta' dawk is-suġġetti li mhumiex tal-Malti? Tista' tgħid jekk hemmx il-ħsieb li kotba tas-suġġetti jiġu tradotti għall-Malti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kotba li qed jintużaw fil-Primarja huma bil-Malti minbarra dawk tal-Matematika u naturalment dawk tal-Ingliż. Fil-każ tal-Matematika mhux qed isir studju dwar jekk il-kotba għandhomx isiru bil-Malti. Kienu saru laqgħat u diskussjonijiet qabel ma’ tnieda l-Qafas tal-Kurrikulu Nazzjonali u deċiżjoni dwar dan is-suġġett għandha tittieħed wara li ssir diskussjoni nazzjonali fuq il-politika lingwistika kif hemm indikat fil-Qafas tal-Kurrikulu msemmi.

ċertifikati tal-kors safety at sea

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu preżentati ċ-ċertifikati lill-parteċipanti kollha - jiġifieri s-sajjieda full-time u part/time li attendew il-kors safety at sea li sar bejn nofs Diċembru 2010 sa April 2011 mill-Fisheries Department u ngħata minn kumpanija ISTC? Jista' jivverifika u jikkonferma li ċ-ċertifikat ta' dan il-kors ingħata lil numru żgħir biss ta' sajjieda li pparteċipaw fih?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba n-numru mdaqqas ta’ sajjieda li kkonkorrew għal dan it-taħriġ u l-verifiċi neċessarji nkluża l-attendenza ta’ kull parteċipant qabel ma jkun jistgħu jinħarġu dawn iċ-ċertifikati, dan il-proċess ħa fit tul. Dan il-proċess issa kważi huwa konkluż u ċ-ċertifikati għandhom jitqasmu fil-ġimgħat li ġejjin, mhux aktar tard mill-aħħar ta’ din is-sena.

Ħ'Attard — ħinijiet tal-berġa

Question

Jista' l-Ministru jħeġġeġ lil min huwa responsabbli biex il-klinika ta' Ħ'Attard magħrufa bħala l-berġa ta' dan il-lokal, jingħata lilha iktar ħin ħalli iktar pazjenti jkunu jistgħu jinqdew minn din il-berġa, fid-dawl li l-popolazzjoni ta' nies anzjana f'dan il-lokal qed tiżdied?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa Primarja minn żmien għall-ieħor, jagħmel Audit fuq il-bereġ kollha biex jara li d-domanda/servizz provdut huwa bilanċjat u aċċettabli biex b’hekk ma jkunx hemm la ħela ta’ riżorsi umani u lanqas dewmien żejjed biex klijent jinqeda. Fil-preżent, fil-berġa ta’ Ħ’Attard, in- Next Available Appointment għal riċetta normali li sservi minn xahrejn sa erba’ xhur, huwa ta’ 60 ġurnata, biżżejjed biex pazjent jinqeda sew sakemm jasal biex jerġa jagħmel riċetta oħra għall-pilloli. Min ikollu bżonn jinqeda urġenti dan kważi dejjem jiġi moqdi dik il-ġurnata stess wara li t-tabib jara n-nies li jkollu bl-appuntament. Barra minn hekk dawk li ma jkollhomx bżonn appuntament daqshekk urġenti, jingħataw appuntament viċin fiż-żewġ extra sessions li jsiru fil-berġa ta’ Ħ’Attard kull xahar.

Eżamijiet għal xufiera ta' vannijiet — dewmien għal-liċenzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex dawk li jgħaddu mit-test u l-eżami biex isiru xufiera ta' vannijiet iridu jistennew xhur sakemm din il-liċenzja attwalment toħorġilhom u tingħatalhom? Jista' jispjega x'għandha bżonn persuna sabiex tapplika għal din il-liċenzja u x'qiegħed iżomm biex din il-liċenzja iddum daqshekk biex tiġi mogħtija lil dawk li jkunu għaddew?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li meta applikant jkun għadda mit-test tas-sewqan u japplika għal liċenzja tas-sewqan, din tinħareġ madwar tlett ijiem wara. Jekk is-sewwieq ikun jixtieq isuq vettura għall-ġarr tal-passiġġieri (b’mod kummerċjali) dan ikun irrid jissodisfa r-rekwiżiti kollha tar-Regolamenti dwar is-Servizzi ta’ Ġarr ta’ Passiġġieri (SL.499.56) u jotjeni permess minn Transport Malta. Dan il-permess jinħareg wara li tkun giet verifikata l-kondotta tal-applikant, liema proċess jieħu madwar sitt ġimgħat. Barra min hekk, l-applikant irid ikun issottometta ċ-ċertifikat t’attendenza ta’ taħrig speċifiku.
Leg 11 PQ #29039 Sitting 427 2011-12-06 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mosta — Santa Margerita - bandli

