Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011? Jista' jgħid jekk kienx hemm żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li jkunu qed jagħmlu visita jew inkella li qed ikunu ospitati fl-Isptar Mater Dei? Jista' jgħid x'mekkaniżmu qed jintuża biex jiġbor l-informazzjoni meħtieġa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-inċidenza tal-infezzjonijiet tal-għajnejn matul is-sena 2011 kienet ta’ 37 pazjent, waqt li fis-sena 2010 kien hemm 23 pazjent. Dan l-informazzjoni qed tinġabar mill-Hospital Activity Analysis Register.
L-informazzjoni dwar iż-żieda ta' infezzjonijiet tal-għajnejn minn pazjenti li kemm ikunu qed jagħmlu viżta jew inkella li qed jkunu ospitati fl-Isptar Mater Dei ma tistgħax tinġabar.
Tista' l-Ministru tgħid jekk jeżistix pool ta' facilitators li jkunu jistgħu jibdlu lil dawk il-facilitators li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Teżisti ‘pool’ ta’ ‘On Call’ supply learning support assistants biex jibdlu lil dawk is-supply/learning support assistants li għal xi raġuni jew oħra ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol.
Hija konxja l-Ministru tas-sistema kif taħdem illum u s-servizz tal-facilitators, fejn fost oħrajn meta xi drabi l-facilitator ikun assenti mix-xogħol tiegħu t-tfal jintbagħtu lura d-dar bil-konsegwenza li din l-esperjenza tkun trawmatika għat-tfal li għandhom bżonn dan is-servizz speċjalment fejn jidħlu it-tfal tal-kindergarden?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Meta learning support assistant tkun assenti, l-iskejjel għandhom is-servizz tal-on-call supply learning support assistant. Regolarment tinfetaħ sejħa għall-applikazzjonijiet biex il-pool tal-on-call supply learning support assistants dejjem tiġi msaħħa.
Spezzjonijiet fuq is-sistemi tal-katusi tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk jsirux spezzjonijiet fuq is-sistema tal-katusi li jwasslu d-drenaġġ mid-djar, irħula u bliet tagħna sa ma dan jiġi trattat? Kemm-il spezzjoni saret matul is-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li jsiru spezzjonijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ b’mod regolari. Matul is-sena 2011 saru 702 spezzjonijiet għal total ta’ 52.3km.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn l-ispezzjonijiet li jsiru fuq is-sistema tal-katusi tad-drenaġġ iwasslux biex jittieħdu azzjoni neċessarja? Jekk iva, jista' jsemmi x'kienu l-azzjonijiet li ttieħdu matul is-sena 2011?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tieħu l-azzjonijiet kollha neċessarji wara li jkunu saru l-ispezzjonijiet fuq is-sistema tad-drenaġġ. Dawn jikkonsistu fi bdil ta’ katusi difettużi, kxif ta’ tappieri, tindif tas-sistema, kif ukoll tiswijiet żgħar lokalizzati.
Jista' l-Ministru jghid jekk il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal, ċanga u fniek għall-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 kelliex żieda fuq produzzjoni tal-istess prodotti tas-sena 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li għar-rigward il-produzzjoni tal-laħam tal-majjal u ċanga iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika, ninfurmaħ li l-informazzjoni rigward il-produzzjoni tal-laħam tal-fenek għadha qed tinġabar
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qabda tal-ħut ta' matul l-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 kenitx ikbar jew iżgħar mill-qabda tal-ħut tal-istess perjodu tas-sena 2010?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi, Ekonomija u Investiment responsabbli mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-iStatistika.
statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija
Question
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm qed jidħol xogħol il-pitkalija u allura jekk kienx hemm tibdil fix-xogħol li jidħol hemm minħabba l-monti tal-bdiewa?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba rigward il-prodott dikjarat imdaħħal fil-Pitlklija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm f'Diċembru 2011 bdiewa li jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u jekk hemmx applikazzjonijiet ta' aktar bdiewa li jridu jibdew jarmaw? Jista' jgħid jekk kienx hemm bdiewa li bdew jarmaw fuq il-monti tal-bdiewa u għal xi raġuni jew oħra ma baqgħux? X'kienu r-raġunijiet?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li f’ Dicembru li għadda kien hemm 38 bdiewa u raħħala jarmaw fis-suq tal-bdiewa.
