Legislature:
Category:
Reset
Active:

prezzijiet tal-mediċini li roħsu f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jippubblika l-prezzijiet tal-mediċini li roħsu f'Malta u jgħid jekk huwiex lest li jippubblika l-istess prezzijiet tal-istess mediċini fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bħal Sqallija, Ċipru, Spanja u l-Portugal? Jista' jgħid jekk teżistix informazzjoni li turi l-prezzijiet tal-istess prodott mal-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li ma teżiztiex informazzjoni li turi l-prezzijiet tal-istess prodott mal-pajjizi kollha tal-Unjoni Ewropea. Bil-mekkanizmu presenti sabiex jiġi stabilit jekk il-prezz hux ġust u raġjonevoli, il-prezz li jħallas il-konsumatur f’Malta jiġi mqabbel mal-prezz medju li joħrog minn basket ta’ numru ta’ pajjizi Ewropej jiġifieri ser ikun hemm pajjizi li l-mediċina tinbiegħ ogħla minn Malta u oħrajn li tkun orħos. Il-lista tal-prezzijiet tal-medicina li roħsu kif ukoll kif jinbiegħu fil-pajjizi mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

regolatur fuq prodotti importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru responsabli għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u Konsumatur.

informazzjoni dwar mediċini li għolew jew raħsu fil-prezz

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm raħsu u kemm għolew il-mediċini matul is-snin 2007/8/9/10/11? Jista' jagħti lista b'din l-informazzjoni?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li n-numru tal-mediċina li raħset kien hekk: 2007 38 medicina 2008 9 medicina 2010 91 medicina 2011 85 medicina Il-lista tal-mediċina li raħset fl-2007 u 2008 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra waqt li l-mediċina li raħset fl-aħħar sentejn tinstab fir-risposta tal-mistoqsija 32491. L-Awtorita ma għandiex informazzjoni tal-medicina li setgħet raħħset jew għoliet jekk mhux dak bl-intervent tal-Awtorita.

Ġurnal Flimkien — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien wassal biex il-ġurnal Flimkien maħruġ mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani waqaf u reġa' beda jigi ppubblikat issa? Għaliex waqaf u għaliex reġa' beda jiġi ppubblikat? Kemm hemm abbonaturi fih u kemm jiġi jiswa lid-dipartiment biex jippubblika dan il-fuljett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-rivista msemmija mhijiex pubblikazzjoni ta’ dan il-Ministeru.

Ġurnal Biedja u Sajd — informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien wassal biex il-ġurnal Biedja u Sajd maħruġ mill-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali jitwaqqaf għall-perjodu u issa jerġa' jiġi ppubblikat? Għaliex waqaf u għaliex reġa' beda jiġi ppubblikat? Kemm hemm abbonaturi fih u kemm jiġi jiswa lill-ministeru biex jippubblika dan il-fuljett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pubblikazzjoni ta’ dan il-ġurnal kienet sospiża għal xi żmien kiex ikun aġġornat fid-dawl ta’ suġġerimenti li twasslu ħalli jkun aktar relevanti. Fid-dawl tal-popolarità li gawda, kien hemm talba kontinwa għalih anke meta l- pubblikazzjoni twaqqfet temporanjament. Barraminnhekk din il-pubblikazzjoni uriet li kienet għodda siewja ta’ aggornament dwar l-iżviluppi u opportunitajiet għall-bdiewa u s-sajjieda. Oriġinarjament kien hemm madwar 2,000 abbonat waqt li issa qed ikun distribwit lis-sajjieda u bdiewa kollha registrati kif ukoll lill-dawk kollha li juru x-xewqa li jirċevuh L-stampar ta’ din il-ħarġa sar permezz ta’ sejħa għal offerti u ser tiġi tiswa €1,491. Hemm ukoll spejjeż ta’ posta li jlaħħaq €1,443.

karrijiet tal-karnival — kumpens

Question

Jista' l-Minstru jgħid jekk meta jiġri xi inċident hekk kif ġara u li fih inħaraq karru tal-karnival u spiċċa fix-xejn wara dak is-sagrifiċċji kollha li jkunu għamlu, hemm xi tip ta' għajnuna li dawk li jkunu ħadmu fuq il-karru jkunu jistgħu jitolbu għaliha bħala kumpens tas-sagrifiċċju li jkunu għamlu? Din l-għajnuna tingħata mill-Unjoni Ewropea jew min-naħa tal-gvern?

