Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mosta — Żona Santa Margerita - kwestjoni dwar it-trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jkollhom risposta fuq dak li talbu r-residenti taż-żona Santa Margerita fil-Mosta meta diġà resqu petizzjoni f'dan l-istess Parlament biex isir irranġar tas-sistema tat-trasport pubbliku f'din iż-żona minħabba li kif din tinstab illum qed toħloq ħafna ħela ta' ħin u tbatija żejda u l-istess riforma tista' tiġi imtejba iktar bi ftit iktar konsultazzjoni mal-istess residenti?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, se jkunu pprovduti servizzi bejn il-qasam Santa Margerita u l-Belt Valletta u l-Isptar Mater Dei.

Mosta — Ta' Żokrija - trasport pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwx se jkollhom tibdil fir-rotot ħalli r-residenti taż-żona ta' Żokrija fil-Mosta jkunu moqdija aħjar mit-trasport pubbliku peress liema residenti qed ikollhom jimxu tul ta' ħin meta faċilment jekk il-karozza tal-linja li tgħaddi mill-Imġarr tibqa' għaddejja mir-rotta l-antika, jiġifieri tgħaddi minn ħdejn ta' Żokrija u tibqa' sejra lejn il-Belt?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li mill-iskeda tas-sajf 2012, b'żieda mas-servizz eżistenti, se jkun ipprovdut ukoll servizz bejn il-qasam Taż-Żokrija u l-Belt Valletta.

etika ta' telefonata għall-waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk etikament huwiex korrett li xi ħadd jitpoġġa fuq waiting list għal intervent jew operazzjoni u wara li konsulent partikolari jordnalu ċertu trattament, wara snin sħaħ ta' stennija jċemplulu biex jistaqsuh jekk għadux interessat li jagħmel dak l-intervent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Kif kelli l-okkażżjoni li ngħid drabi oħra, anke fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari 32694, illum ġewwa l-Isptar Mater Dei qiegħda titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuteriżżata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System u qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-dipartiment tal-ortopedija; id-dipartiment tal-oftalmoloġija; u d-dipartiment tal-kardjoloġija. Infakkar li din is-sistema diġa wasslet għall-immanniġjar aħjar tal-listi ta’ stennija. Kif ukoll kelli l-okkażżjoni li ngħid drabi oħra, sa ftit żmien ilu il-listi ta’ stennija kienu jinżammu mill-konsulenti rispettivi. Ghalhekk ma kienx hemm lista ċentralizzata. Sabiex ikun aċċertat li l-listi ta’ stennija jkunu jirriflettu s-sitwazzjoni attwali sar eżerċizzju sabiex dawn il-listi jiġu ċċekjati persuna persuna sabiex jitneħħew ismijiet doppji ta’ pazjenti, ismijiet ta’ dawk il-persuni li mietu, ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni, jew ta’ tawk li ma riedux jagħmlu l-operazzjoni għal-raġunijiet differenti. Nerġa ntenni li l-Onor. Interpellant żgur li jifhem u japprezza li huwa essenzjali li l-listi ta’ stennija dejjem ikunu jirriflettu n-numru eżatt ta’ pazjenti li verament ikunu qegħdin jistennew sabiex issirilhom operazzjoni jew intervent ieħor. Dan ix-xogħol ta’ verifika u ppjanar sar, u qed ikompli jsir fl-interess tal-pazjenti kollha.

Persuni fuq il-Waiting Lists — Dewmien għall-intervent

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien ilhom jistennew fuq il-lista ta' stennija biex isirilhom xi intervent jew operazzjoni dawk li ċemplulhom u qalulhom li m'għandhomx interessant li jagħmlu l-intervent?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba għall-Mistoqsija tiegħu ma tistax tingħata għaliex il-proċess ta’ verifika sar matul medda ta xhur u ġew ikkuntatjati eluf ta’ pazjenti jiġifieri kull pazjent li kien jinsab fuq il-lista ta’ stennija ta’ l-Ortopedija, l-Oftalmoloġija u l-Kardjoloġija.

Produzzjoni tat-tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inbidlet il-produzzjoni tat-tiġieġ għal-laħam għas-suq lokali fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26630 sa sena 2010, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li għas-sena 2011 it-tjur maqtula kienu 2,304,963 bil-piż tat-tjur ħajjin ta’ 5,734,557kgs

Produzzjoni tal-bajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inbidlet il-produzzjoni tal-bajd lokali fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21344, ninfurmah li l-informazzjoni għas-sena 2011 għadha qed tkun kompilata.

Produzzjoni ta' frott u ħaxix frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif inbidlet il-produzzjoni ħaxix frisk u frott lokali fis-snin 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011 sena b'sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 21346.

Kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tnaqqis tar-rata ta' kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali (bolla) mħallsa mill-bdiewa u raħħala reġistrati full-time hijiex se terġa' titnaqqas matul is-sena 2012? Kemm tnaqqset matul is-sena 2011 u jekk hijiex fil-ħsieb li titnaqqas matul xi perjodu ieħor?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Jien infurmat li r-rata ta’ kontribuzzjoni tas-Sigurtà Soċjali imħallsa minn bdiewa u raħħala self-employed full-time se terġa' titnaqqas għas-sena 2012. Fis-sena 2011 tnaqset bi 3%.

Nuqqas ta' laħam għas-suq lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex fl-aħħar erba' xhur tas-sena 2011 ġie prodott inqas laħam għas-suq lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant dan is-settur ta’ produzzjoni ta’ laħam huwa wieħed privat u bħal kull settur ieħor ta’ attività ekonomika l-ilħuq tad-domanda tiddependi mill-kompettitivtà tas-settur, però niġbed l-attenzjoni li mhux il-prodott tal-laħam kollu naqas.

Produzzjoni tal-Majjal — kriżi u problema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk teżistix kriżi u problema fil-produzzjoni tal-majjal? Jekk hawn skarsezza tal-majjal lokali, minn xiex ġiet ikkawżata u x'qed isir biex din tiġi megħluba?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li . dan it-tnaqqis fis-settur huwa attribwit għal ħames fatturi: numru mill-produtturi ssospendew l-operat tagħhom peress li għadhom mhux deċiżi jekk jinvestux fl-irziezet tagħhom biex jilħqu l-istandards minimi ta' trattament xieraq tal-Annimali trobbija tal-Majjal. numru ieħor li qiegħdin jipproduċu mhumiex qegħdin joperaw b’mod effiċjenti biżżejjed bir-riżultat li mhux jilħqu l-produzzjoni pproġettata. fuq talba tal-koperativa stess, il-Gvern assista biex majjal ta’ piż aktar minn dak sodisfaċenti (83kg) jinqatel minn fuq l-irziezet. Dan il-majjal kien jikkontrubwixxi ħafna għall-ineffiċċenzji tas-settur. Il-Gvern esiġa li kull raħħal għandhu jtejjeb l-apparat tiegħu u jieħu 24 qasquż minn kull majjala flok is-sittax il-qasuż li kien jiġri qabel. B’ hekk in-numru ta’ majjaliet fuq l-irziezet tonqos u f’ dan il-perjodu r-raħħala qed jaddattaw għal dawn ir-regoli ġodda. Il-Gvern assista wkoll lill-KIM permezz ta’ infrastruttura u loġistika biex il-laħam jinbiegħ għall-ipproċessar.

Produzzjoni tal-laħam tal-majjal lokali — sitwazzjoni għan-normal

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta jaħseb li l-produzzjoni tal-laħam tal-majjal lokali se tkun lura għan-normal u biżżejjed għas-suq lokali? Jista' jgħid jekk huwiex veru li din il-problema tista' ddum anke sa sena oħra minn tal-inqas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32691. Ninnota ukoll b’ sodisfazzjon li għall-ewwel darba il-KIM ikkonkludiet kuntratti fit-tul mal-proċessuri u għaldaqstant qIegħda f pożizzjoni aħjar biex tippjana l-produzzjoni tagħha fit-tul.

Waiting list tal-Isptar Mater Dei

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex veru jew le li hemm grupp ta' ħaddiema li qed iċemplu lill-pazjenti li jinstabu fuq xi waiting list u jaraw jekk il-pazjent għadhomx interessati li jagħmlu l-intervent jew le?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kelli l-okkażżjoni li ngħid drabi oħra, llum ġewwa l-Isptar Mater Dei qed titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuteriżżata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System. Tajjeb li ngħid li din is-sistema diġa qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-Dipartiment tal-Ortopedija, id-Dipartiment tal-Oftalmoloġija, u d-Dipartiment tal-Kardjoloġija. Huwa mistenni li din is-sistema tiġi mplimentata wkoll fid-Dipartiment tal-Kirurġija fil-futur qarib. Din is-sistema diġa wasslet għall-immanniġjar aħjar tal-listi ta’ stennija. Kif kelli l-okkażżjoni ukoll li ngħid drabi oħra, il-proċess ta’ ċentralizzazzjoni tal-listi ta’ stennija mhux wieħed sempliċi għaliex il-listi kollha li sa ftit żmien ilu kienu jinżammu mill-konsulenti rispettivi, kellhom jiġu ċċekjati persuna persuna sabiex jitneħħew ismijiet doppji ta’ pazjenti, ismijiet ta’ dawk il-persuni li mietu, ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni, jew ta’ dawk li ma riedux jagħmlu l-operazzjoni għal raġunijiet differenti. L-Onor. Interpellant żgur li jifhem li huwa essenzjali li l-listi ta’ stennija dejjem ikunu jirriflettu n-numru eżatt ta’ pazjenti li verament ikunu qegħdin jistennew sabiex issirilhom operazzjoni jew xi intervent ieħor. Dan ix-xogħol ta’ verifika u ppjanar sar u qiegħed ikompli jsir minn uffiċċju li ġie mwaqqaf apposta ġewwa l-Isptar Mater Dei u li jissejjaħ Waiting List Office .