Mill-grupp oriġinali li kienu jarmaw fis-suq, kien hemm numru ta’ bdiewa li ma baqgħux jarmaw għal ruġunijiet varji. Kien hemm bdiewa li għal raġunijet personali waqfu minn rajhom filwaqt li oħrajn kien instab li kisru r-regolamenti u ttieħdilhom il permess li jarmaw. Fl-stess perjodu kien hemm numru ta’ applikazzijonijiet minn bdiewa li urew ix-xewqa li jarmaw f’dan is-suq liema applikazzjonijiet qed ikunu pproċessati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa kkalkulat li niżlet xita matul is-snin 2009/10 u 2011? Jista' jgħid kemm huwa kkalkulat li nġabar minn dan l-ilma u kemm minn dan l-ilma tax-xita reġa' spiċċa l-baħar?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23287, għat-tieni parti tal-mistoqsija tiegħu ninfurmah li mhux possibbli li dan jitkejjel peress biex wieħed jasal għall figura ta’ kemm inġabar wieħed irid jikkonsidra kemm ir-riservi naturali u gibjuni li jappertjenu lil diversi entitajiet tal-gvern, kif ukoll il-fatt li ħafna ilma tax-xita jiġi maħżun fi bjar privati li dwarhom la hemm informazzjoni dwar numri u wisq anqas dawn kemm jesgħu.
Jista' l-Ministru jgħid fejn jinħażen l-ilma tax-xita li jinżel f'Malta u Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġbiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 23316, 22671 u 24535, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minn informazzjoni li għandi hemm 115-il ġibjun li b’kollox hu stmat li jesgħu madwar 173,360 metri kubi (madwar 38.5 miljun gallun) ta’ ilma.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saret manutenzjoni fuq widien u ġibjuni pubbliċi matul is-sena 2011? Liema kienu u kemm ġew jiswew kull proġett?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2011 sar tindif fuq sittax-il wied. Dan ix-xogħol isir fl-istaġun xott, jiġifieri bejn l-aħħar ta’ Mejju u Settembru. Biex ikunu identifikati liema widien jkunu ser jitnaddfu, qabel ma’ jasal dan l-istaġun xott ikun beda programm ta’ ispezzjonijiet biex dawn jiġu identifikati u barraminhekk issir konsultazzjoni mal-MEPA biex tkun żġurata li fil-proċess tat-tindif ma ssirx ħsara lill-ekologija u l-biodiversità tal-istess widien. Ċertu widien prinċipali issirilhom tindif kull sena partikolarment biex partikolarment fejn hemm ilqugħ dawn iżommu aktar ilma kemm biex jitnaqqas ir-risku ta’ għargħar fit-toroq u rħula tagħna, kif ukoll sabiex l-ilma li jinżamm iservi kemm bħala ħażna għal bdiewa tagħna kif ukoll jagħti ċans li dawn l-ilmijiet jiskulaw u jfornu l-ilma tal-pjan.
Dawn il-widien u l-ispiża għalihom kienu kif ġej:
Wied iċ-Ċawsli €13,180
Wied il-Kbir €14,954
Wied is-Sewda €26,687
Wied Ħesri €18,563
Wied tal-Isqof €10,054
Wied Mofru €6,016
Wied Baqqiegħa €8,639
Wied Qlejgħa €63,988
Wied tal-Fiddien €1,935
Wied Liemu €3,438
Wied Qannotta €7,608
Wied Għajn Riħana €4,369
Wied ta’ Ċampra €4,206
Wied Incita €6,135
Wied Għajn Żejtuna €3,600
Il-Kanal tal-Ilma fejn il-korsa taż-żwiemel l-antika fil-Marsa €6,833
Għar-riward tal-ġibjuni, sar xogħol fuq sitta liema xogħol mhux biss kien jirrikjedi tindif iżda wkoll xogħol fuq l-istruttuta u kisi.