Response (DEMARCO, MARIO)

Il-parteċipanti tal-Karnival jirċievu ‘advance money’ bħala għajnuna sabiex jaħdmu l-karru. F’dan il-każ partikolari l-parteċipant diġà ħa għajnuna bil-quddiem ta’ €942.50. L-għajnuna tingħata kollha mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti u ma nirċievu l-ebda kumpens mill-Unjoni Ewropea rigward il-Karnival.

Dritt għall-istipendju

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk studenta li jkollha l-ġenituri tagħha Maltin u li tkun trabbiet il-Kanada għandhiex dritt għall-istipendju jekk tiġi tistudja fl-Università ta' hawn Malta ? Tista' tgħid meta persuna jkollha dritt u meta ma jkollhiex dritt għall-istipendju bħala studenta universitarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qiegħda npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-Avviż Legali li jirregola l-Għotjiet ta’ Manteniment lill-Istudenti għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant.

Dannu għas-saħħa fil-komunità

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabli li jsegwi dak li jkun qed jiġri fil-komunità li jista' jkun ta' dannu għas-saħħa tal-poplu tagħna? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudji u r-rapporti li tali aġenzija/dipartiment jew nukleu ta' ħaddiema li għandhom fejn dawn jikkonfermaw li l-antenni tat-telefonija ċellolari ma tagħmilx ħsara lill-poplu tagħna?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kull antenna tat-telefonija ċellolari stallata f’Malta u Għawdex ġiet approvata u ittestjata mill-Awtorita` kompetenti li hija l-Awtorita` ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni biex tikkonferma l-livelli ta’ radjazzjoni rakkomandati għall-pubbliku skont ir-rapport “Report on recommendations for limiting Human Exposure to Time-varying electric, magnetic and electromagnetic fields in the frequency range from 0 Hz to 300 GHz” maħruġ mill-International Commission on Non-Ionizing Radiation Protection (ICNIRP). (Anness 1) It-testijiet fuq dawn l-antenni isiru skont il-frekwenza li fiha jkun qed jopera l-apparat li jkun qiegħed jiġi ttestjat kif ukoll skont ir-Rakkomandazjoni tal-Kunsill Ewropew dwar il-limitazzjonijiet ta’ exposure tal-pubbliku in ġenerali għar-radjazzjoni elettromanjetika (0 Hz to 300 GHz) (1999/519/EC). Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika timxi fuq ir-rakkmandazzjonijiet li toħroġ l-Organiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa li tirrevedi l-implikazzjonijiet fuq is-saħħa minn radjazzjoni elettromanjetika minn antenni tat-telefonija ċellolari. S’issa l-Oganiżżazzjoni Dinjija tas-Saħħa ikkonkludiet li m’hemm l-ebda effett sostantzjali fuq is-saħħa relatat ma’ livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika minn dawn l-antenni. Nista ukoll ninkonferma li mit-testijiet li saru s’issa fuq dawn l-antenni mill-Awtorità ta’ Malta dwar il-Komunikazzjoni, il-livelli ta’ radjazzjoni elettromanjetika f’persentaġġi tal-livell massimu aċċettabli skont ir-rapport imsemmi hawn fuq, kienu dejjem aktar baxxi minn dawk rakkomandati għall-pubbliku. Ir-riżultati ta’ dawn it-testijiet jistgħu jinstabu fuq il-paġna elettronika tal-istess awtorità. Għal rapporti aktar dettaljati fuq dawn l-antenni nitlob lil Onor. Intelpellant jagħmel din it-talba lill-Ministru kkonċernat. Is-Sovrintendenza tas-Saħħa Pubblika tibbaża r-rakkomandazzjonijiet tagħha fuq l-istudji mondjali.

bird skins u bird trophies importati

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ġew importati bird skins u bird trophies minn barra l-Ewropa fis-sena 2011? Kemm saru testijiet (lab tests), kemm kienet l-ispiża ta' dawn it-testijiet u min ħallas għal dawn it-testijiet?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.

