Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #31063 Sitting 444 2012-02-13 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Hop-on, Hop-off buses

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta u kif se jiġu regolati l-assedji fuq it-turisti hekk kif jirfsu ċ-Ċirkewwa mill-ħaddiema taż-żewġ operaturi tal-Hop-on, Hop-off buses f'Għawdex peress li dan li qed jiġri huwa konformi mal-liġi tal-fair competition, meta tqis li setturi oħra li huma suġġetti li jaħdmu biss fil-konfini tal-gżira Għawdxija u xogħolhom qed jiġi meħud qabel ma t-turisti jaslu f'Għawdex?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Persuni b'diżabilità — servizz fil-komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’diżabilità jistennew biex jibdew jingħataw servizz ta’ sapport fil-Komunità wara li dawn ġie approvat lilhom li jkollhom persuna li tagħti tant sigħat fil-ġimgħa ta’ Servizz fil-Komunità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ilma tax-xorb — traċċi ta' bexx

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28817 u jgħid jekk il-bexx li jintuża bħala pestiċida jaffettwax il-water table u jekk hemmx studji li juru traċċi ta' dan il-bexx mal-ilma tax-xorb?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li llum is-sustanzi kollha li huma permessi fuq is-suq iridu qabel xejn jkun approvati fil-livell tal-Unjoni Europea wara li s-sustanza attiva tkun giet evalwata. Barraminhekk isir ukoll moniteraġġ tal-użu ta' dan il-prodotti rigward jekk ikollux xi effetti kemm fuq il-prodott innifsu kif ukoll fuq il-watertable. Din l-awtorizazzjoni biex jitpoġġa fis-suq u l-monitoraġġ fuq il-prodotti agrikoli hija responsabbiltà tal-Awtorità ta’ Malta ghall-Kompetizzjoni u għall-Affarjiet tal-Konsumatur. Jien infurmat li l-analiżi fuq l-ilma tax-xorb isiru mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta’ l-Ilma. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment li hu responsabbli mill- Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma.

Spezzjoni fuq il-frott u l-ħaxix minħabba pestiċidi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28815 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm saru spezzjonijiet matul is-sena 2010 biex jaraw li l-frott u l-ħaxix li jkun hawn fis-suq Malti u Għawdxi ma jkollux kwantità kbira ta' pestiċidi ġo fih? Jista' jgħid kif jiġi ċċekkjat li l-frott ma jkollux pestiċidi u li huwa tajjeb għall-ikel? Jista' jgħid fejn jiġi ċċekkjat u kemm jiġi jiswa dan il-proċess kollu?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Infurmat li l-ammont ta’ spezzjonijiet fuq frott u ħaxix matul is-sena 2010 saru 129-il spezzjoni. Dawn il-prodotti kienu jinkludu kemm prodotti mkabbrin Malta kif ukoll prodotti impurtati min pajjiżi differenti. Il-prodotti li ġew analizzati ittieħdu kollha minn fuq is-suq Malti. It-testijiet saru ġewwa laboratorju akkreditat ġewwa Sqallija u kull test ġie jiswa Eur 110. Għalhekk il-proċess biex jiġu testjati dawn il-129 prodott ġie jiswa Eur 14,190.

NGO — użu ta' faċilitajiet sportivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux faċilitajiet sportivi offruti lill-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi bħas-Soċjetà tal-Museum li jkunu jridu jieħdu t-tfal jilagħbu l-Ħadd wara nofsinhar? Tista' tgħid jekk dawn il-faċilitajiet humiex b'xejn jew inkella humiex against payment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kunsill Malti għall-iSport (KMS) għandu skemi apposta biex għaqdiet reġistrati miegħu jagħmlu użu b’rati sussidjati ħafna tal-faċilitajiet sportivi amministrati mill-istess KMS. Barra minn hekk, il-KMS joffri l-użu tal-istess faċilitajiet lil għaqdiet li jaħdmu maż-żgħażagħ b’rati favorevoli wara ftehim li sar bejn il-KMS u l-Aġenzija Żgħażagħ. Il-KMS għandu wkoll programm sportiv flimkien mas-Soċjetà tal-MUSEUM tas-subien li permezz tiegħu isir użu tal-faċilitajiet fil-Kulleġġ San Benedittu u l-Kulleġġ San Injazju l-Ħadd wara nofsinhar. Dan il-programm sportiv huwa bla ħlas.

NGO — faċilitajiet sportivi b'xejn

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistux faċilitajiet sportivi mingħajr ħlas li jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom l-Organizzazzjonijiet Non-Governattivi bħall-Museum il-Ħadd wara nofsinhar? Jekk iva, fejn u x'inhuma dawn il-faċilitajiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm numru ta’ faċilitajiet sportivi amministrati mill-Kunsill Malti għall-iSport li l-użu tagħhom huwa b’rati sussidjati għall-entitiajiet reġistrati mal-KMS jew dawk reġistrati mal-Aġenzija Żgħażagħ, filwaqt li hemm oħrajn li l-użu tagħhom huwa b’xejn għal kulħadd. Il-faċilitajiet b’rati sussidjati huma l-faċilitajiet fil-Kumplessi Sportivi kollha amministrati mill-KMS u l-faċilitajiet sportivi fl-iskejjel. Dawk b’xejn huma t-tracks fil-Kulleggi San Injazju u San Benedittu permezz tal-Walking & Jogging Club, l-Out Door Fitness Centre f’Ta’ Qali u l-High Ropes Course f’Ta’ Qali wkoll.

