Legislature:
Category:
Reset
Active:

Prospetti ta' xogħol għall-Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prospetti ta' xogħol hemm għall-Maltin ġewwa l-Libja issa li s-sitwazzjoni reġgħet ġejja għan-normal? Tista tgħid x'inhu r-rwol tal-Gvern sabiex dawn l-opportunitajiet ikunu possibbli?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-prospetti ta’ xogħol fil-Libja, bħal f’kull pajjiż ieħor, jiddependu fil-biċċa l-kbira fuq l-inizjattiva personali. Ovvjament, il-Gvern Malti qed jaħdem biex jiffaċilità l-proċess billi jaħdem favur relazzjonijiet kummerċjali dejjem aħjar mal-Libja. Dan qed jagħmlu, fost oħrajn, permezz tal-Malta Enterprise, li se tkun qed torganizza delegazzjonijiet għall-industrijalisti Maltin.

Taxxi miġbura għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isir studju fl-Unjoni Ewropea biex ikun hemm iktar taxxi miġbura ħalli jmorru għall-amministrazzjoni tal-Unjoni Ewropea?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-dhul miġbur mis-27 Stati Membri tal-UE jiffinanzja kemm l-ispiża tal-amministrazzjoni tal-UE kif ukoll l-ispiża taħt kategoriji, jew Headings, oħrajn. L-amministrazzjoni tal-UE taqa’ taħt Heading 5. Kategoriji oħra jinkludu: l-iżvilupp sostennibli (inkluż Cohesion Policy); tħaris u mmaniġjar ta’ riżorsi naturali; cittadinanza, ħelsien, sigurta u ġustizzja; l-UE bħala sieħeb dinji; u kompensazzjonijiet (compensations). Il-perjodu tal-budget tal-UE ser jagħlaq fis-sena 2013 u l-Kummissjoni qed tipproponi riforma fin-naħa tad-dħul fil-Budget Ewropew 2014-2020. L-ammont miġbur ser jiddependi esklusivament mill-infieq tal-EU Budget 2014-2020, li bħal issa qed jiġi diskuss u li fuqu għadu ma ntlaħaq l-ebda qbil.

Taxxi għall-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li qed isiru pjanijiet mill-Unjoni Ewropea biex jibdew jinġabru taxxi biex imorru direttament għall-Unjoni Ewropea? Jista' jgħid jekk dawn it-taxxi humiex se jkunu addizzjonali ma' dawk diġà eżistenti jew jekk humiex taxxi li diġà jeżistu u li se jingħataw forma oħra?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Mosta — Triq Valletta - Karozzi tal-Arriva

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-lights li hemm ħdejn ta' Kinds fi Triq Valletta, inti u dieħel il-Mosta u li qed jintużaw mill-karozzi tal-Arriva biss, jistgħux jibdew jintużaw mill-karozzi kollha ħalli jiġi kkawżat inqas tniġġis minn dawk il-karozzi li meta jkunu jridu jaqbdu t-triq lejn Birkirkara issa jridu jidħlu Triq Valletta u jduru mar-roundabout, ħaġa li tista' tiġi mqassra jekk dan l-arrangament li kien hemm fit-toroq għall-karozzi tal-linja Arriva jibda jintuża mill-karozzi kollha?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li din il-junction ġiet iddisinjata b’tali mod sabiex tiżgura is-sigurta’ kemm għall-vetturi tat-trasport pubbliku bir-rotta li tgħaddi minn Triq Pantar għal Triq Valletta kif ukoll għall-persuni sabiex jaqsmu min-naħa għall-oħra fi Triq Valletta. Waqt l-istadju ta’ ppjanar u ddisinjar ta’ din il-junction, l-alternattiva sabiex il-vetturi kollha jduru fuq il-lemin minn triq Pantar ġiet ittestjata u studjata. Madanakollu, instab li din l-alternattiva mhix waħda fattibli minħabba l-volum ta’ traffiku li jitħalla jgħaddi, li konsegwentament kien se joħloq problemi ta’ konġestjoni u dewmien ta’ traffiku għall-vetturi kollha li jgħaddu minn Triq Valletta.

Teachers trenjati fl-ewwel għajnuna

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-għalliema humiex imħarrġa biex jagħtu l-ewwel għajnuna lill-istudenti tagħhom? Kemm hemm teachers li għandhom dan it-taħriġ u meta kellhom l-aħħar update tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għal mistoqsija parlamentari numru 29582.