Dawn il-ġibjuni li fuqhom sar xogħol matul is-sena li għaddiet flimkien ma l-ispiża għalihom kienu kif ġej
Ġibjun fi Triq il-Wied tal-Imsida €9,089
Ġibjun f’Tal-Ħlas, Haz-Żebbug €2,147
Ġibjun f’Tal-Providenza, Siġġiewi €128
Ġibjun f’San Kelment, Żejtun €5,086
Żewg ġibjuni fi Vjal Santa Luċija, Raħal Ġdid €8,965
Ġibjun f’Ta’ Garnaw, Santa Luċija €2,261
Ġibjun f’Tas-Silġ, Marsaxlokk €4,418
Tliet ġibjuni f’Bir Miftuħ, Gudja €8,587
Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaddfu widien f'Malta u f'Ghawdex u kemm fadal li għad jridu jitnaddfu biex kollha jkunu jistgħu jilqgħu l-ilma tax-xita?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32259, niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li t-tindif tal-wieden m’hihiex proġett fejn wieħed jgħid li xi ħaġa hija lesta u jista’ jitfaħħa wara spallejh; dan huwa process kontinwu fejn il-pjan ta’ xogħol iddettat mill-bżonn u l-urġenza u mhux skont pjan ċikliku. Għaldaqstant ċertu widien isiru kull sena u oħrajn inqas regolari għax ma jkunx hemm dak il-bżonn.
Ninsab konvint li l-Onorevoli Interpellant jifhem li l- widien li l-izjed jkollhom bżonn ta’ tindif huma dawk fejn fihom jakkumula ħafna materjal li jinġarr mal-ilma, u għaldaqstant dawn jitnaddfu kull sena. Fost dawn il-widien wiehed jista’ jsemmi Wied il-Kbir, Wied is-Sewda, Wied Ħesri, Wied il-Luq, Wied tal-Isqof, Wied Qannotta, Wied Għajn Rihana u Wied Qlejgħa. Kif wieħed jista’ jifhem dawn il-widien maġġuri jigu mnaddfa kull sena biex barra li jkunu jistghu jilqghu fihom volum akbar ta’ ilma, fl-istess ħin jitnaqqas ir-riskju ta’ għargħar f’postijiet bħal Ħal Qormi, il-Marsa u Burmarrad.
Tajjeb li ngħid li d-deċiżżjoni dwar l-għażla ta’ fejn isir dan it-tindif tittieħed wara li jsiru spezzjonijiet fihom u wara konsultazzjoni mal-MEPA biex tigi protetta l-ekologija u l-biodiversita’ tal-istess widien
Dwar il-widien li tnaddfu f’Ghawdex, nistiedejn lill-Ononervoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru għal Għawdex.
Jista' l-Ministru jghid jekk il-binjiet li telgħu bejn 2005 u 2011 kollha għandhomx reservior għall-ilma u jekk hemmx raġuni għal dawk li ma għandhomx dan ir-reservior?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont Kapitlu 10, Kodiċi tal-Liġijiet tal-Pulizija, Artiklu 97 (n) (viii):
“Kull dar għandu wkoll ikollha bir miżmum fi stat tajjeb, tal-kapaċit
à
mill-inqas ta’ tliet metri kubi,
għal kull ħames metri kwadri tal-wiċċ tal-art ta’ kull karma ta’ dik id-dar”.
Meta l-Awtorita` ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar toħroġ permess ta’ żvilupp għal dar tinkludi kundizzjoni fil-permess li l-iżvilupp irid jinkludi ġiebja skont kif rikjest f’din il-liġi
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' x'qed jikkawża n-nitrati fl-ilma f'Malta u Għawdex? Hemm xi strateġija biex tikkontrolla dan? Bħala gvern x'qed jagħmel biex jkun qed jmexxi eżempju tajjeb għal dawk affettwati?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari numri 15664, 25134 u 13938.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm żgħażagħ li telqu l-iskola qabel l-età ta' 16-il sena, jiġifieri kmieni, sabiex imorru jaħdmu matul is-sena 2011? Tista' tgħid kemm kellhom żmien dawn iż-żgħażagħ meta għamlu dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew joperaw il-farmers market ta' Raħal Ġdid u San Ġwann? Jista' jgħid jekk dawk li applikaw biex jibdew jipparteċipaw f'dawn il-markets ġewx informati dwar x'se jiġri dwar dawn is-swieq?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għal Mistoqsija Parlamentari 32347.