Question

Jista' l-Prim Ministru jiggwida lill-awtoritajiet konċernati biex jagħti spinta ħalli l-bandli li hemm fiż-żona St.Margertia l-Mosta jiġu attrezzati iktar għaż-żmenijiet tal-lum? Jista' jara li dan il-post ikollu iktar faċilitajiet sportivi għat-tfal li jagħmlu użu minnu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat illi l-Bandli li hemm fiż-żona ta' Santa Margerita fil-Mosta skont il-liġi huwa fir-responsabbilità diretta u totali tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Kull sena fl-allokazzjoni li tiġi mgħoddija lill-kunsilli lokali jkun hemm parti ntiża għaż-żamma u manutenzjoni tal- playing fields u ġonna pubbliċi. Barra dan minn żmien għal żmien jitnedew ukoll skemi speċjali kif ukoll kull lokalità tista tagħmel użu minn fondi oħra bħal dawk tal-Urban Improvement Fund tal-MEPA biex taghmel investiment f’ dawn il-postijiet. Il-bandli li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant huwa wieħed minn dawk li diġà ġew spezzjonati mill-Awtorità ta’ Malta għal Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fuq kummissjoni tad-Dipartiment għal Gvern Lokali. Ir-rapport qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ir-rapport jirrakomanda li l-aċċess għal dan il-bandli jiġi magħluq jew ikun ristrett biex ma jkunx hemm periklu. Id-Dipartiment għal Gvern Lokali għadda dan ir-rapport lill-Kunsill Lokali tal-Mosta biex jieħu l-azzjoni meħtieġa fi żmien qasir. Issa sta għal Kunsill Lokali tal-Mosta li jagħmel ix-xogħlijiet neċessarji.

Mosta — Road Markings minħabba parking

Question

Jista' l-Ministru jagħti inkoraġġiment biex jiġi organizzat aħjar it-traffiku fi Triq id-Dura, Triq l-Għadajjar u Triq Mitbaħ fiż-żona Santa Margerita l-Mosta? Jista' jsir studju biex forsi jirriżulta li forsi hemm bżonn ta' road marking ħalli l-karozzi jipparkjaw sewwa fil-kaxxi provduti u ssir roundabout jew xi ħaġa oħra ħalli t-traffiku jkun iggwidat kif għandu jġib ruħu huwa u dieħel lejn dan il-Housing Estate?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li dawn huma kollha toroq li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Kunsill Lokali tal-Mosta u għaldaqstant naħseb li l-Onor. Interpellant hu f'pożizzjoni aħjar minni biex jinkoraġixxi lill-kunsill lokali biex jorganiżża aħjar it-traffiku.

xiri u bejgħ ta' deheb

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ ta' min imur ibiegħ id-deheb tiegħu għand il-ħwienet tad-deheb? Jista' jserraħ ras l-anzjani li dan il-ħafna xiri ta' deheb u reklami f'mumenti importanti tat-televiżjoni mhumiex qed jinkoraġġixxu iktar serq tal-istess materjal mid-djar tal-poplu?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant biex jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli mill-Intern.

serqiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn serqiet fl-ewwel għaxar xhur tas-sena? Jista' jgħid jekk dan l-ammont ta' serqiet huwiex qed jiżdied jew huwiex inqas meta komparat mal-istess xhur fis-snin ta' qabel?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena ġew irrapurtati lill-Pulizija 7287 każ ta’ serq. It-tabella t'hawn taħt turi kif dan l-ammont jikkompara mal-istess xhur fis-snin ta’ qabel. 2004 2005 2006 2007 2008 2009 2010 2011 885 902 803 677 725 555 488 616 928 783 804 623 667 485 437 565 837 901 777 585 644 532 528 687 752 853 749 567 600 469 515 707 845 841 677 537 560 541 532 572 828 851 663 714 650 541 594 724 1268 1255 1188 1364 1010 832 1084 1127 1301 1296 1198 1157 911 855 919 935 932 987 843 661 617 564 670 712 892 944 783 711 589 540 696 642 9468 9613 8485 7596 6973 5914 6463 7287
Leg 11 PQ #29252 Sitting 427 2011-12-06 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