Dipartimenti tas-Saħħa — bdil ta' pilloli

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk pazjent li jkun fuq kura u l-pilloli li jkun qed jieħu jinbidlu minħabba li d-dipartiment jixtri pilloli oħrajn li jibdew jaffettwawh b'mod ħażin, jistax jitlob lid-Dipartiment tas-Saħħa sabiex jibqgħu jinxtrawlu l-pilloli oriġinali jekk ma jkunux qed jagħmlu side effects daqs il-pilloli li jkunu qed jinxtraw l-aħħar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li f’każijiet speċjali fejn meta tinbidel ditta ta’ mediċina, xi pazjent ikollu problema, l-konsulent responsabbli mill-pazjent ikkonċernat irid jagħti rapport dettaljat u jipprovdi ġustifikazzjoni b’raġunijiet mediċi għalfejn il-prodott ma jkunx adattat. Kull każ jiġi nvestigat u vverifikat mid-‘Directorate of Pharmaceutical Policy and Monitoring’. Idealment il-konsulent jimla wkoll il-formola ‘ Adverse Drug Reaction Report Form’ li tinstab fuq is-sit elettroniku http://www.medicinesauthority.gov.mt/pub/adr.doc.

anzjani li jieħdu l-għajnuna supplimentari u l-għajnuna tal-mard

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li anzjani li jieħdu l-għajnuna supplimentari u l-għajnuna tal-mard issa wara ż-żieda tal-budget se jitilfu din l-għajnuna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

pilloli li kienu out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu jiswew fis-suq il-pilloli li kienu out of stock item b'item bejn Novembru 2010 u Novembru 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment Ċentrali tal-Procurement u Supplies (Taqsima tas-Saħħa) ma jkollux il-market value tal-mediċini. Din l-informazzjoni tista tinkiseb mill-Malta Competition and Consumer Affairs Authority jew minn fuq il-website tal-Awtorità tal-Mediċini.

żieda ta' operazzjonijiet u interventi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm żdiedu l-operazzjonijiet u l-interventi fil-qasam tas-saħħa, f'liema dipartimenti kien hemm din iż-żieda u x'kienet ir-raguni li wasslet għal din iż-żieda?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn Jannar 2010 u Settembru 2011 kien hemm żieda ta’ elf, mitejn u seba’ u ħamsin (1,257)-il operazzjoni. L-ikbar żieda fin-numru ta’ operazzjonijiet ġiet irreġistrata fid-dipartimenti tal-Ortopedija (+620), Kirurġija (+306) u Mediċina (+269). Din iż-żieda fin-numru t’operazzjonijiet hija riżultat tal-fatt li l-utiliżżazzjoni tal- operating theatres f’dawn l-oqsma saret iktar effiċjenti.
Leg 11 PQ #30568 Sitting 439 2012-01-25 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħaddiema Maltin fil-Libja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jafx kemm hemm Maltin u Għawdxin li kienu jaħdmu fil-Libja u minħabba r-revoluzzjoni li kien hemm dawn għadhom ma tħallsux il-pagi tagħhom għal diversi xhur b'lura? Tista' tgħid kif il-Gvern Malti qed jgħin biex dawn in-nies jieħdu dak li huwa tagħhom bi dritt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport lid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg li xi impjegati ta’ kumpaniji Maltin li jaħdmu l-Libja ma tħallsux il-pagi tagħhom. Jekk l-Onorevoli Interpellant jaf b’xi każ partikolari, dan għandu jiġi riferut lid-dipartiment ikkonċernat biex jiġi nvestigat.

Dipartiment tas-Saħħa — dejn

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu dejn b'lura d-Dipartiment tas-Saħħa ma' aġenti u importaturi tal-mediċini u apparat mediku ieħor sal-aħħar ta' Novembru 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ Novembru 2011, iċ-ċifra fi flus li għandhom jingħataw lis-suppliers fuq pilloli u apparat mediku ieħor kienet ta’ għoxrin miljun, sitt mija u sitta u għoxrin elf, mija u tmienja u sebgħin Ewro (€ 20,626,178).

dejn tal-Istat Malti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm l-Istat Malti għandu dejn taħt korporazzjonijiet, kumpaniji, aġenziji, xandir nazzjonali u organizzazzjonijiet oħrajn li jrid iħallas u jagħmel tajjeb għalihom it-tax payer Malti u Għawdxi kumpanija, kumpanija u dipartiment, dipartiment?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika ma jistax jagħti l-informazzjoni mitluba kumpanija, kumpanija, iżda biss b’mod aggregat, kif jitlob l-Att dwar l-Awtorità Maltija tal-Istatistika tal-2000. Barra minn hekk, xi kumpaniji għad m’għandhomx il-final audited accounts, u għalhekk il-figuri ta’ xi kumpaniji għadhom proviżorji.