nies li ddaħħlu l-emerġenza jbatu minn hypotermia

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm daħlu nies l-emerġenza jbatu minn hypotermia matul ix-xhur ta' Ottubru, Novembru u Diċembru 2011 u Jannar u Frar 2012? Jista' jagħti statistika ta' kemm kien hemm anzjani li batew minn din il-kundizzjoni fil-komunità?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mit-tagħrif miġbur permezz tas-sistemi Hosptial Activity Analysis u A&E Module, in-numru ta’ pazjenti li daħlu l-emerġenża jbatu minn hypothermia (kodiċi ICD-10 T68 u R68.0) matul ix-xhur ta' Ottubru, Novembru, Diċembru 2011 u Jannar u Frar 2012 jinsab irrapurtat fit-tabella hawn taħt: Xahar Numru ta' Każijiet Ottubru 2011 3 Novembru 2011 3 Diċembru 2011 9 Jannar 2012 22 Frar 2012 25 In-numru għal- Frar 2012 huwa proviżorju. Il-maġġoranża tal-pazjenti li żgħaru l-emerġenża jbatu minn hypothermia iżżamew l-isptar għal-iżjed kura. Id-dipartiment m’għandux statistika dwar anzjani li setgħu batew minn hypothermia u m’attendewx fl-isptar Mater Dei.

Isptar Mater Dei — smoking area shelters

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew jiswew is-smoking area shelters fl-Isptar Mater Dei?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-kuntrattur issottometta l-kont relattiv għax-xogħlijiet li għamel fuq l-ismoking shelters. Bħal issa dan qed jiġi ivverifikat mit-tekniċi tal-Isptar Mater Dei. Għaldaqstant l-ammont finali ta’ kemm ġew jiswew dawn l-smoking shelters ma jistax jingħata għalissa.

smoking area shelters — kuntrattur magħżul

Question

Jista' l-Ministru jgħid min bena s-smoking area shelters tal-Isptar Mater Dei u jekk kienx hawn sejħa pubblika qabel ma ntgħażel il-kuntrattur aħħari?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kienet ippublikata sejħa għall-offerti għall-bini ta’ external smoking shelters fis-27 ta’ Lulju 2011 taħt ir-referenza PD58/11. It-tender ingħata lill-Messrs Building Management System.

Servizz ta' facilitator

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm tfal jistennew li jkollhom is-servizz tal-facilitator sa Diċembru 2011? Allura kemm huwa il-persentaġġ globali tat-tfal li jattendu l-iskejjel tal-istat li għandhom il-facilitator magħhom? Tista' tgħid jekk dan il-persentaġġ huwiex rifless ukoll fl-iskejjel privati u tal-knisja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Nuqqas ta' għalliema fil-qasam edukattiv

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx nuqqas ta' għalliema fil-qasam edukattiv? F'liema suġġetti u kemm hemm studenti li qed jiġu affettwati minn dan in-nuqqas? Hemm sitwazzjonijiet għalkemm issa dħalna f'Marzu għadhom bla għalliema ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma jirriżultax li hemm nuqqas ta’ għalliema fl-iskejjel tal-istat.

Dipartiment tal-Edukazzjoni — budget għall-manutenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm huwa l-budget li kull skola għandha biex tagħmel il-manutenzjoni meħtieġa fuq l-istess skola u kif jiġi mqassam dan il-budget mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni għal kull skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-budget li hu allokat għall-iskejjel ta’ Malta biex jagħmlu manutenzjoni ta’ natura minuri hu ta’ €322,114. Din is-somma teskludi l-ispejjeż ta’ xogħol ta’ natura maġġuri li jsir mill-Fondazzjoni għall-iskejjel t’Għada. Teskludi wkoll kull xogħol ta’ networking, maintenance fuq il-kompjuters u l-Interactive White Boards, maintenance ta’ alarm systems u CCTV systems u servizzi oħra li d-Direttorat iqis li għandu jġorr il-piż separat hu tal-ispiża involuta. Is-somma allokata tiġi determinata sew min-numru ta’ studenti li jkun hemm fl-iskola, kif ukoll mill-bżonnijiet partikolari tal-iskejjel jew ċentri, speċjalment dawk bl-istudenti bi bżonnijiet partikolari. Minbarra dan, skola tista’ tagħmel użu minn trasferiment ta’ fondi minn kont għal ieħor biex taġġusta s-somma li l-iskola tagħżel li talloka għall-manteniment meħtieġ. Id-Direttorat iżomm somma ta’ madwar €20,000 biex jalloka matul is-sena biex tintuża f’każ li f’xi skejjel titfaċċa xi problema mhux prevista. Is-sezzjoni responsabbli mis-Servizzi Tekniċi tgħin lill-iskejjel b’mod ġenerali b’sussidju f’forma ta’ providiment ta’ għodda, xogħol u spejjeż oħra li jinħarġu mid-Direttorat waqt li jkun qed isir xogħol ta’ manteniment fl-iskejjel. Hemm numru ta’ skejjel li jagħmlu użu minn dħul ta’ fondi meta faċilitajiet tal-iskola jinkrew bi ħlas lil għaqdiet jew kumpaniji. F’dan il-każ kull dħul jista’ jintuża skont deċiżjoni tal-amministrazzjoni tal-iskola kkonċernata.