Bastimenti tas-sajjieda — Stallazzjoni ta' Electonic Log-book
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 31188 u 29681 u ċioe: B'referenza għar-rapporti li dehru fl-istampa li s-sajjieda u l-għaqdiet tagħhom qed jipprotestaw kontra l-introduzzjoni tal-electronic log-books fuq il-bastimenti tas-sajd tagħhom, jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra x'inhi s-sitwazzjoni attwali? X'inhu n-numru ta' bastimenti li fihom ġie stallat dan l- electronic log-book s'issa? Kemm hu n-numru ta' bastimenti li fihom għadu ma ġiex stallat dan l-apparat? Sa meta hemm żmien biex jiġi stallat dan it-tagħmir? Jaħseb li sa din id-data s-sajjieda jkollhom żmien biżżejjed biex jottempraw ruħhom ma' dawn id-direttivi? Hemm xi penalitajiet li jistgħu jiġu imposti fuq dawk is-sajjieda li ma jistallawx dan l-apparat fil-ħin? X'inhuma dawn il-penalitajiet? Peress li s-sajjieda qed jgħidu li għandhom problemi biex iħaddmu dan l-apparat, x'taħriġ ingħataw jew se jingħataw dawn is-sajjieda biex ikunu f'pożizzjoni li jħaddmu dan l-apparat b'effiċjenza?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31187 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u mistoqsija parlamentari 27403 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex persuna li għandha saqajha amputata għandha bżonn ċertifikat ta' tabib li jgħid dan, meta dan huwa fatt li jkun jidher u mhux qed nitkellmu fuq fatt li ma jidhirx, biex jintbagħat personnel apposta ħalli jgħin lil din il-persuna u din il-persuna ma jkollhiex titla' l-Evans Building fis-sular ta' fuq biex tagħmel il-passaport?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi preżentement il-proċedura hija li jekk persuna ma tistax tmur personalment l-Uffiċċju tal-Passaporti minħabba raġunijiet ta’ saħħa jew mard, wieħed mill-qraba tagħha jista’ japplika f’isimha. Biex isir dan wieħed irid jibgħat l-Formola A, l-Image Capture Application Form, ritratti, l-passaport preżenti u l-Karta tal-Identita` u dan sabiex persuna jiġi kemm jista' jkun evitat lilha l-bżonn li tmur l-Evans Building. Ma' dawn id-dokumenti huwa rikjest li jintbagħat ċertifikat mediku (iffirmat mit-tabib tal-persuna) li jikkonferma l-kundizzjoni medika u r-raġuni għaliex il-persuna ma tistax tiġi personalment biex tapplika u tiġbor il-passaport. Il-persuna li se tapplika u tiġbor il-passaport tal-persuna li ma tkunx tista' toħroġ minn darha għandha wkoll tkun indikata fuq iċ-ċertifikat mediku. Persuna li se tissottometti l-applikazzjoni trid tieħu magħha wkoll il-Karta tal-Identita` tagħha. Iċ-ċertifikat mediku għalhekk qiegħed jiġi mitlub sabiex jindika dan kollu pero' invista ta' dan il-każ partikolari ser jiġi mistħarreġ jekk tistax tinstab sistema differenti li ma tagħtix lok ta' abbuż.
L-Uffiċċju tal–Passaporti huwa konxju tal-problemi li ċerti individwi jista jkollhom sabiex jaċċessaw il-bini. Għalhekk qed isiru taħditiet mal-Kummmissjoni Nazzjonali għal Persuna b’Diżabilita (KNPD) u mal-entitajiet l-oħra li jużaw l-istess bini sabiex jinsabu mezzi ħalli tingħeleb din il-problema b’mod effettiv. Fil-fatt diġa' ġew imfassla xi pjanti f’dan is-sens. L-Uffiċċju tal-Passporti huwa ovvjament lest li jieħu azzjoni sabiex jiġi implimentat mingħajr dewmien dak li jiġi miftiehem mal- KNPD. Sakemm din il-kwistjoni tiġi solvuta, l-Uffiċċju tal-Passaporti qed jagħmel dak kollu li jista' sabiex persuni li jużaw siġġu bir-roti jew li ma jistgħux jitilgħu taraġ jinqdew xorta waħda.