Nursing Officers — Qasam tas-Saħħa u Sptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex intgħażlu l-persuni li se jinħatru l-Nursing Officers fil-Qasam tas-Saħħa u fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kriterji li ntużaw biex intagħżlu l-persuni li se jinħatru nursing officers fil-Qasam tas-Saħħa huma kif spjegati hawn taħt: - Related Professional Knowledge Max Marks – 90 - Relevant Experience Max Marks – 75 - Abilities required for the post Max Marks – 60 - Qualifications Max Marks – 45 - Personal Qualities Max Marks – 30 Total Max Marks - 300

Nursing Officers — Qasam tas-Saħħa - postijiet vakanti għal nurses

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li ħarġu r-riżultati tan-Nursing Officers kemm hemm iktar postijiet vakanti fil-Qasam tas-Saħħa fejn jidħlu nurses? Fejn huma u f'liema gradi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li filwaqt li l-ħatra ta’ numru ġdid ta’ nursing officers se joħloq numru ta’ consequential vacancies fil-grad ta’ deputy nursing officer, il-mili ta’ dawn il-vakanzi huwa suġġett għall-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll il-Public Administration HR Office fl-uffiċċju tal-Prim Ministru, skont l-esiġenzi tas-Servizz Pubbliku.

għajnuna lill-bdiewa u raħħala wara l-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet, fiex u lil min ingħatat l-għajnuna lill-bdiewa u raħħala wara l-maltemp li laqat lil pajjiżna fl-ewwel ta' Diċembru, 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30926.

ftuħ tal-Kuleġġ Marija Regina, fil-Mosta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ġiet tiswa ċ-ċerimonja u l-open weekend fl-okkażjoni tal-ftuħ tal-Kuleġġ Marija Regina, fil-Mosta item, item?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kulleġġ Marija Reġina — taħriġ għall-opening

Question

Tista' l-Ministru tiggwida lil din il-Kamra u tgħidlina jekk it-tfal li organizzaw l-openinig tal-Kuleġġ Marija Reġina, fil-Mosta ingħatawx taħriġ minn xi persuna jew kumpanija privata biex għamlu dan? Jekk iva, min kienet il-kumpanija privata jew individwu li ta t-taħriġ lill-istudenti biex huma setgħu jtellgħu l-features dwar dan il-kuleġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tfal li pparteċipaw fil-features kellhom workshop dwar kif jesprimu lilhom infushom b’kunfidenza. Waqt il-workshop, l-istudenti għamlu kummenti li ntwerew fil-features. Il-Where’s Everybody għamel il- filming u l-editjar tal- features , kif ukoll il-produzzjoni ta’ riklam ta’ 30 sekonda bħala promozzjoni għall-Open Weekend li sar fil- weekend ta’ wara l-inawgurazzjoni. Il-Where’s Everybody intgħażel biex jagħti dan is-servizz wara li ntalbu kwotazzjonijiet minn tliet kumpaniji rinomati fis-settur: Lighthouse and Ashley Offerta ta’ €17,500 (+ VAT) Studio 7 Offerta ta’ €26,500 (+ VAT) Where’s Everybody Offerta ta’ €5,500 (+ VAT)

interective white boards fl-iskejjel f'Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn interactive white boards fl-iskejjel f'Malta u Għawdex? Tista' tgħid kemm minn dawn l-interactive white boards hemm jaħdmu u konnettjati u kemm hemm li għalkemm għandhom l-apparat fl-iskola għadhom mhux jintużaw bħalma hemm fil-Mosta Primary Kindergarten?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iskejjel f’Malta u Għawdex, bħalissa għaddej il-proċess ta’ istallar ta’ Interactive White boards ġodda fil-klassijiet tal-iskejjel statali. Qabel ma nbeda dan il-proċess kien hemm erba’ mija u disgħa u tletin (439) Interactive White board installati f’Computer labs, Physics, Biology u Science labs kif ukoll fil-klassijiet tal-Year 5 u xi Resource Rooms. Bil-proċess li għaddej bħalissa ser jitwaħħlu elf tmien mija u sitta u sebgħin (1876) interactive whiteboard ieħor fil-klassijiet primarji, sekondarji u post sekondarji. Dan il-proċess għadu għaddej u bħalissa ġew installati mal-elf u seba’mitt (1700) Interactive White board . Fil-maġġoranza tagħhom dawn l- interactive white boards ġew imwaħħla, ttestjati u irranġati fejn kien hemm bżonn. Il-proċess jinvolvi wkoll Quality Assurance qabel ma dawn l- Interactive White boards jiġu meqjusa bħala kkummissjonati. Ta’ min jgħid ukoll li waqt li qed isir dan ix-xogħol, qed isir xogħol ieħor li jinvolvi żieda ta’ network points kif ukoll bdil ta’ electricity points f’ċerti skejjel f’Malta. Skont l-informazzjoni li għandna l-iskejjel kollha għandhom l-elettriku mwassal sal- interactive white board u dawn kollha jiffunzjonaw. L-apparat li hemm fl-iskola kindergarten tal-Mosta ilu jiffunzjoni b’mod regolari minn qabel il-vaganzi tal-Milied.