żebgħa ta-xagħar li fiha l-kimika PPD

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi se jittieħdu sabiex żebgħa tax-xagħar li fih il-kiminka PPD u li qed jikkawża ħafna inkonvenjent lil min jagħmel użu minnu , fejn anke kien hemm xi persuni li daħlu l-isptar wara li għamlu użu minn din iż-żebgħa tax-xagħar, jew jiġi imwaqqaf milli jidħol f'Malta jew inkella min jagħmel użu minnha jkun jaf li jista' jkollu din ir-rezzjoni wara li tiġi użata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-użu tal-PPD fi prodotti għaż-żebgħa tax-xagħar huwa permess sa konċentrazzjoni ta’ 6%. Din is-sustanza hija magħrufa li tista’ tikkawża rejazzjonijiet allerġeniċi f’persuni li huma allerġiċi għal din is-sustanza u għaldaqstant ir-regolamenti dwar il-kożmetiċi jitolbu li jkun hemm imniżżel fit-tikketta referenzi għall-fatt li jista’ jikkawża reazzjoni allerġika u li fih jinstab il-‘phenylenediamines’. Ta’ min wieħed jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fatt illi hemm sustanzi oħra li jistgħu jikkawżaw reazzjoni allerġika u li jintużaw fiż-żebgħa tax-xagħar u għalhekk hemm obbligi simili għal dawk dwar il-PPD. Fuq il-każ partikolari li ġie rrappurtat minn sezzjoni tal-istampa, id-Diviżjoni dwar Regolamenti Tekniċi fi ħdan l-Awtorità Maltija dwar il-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur bdiet issegwi l-każ mill-ewwel u kkuntatjat kemm lill-persuna affetwata b’dan l-inċident kif ukoll il-gażżetta illi rrapurtatu sabiex tiġbor l-informazzjoni neċessarja fuq il-prodott. Il-prodott inġabar mingħand il-persuna kkonċernata u qiegħed jiġi nvestigat sabiex ikun żgurat li fuq is-suq ikun hemm biss prodotti li jobdu r-Regolamenti, inkluż ittikketjar ta’ kif għandu jintuża. Jekk jinstab illi l-prodott ikkonċernat ma jkunx konformi mar-rekwiżiti tal-liġi, jittieħdu l-passi neċessarji skont il-liġi. Mill-ewwel investigazzjoni li saret, jirriżulta illi fuq il-prodott partikolari ma kienx hemm speċifikat li fih is-sustanza PPD iżda sustanza oħra referuta bħala toluene-2,5-diamine.

Mosta — Triq il-Qalbiena Mostin - periklu tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex Triq il-Qalbiena Mostin tiġi rranġata biex ikun fiha inqas periklu tat-tfaffiku? Jista' jniedi studju li jwassal biex jagħti pariri biex jaraw x'għandu bżonn isir biex il-periklu f'din it-triq jitnaqqas? Wara li jkunu saru dawn ir-rakkmandazzjonijiet, jista' jara li dawn jiġu implimentati għall-ġid u s-sigurtà tar-residenti tal-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejt it-talba tiegħu lil Transport Malta.

Mosta — Hope Street - bollards

Question

Jista' l-Minstru jgħid għaliex inqalgħu l-bollards li kien hemm ġo Hope Street fil-Mosta? Jista' jgħid jekk dawn il-bollards jistgħux jerġgħu jitpoġġew fil-post li kienu peress li dawn kienu qed jipproteġu lir-residenti meta joħorgu fit-triq, mill-karozzi li jinżlu minn din it-triq minħabba li din it-triq hija dejqa wisq u m'hemm ebda spazju biex isiru bankini fuq iż-żewg naħat tat-triq?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-bollards in kwistjoni inqalgħu mill-Kunsill Lokali u dan għaliex ma kienux tat-tip approvat minn Transport Malta. It-twaħħil mill-ġdid tal-bollards hija responsabbilta' tal-Kunsill Lokali li iżda jrid isegwi l-approvazzjoni li kienet ingħatat minn Transport Malta.