ikel li jiġi mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jitqassam l-ikel li jiġi mill-Unjoni Ewropea bħala għajnuna għal dawk li għandhom kartuna roża, raħal b'raħal u belt, belt minn Jannar sa Novembru 2011?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali huwa responsabbli biss fil-ħrug ta’ ċertifikat ta’ eligibbilta permezz ta test tal-mezzi jew lil persuni li jirċievu għajnuna soċjali jew pensjoni mhux kontributorja. It-tqassim ta l-ikel jaqa taħt l-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u għalhekk ma tistax tingħata l-informazzjoni meħtiega.

droga li nqabdet qabel ma ġiet importata lejn Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga li kienet se tiġi importata lejn Malta bejn Novembru 2010 u Novembru 2011? X'kienet din d-droga u minn liema pajjiż kienet ġejja?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi d-droga maqbuda dieħla Malta bejn Novembru tas-sena l-oħra u Novembru ta’ din is-sena, kienet is-segwenti:-: Cocaine 4kgs215.8grs Dusseldorf, Rome, Paris, Zurich, Prague Heroin 3kgs805.4grs Brussels, Paris Cannabis Resin 82kgs338grs Zurich, Dubai, North Africa Khat 1,434kgs Gatwick, Luton Cutting Agent 5kgs829.25grs Luton, Zurich, Brussels Ecstasy look-a-like 29tablets Prague Mephedrone 619grs Prague

persuni li jieħdu d-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li kien hawn persuni fuq id-droga? X'kienet din it-tip ta' droga li kienu qed jieħdu fil-perjodu tas-snin 2008, 2009, 2010 u 2011 f'Malta u Għawdex reġjun b'reġjun?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Pitkalija — tkissir ta' kaxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tkissru kaxxi fil-Pitkalija matul dawn l-aħħar għaxar xhur? Kemm kienet il-medja li jitkissru kaxxi matul is-snin 2008/9/10 kull sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab informat li f’dawn l aħħar 10 xhur iddaħħlu 20,000 kaxxa miksura l liema kaxxi kienu kollha manifatturati fi żmien li Pitkali Crates Ltd kienu responsabbli minnhom u l-ebda waħda ma kienet mil-lot ta’ 43,000 li saru mill-Ministeru f’dawn l-aħħar għaxar xhur minn meta rega’ ħa r-responsabbiltà ta’ din il-funzjoni. Dan joħroġ mill-marka tas-sena ta’ manifattura li jkollha kull kaxxa. Matul is-snin l-oħra msemmija mill-Onorevoli Interpellant, il-Pitkali Crates Ltd li kienet responsabbli għal dawn il-kaxxi u li kellha l-obbligu li tissostitwixxi l kaxxi miksura a spejjeż tagħha b’kaxxi ġodda, qatt ma rrappurtat figura preċiża ta’ kemm kien hemm kaxxi miksurin.

testijiet tas-CPC

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda t-test tas-CPC jiġifieri tal-vetturi kbar, li suppost kellu jibda f'Settembru 2008? Jista' jgħid jekk it-testijiet li qed isiru issa humiex rikonoxxuti u jekk dawn iridux jagħmlu xi testijiet oħrajn?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li t-testijiet tas-CPC għal sewqan ta' karozzi tal-passiġġieri b'kiri jew kumpens, iridu jsiru lil kull min ikun kiseb il-liċenzja tas-sewqan fil-kategorija D, D+E, D1, D1+E jew F wara l-10 ta' Settembru 2008 u dan wara li jkunu attendew kors ta' taħriġ appożitu u sakemm ikollhom reputazzjoni u kondotta tajba. Sa issa kienet Arriva Malta li, wara l-approvazzjoni ta' Transport Malta, bdiet toffri dan il-kors ta' taħriġ għax-xufiera tagħha. Huwa mistenni li l-ewwel testijiet tas-CPC ser isiru minn Transport Malta għal-ħabta ta' Frar li ġej lill-grupp ta' xufiera ta' Arriva. Sadanittant Transport Malta qed tikkonkludi taħditiet mal-MCAST sabiex din ukoll tkun approvata biex toffri il-kors ta' taħriġ meħtieġ. Sa dakinhar persuni li għandhom reputazzjoni u kondotta tajba u li ġabu l-liċenzja li semmejt iktar qabel, wara l-10 ta' Settembru 2008, qed jinħarġilhom permess temporanju biex isuqu vetturi għall-ġarr ta' passiġġieri b'kiri jew kumpens, bil-kundizzjoni li dawn jattendu l-kors ta taħriġ u joqgħodu għall-eżamijiet hekk kif dawn ikunu disponibbli għalihom.