użu tas-safeguard clause biex tipproteġi l-bidwi u r-raħħal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba kemm ilna li dħalna membri sħaħ fl-Unjoni Ewropea, intużat is-safeguard clause biex tipproteġi l-bidwi u r-raħħal Malti? Jista' jgħid f'liema settur intużat u kemm-il darba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 549, ninfurmaħ li din il-klawsola qatt ma ġiet applikata grazzi għall-għaqal u l-kapaċità ta’ dan il-gvern li jħares 'il quddiem, il-kundizzjonijiet gravi li jwasslu għall-applikazzjoni tas-safeguard clause ma seħħewx.

Bereġ Tal-Gvern — ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 28818 u jgħid kemm huwa l-full complement tal-istaff li għandu bżonn fil-bereġ tagħna bħal ECG Technicians, radiographers, nurses u staff ieħor biex il-kliniċi tas-saħħa jkunu jistgħu joperaw 24 siegħa kuljum?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-full complement tal-istaff jiddependi fuq l-esiġenzi tad-Dipartiment tal-Kura Primarja, kif ukoll fuq l-approvazzjoni tal-Capacity Building Exercise.

Servizzi mediċi — lista tad-drittijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċittadin għandux lista tad-drittijiet meta jidħlu servizzi mediċi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċittadini intitolati għandhom dritt għas-servizzi mediċi li jinsabu fil-pakkett ta’ servizzi offruti mill-Gvern kif ukoll xi servizzi oħra li l-Gvern jista’ jdaħħal minn żmien għal ieħor. Il-Gvern qiegħed jaħdem ukoll fuq it-transpożizzjoni tad-direttiva dwar l-applikazzjoni tad-drittijiet tal-pazjent fil-kura tas-saħħa transkonfinali li għandha twassal biex ikollna lista ta’ drittijiet tal-pazjent. Din id-direttiva tidħol fis-seħħ fit-23 ta’ Ottubru 2013.

operazzjonijiet fil-privat

Question

Jekk il-Ministru stess qed jgħid li ħadd ma jaf kemm qed isiru operazzjonijiet fil-privat għaliex ħadd ma jieħu rekord ta' dan ix-xogħol, allura jista' l-Ministru jgħid kif tista' ssir strateġija nazzjonali u ppjanar ta' x'għandu bżonn li jinvesti fih il-pajjiż, jekk m'hemmx rekord ta' x'tip u kemm qed isiru operazzjonijiet fil-privat? Kif jiġu moniterjati t-trends li jkun għaddej minnhom il-pajjiż?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

proġetti għall-poplu fil-qasam tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ppjanar sar u kif jiġu proġettati proġetti għall-poplu tagħna fil-qasam tas-saħħa jekk data importanti bħal kemm isiru operazzjonijiet fil-privat lanqas biss tinġabar u allura mhux qed jiġi moniterjat kemm attwalment qed isiru interventi ta' kull tip u ta' kull xorta fil-pajjiz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30921.

kwalità ta' kura lill-pazjenti li jagħżlu li jmorru fl-isptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi garantit li qed jingħataw kwalità ta' kura l-pazjenti li jagħżlu li jmorru fl-isptarijiet privati u li jkollhom moħħhom mistrieħ li dak li qiegħed isir fuqhom huwa prattiċi aċċettat fid-dinja moderna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Kliniċi u Sptarijiet Privati huma irregolati mill-Leġiżlazzjoni Sussidjarja 458.23 (Liċenzji Għal Kliniċi Privati). Dawn jiġu spezzjonati minn spettorat multi-dixxiplinarju b’l-iskop illi jissalvagwardja s-Saħħa Pubblika u jaċċerta li l-kwalita` ta’ kura ipprovvduta f’dawn il-kliniċi/sptarijiet hi ta’ livell tajjeb. La darba ikun stabbilit li l-entita konċernata tilħaq il-livell meħtieġ, tinħareġ il-liċenzja.

qasam tas-saħħa fil-privat — flus fuq tobba u interventi mediċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li jintnefqu flus fuq tobba u interventi mediċi fil-qasam tas-saħħa fil-privat?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-istima tan-nefqa fuq tobba u interventi mediċi kif kwotat fir-rapporti anwali tan-national accounts maħruġa mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika fil-qasam tas-saħħa fil-privat huwa dan: 2008 €000 2009 €000 2010 €000 Final Household Consumption Expenditure 69,129 76,624 80,686

ħsarat bil-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li saru ħsarat bil-maltemp li ħabat mal-pajjiż kollu fl-ewwel gimgħa ta' Diċembru, 2011?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżenetment għadha qiegħda tkun analizzata u evalwata l-informazzjoni miġbura.