Youth Employment Programme

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex ġie deċiż li l-programm taż-żgħażagħ, Youth Employment Programme jintwera s-Sibt fid-9.00pm fuq Channel 22, meta ħafna żgħażagħ ikunu barra jiddevertu dak il-ħin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-programm taż-żgħażagħ Youth Employment Programme minbarra fuq Channel 22 fid-9.00 p.m. is-Sibt filgħaxija jintwera ukoll il-Ħadd fl-10.00 a.m. u 4.20 p.m. u nhar ta’ Tlieta fis-7.30 p.m. Dan il-programm jintwera ukoll fuq TVM nhar ta’ Ħadd fit-8.30 a.m. u nhar ta’ Erbgħa fil-11 a.m.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — tnaqqis fl-overtime

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm u minn liema sezzjoni tnaqqas l-overtime fid-Dipartiment tal-Edukazzjoni u jekk il-ħaddiema tal-general hand ġewx affettwati minn dan it-tnaqqis?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-overtime jingħata mid-Dipartimenti u s-sezzjonijiet kollha fid-Direttorati tal-Edukazzjoni skont il-ħtieġa u l-esiġenzi tas-servizz. Il-ħaddiema b’grad ta’ general hand jinsabu f’diversi Dipartimenti u fejn inħass li mhux meħtieġ overtime dan ġie mnaqqas skont il-ħtiġijiet ta’ dak id-Dipartiment.

Dipartiment tas-Saħħa — żieda fil-budget - ftuħ ta' kliniċi 24 siegħa kuljum

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jżid il-budget tiegħu d-Dipartiment tas-Saħħa sabiex ikunu jistgħu jibdew jaħdmu miegħu aktar ħaddiema ħalli l-kliniċi jkunu jistgħu jżidu s-servizzi għal 24 siegħa kuljum? Liema servizzi l-Ministru jrid li jibdew jingħataw 24 siegħa kuljum mill-polikliniċi tagħna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #28875 Sitting 425 2011-12-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Banda tal-Forzi Armati ta' Malta — Libja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk xi sentejn ilu intbagħtitx il-Libja l-banda tal-Forzi Armati biex iddoqq għal xi okkażjoni? Jista' jgħid għal liema okkażjoni din il-banda nazzjonali tegħlet iddoqq? Jista' jgħid kemm kien kbir il-kontinġent li ntbagħat u kemm ġiet tiswa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li se nagħti f’mistoqsija parlamentari 28876.
Leg 11 PQ #28876 Sitting 425 2011-12-05 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Banda tal-Forzi Armati ta' Malta — postijiet fejn daqqet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba l-banda tal-Forzi Armati daqqet barra minn Malta fl-aħħar għaxar snin? Jista' jgħid f'liema pajjiż daqqet u għal liema okkażjonijiet? Jista' jgħid kemm tiġi tiswa lill-poplu Malti kull darba li l-banda tal-Forzi Armati tmur idoqq barra mill-pajjiż? Kemm ġiet tiswa lill-poplu Malti kull darba li siefret matul dawn l-aħħar għaxar snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul dawn l-aħħar għaxar snin il-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta daqqet tmien darbiet barra minn Malta kif turi t-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. L-ispejjeż relatati mal-parteċipazzjoni tal-banda f’kull okkażjoni huma murija fl-istess tabella.

Mosta — Main Street - culverts

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu sabiex gandott mejjet li suppost huwa mqabbad mal-culvert ġewwa Main Street, il-Mosta attwalment jitwaħħal u jitqabbad mal-main prinċipali tal-culvert u għalhekk ma jibqax mejjet peress li dan, kif inhu bħalissa, qiegħed iżomm l-ilma ġo fih u qed jikkawża ħafna umdità lir-residenti ta' Main Street, il-Mosta li qed ikollhom ammont kbir ta' umdità fid-djar tagħhom, għaliex l-ilma li jinżamm f-dan il-culvet mejjet qed jiskula taħt id-djar, bil-konsegwenza li anki uħud mid-djar kellhom ħsarat fl-għamara tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Onorevoli Prim Ministru li hu responsabbli mill-Kunsilli Lokali peress li l-gandott u l-culvert imsemmija jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Kunsill Lokali tal-Mosta.

Mosta — Triq Santa Margerita - Barrieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il spezzjoni saret fuq il-barrieri tal-inħawi ta' Santa Margerita, fil-Mosta matul is-sena 2010? X'irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet u għaliex kull darba li jaħarqu l-furnelli fil-barrieri viċin ir-residenti, dawn iħossu theżżiż kbir fir-residenza tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27829