Aċċessibilità għat tfal b diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk l-iskejjel kollha humiex aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali u jekk hemmx oħrajn li mhumiex? Jekk hemm li mhumiex, tista' tgħid liema huma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskejjel kollha tal-Istat huma aċċessibli għal tfal b'kundizzjonijiet speċjali, minbarra l-iskola primarja tal-Pietà li l-aċċessibilità għaliha tasal sal-foyer u l-uffiċċini, iżda ma tilħaqx il-klassijiet. Infurmata li s’issa qatt ma kien hemm każi ta’ problemi ta’ aċċessibilità f’din l-iskola.

Frott u ħaxix għat-tfal

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huwa responsabli biex jipprepara l-frott u l-ħaxix għat-tfal tal-iskejjel? Hija konxja il-Ministru li t-tuffieħ lit-tfal ta' tliet snin jingħatalhom bil-qoxra b'kollox u ċ-cherry tomatoes jingħata sħiħ? Ma taħsibx li b'dan il-mod tkun qed iżżid il-probabilità għall-periklu fejn tfal jistgħu jixirqu fil-frott u ħaxix li jkunu qed jieklu u minflok tkun esperjenza sabiħa kif għandha l-intenzjoni li tkun tkun esperjenza trawmatika?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat

Question

Tista' l-Ministru jgħid min huwa responsabli għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat speċjalment fil-ħin meta t-tfal ikunu ħerġin u deħlin l-iskola? Jeżistu linji gwida li min huwa responsabli jrid isegwi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-responsabilità għaż-żamma tal-ordni għat-traffiku madwar l-iskejjel tal-istat hi tal-pulizija. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi flimkien mal-Ministeru tal-Edukazzjoni u Xogħol jaħdem id f’id mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jistabillixxu l-ħinijiet u t-toroq madwar l-iskejjel li għandhom ikunu magħluqa għat-traffiku minn ftit qabel sa ftit wara li jkunu deħlin jew ħerġin it-tfal mill-iskejjel. Draft “Safe Routes to School” – Policy Guidance Document , li nħadmet b’kollaborazzjoni bejn id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, Transport Malta, il-Pulizija, il-Kunsilli Lokali u d-Dipartiment tal-Intrapriżi żgħar. Il-Kapijiet tal-iskejjel huma nfurmati li teżisti din id- Draft Policy , u tintbagħtilhom meta jagħmlu talba għaliha.

Mosta — roundabout b'central strip mhux iddentifikata

Question

Jista' l-Ministru jara li s-central strip li hemm inti u ħiereġ minn Mosta lejn Birkirkara fi Triq Valletta lejn il-Belt fir-roundabout ta' ħdejn ix-showroom tas-Subaru tkun imdawla u identifikata li hemm din is-central strip?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjonili hu responsabbli minn Transport Malta

kumpens għall-ħsara li ġarrbu l-bdiewa minħabba l-maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex se tingħata għajnuna lill-bdiewa u raħħala li ġarrbu ħsarat fil-maltemp ta' nhar l-14 ta' Frar 2012 u nies oħra li ġarrbu ħsarat kbar fis-settur tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżenetment għadha qiegħda tkun analizzata u evalwata l-informazzjoni miġbura.