Waiting list imnaqqsa

Question

Jista' l-Ministru jgħid lil liema grupp ta' pazjenti ċemplu u allura liema waiting lists ġew imnaqqsa għaliex xi pazjenti rrifjutaw li jagħmlu t-test jew operazzjoni?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onorevoli nterpellant għar-risposta li tgħajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 32694 fejn spjegajt dak li qed jiġri fil-proċess tal-immaniġjar tal-lista ta’ stennija.

Telefonata fuq waiting lists

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tnaqqsu pazjenti minn fuq il-waiting lists bl-eżerċizzju ta' telefonata mingħand grupp ta' ħaddiema li kienu jċemplu biex jaraw jekk pazjenti li kienu fuq il-waiting lists għandhomx interessati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Diskussjoni fuq reviżjoni tas-CFP

Question

Jista' l-Ministru jiddikjara x'inhi l-politika tiegħu u x'pożizzjoni qed jieħu meta jkun qed jiddiskuti ġewwa Brussels dwar ir-reviżjoni tas-CFP li qed jiġi diskuss issa fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Memorandum tal-pożizzjoni ta’ Malta, liema dokument ġie sottomess lill-Kumitat tal-Kamra għall-Affarijiet Ewropej. Qiegħed ukoll inpoġġi kopja ta’ żewġ stqarrijiet pubbliċi fuq l-istess suġġett.

Feedback ta' Malta fir-riforma tas-CFP

Question

Jista' l-Ministru jippubblika l-pożizzjoni u l-feedback li l-Gvern Malti ta lill-Unjoni Ewropea dwar ir-riforma li qed tiġi proponuta fis-CFP?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32685.

Private Jet għas-safar tal-Prim Ministru, Ministru u Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ntuża l-private jet biex siefru Ministri, Prim Ministru, Segretarji Parlamentari u uffiċjali oħra tal-Gvern matul is-sena 2011? Għal liema skop kien dan l-użu u kemm ġie jiswa dan is-servizz lill-Istat Malti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi fl-2011 il-private jet intuża erba’ darbiet mill-Ministeru tal-Finanzi, l-ekonomija u Investiment. Il-Ministru attenda laqgħat tal-ECOFIN u l-EURO GROUP, filwaqt li is-Segretarju Parlamentari attenda laqgħat tal-Competitiveness Council u konferenza tad-Directorate General Enterprise tal-Unjoni Ewropeja. Il-Ministeru ħallas is-somma ta’ €203,391, li minnhom ġew rimborsati €174,891 mill-fondi tal-Unjoni Ewropeja. Fir-rigward għal Ministri u Segretarji Parlamentari oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jpoġġi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.

Safar ta' Ministri u Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm-il darba siefru l-Ministri u Segretarji Parlamentari matul is-sena 2011, fuq liema xogħol marru u kemm ġew jiswew lil pajjiżna dawn is-safriet?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Importazzjoni ta' laħam taċ-ċanga, fniek, tiġieġ u majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jiġu importati laħam taċ-ċanga/fniek/tiġieġ u majjal permezz tal-baħar u kif ukoll permezz tal-Katamaran bejn Malta u Sqallija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika jekk huwiex qiegħed jirreferi għal importazzjoni, jiġifieri minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, jew movement ta’ prodotti fis-suq interni, jiġifieri minn stati membri.

Prodotti ta' ħaxix, laħam u frott — post tal-oriġinu

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-prodotti kollha li jidħlu f'Malta ta' ħaxix, laħam u frott ikollhomx il-post tal-oriġinu tagħhom fuq il-prodott qabel ma dawn jkunu jistgħu jiġu kkunsmati mill-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li rigward il-frott u l-ħxejjex li jiġu importati f'Malta minn pajjizi terzi dawn għandhom ikollhom indikat il-pajjiż ta' l-oriġini. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li fir-rigward ta’ prodotti ta’ laħam, fil-Komunità Ewropeja hemm regoli speċifici ta’ tikketjar u mmarkar tal-laħam u l-prodotti li joriġinaw mill-annimali. Dawn il-provedimenti ma humiex l-istess għall-laħam kollu għaliex il-provedimenti huma bbażati fuq ir-riskju għas-saħħa pubblika. Għalhekk l-iktar provvedimenti iebsa huma fiċ-ċanga minħabba il-kontrolli tal-BSE. Iċ-ċanga trid iġġorr sa kemm tinbiegħ l-informazjoni ta’ fejn twieldet, fejn kibret, fejn inqatlet u fejn ġiet maħduma jekk ikun prodott. Ħafna minn din l-informazjoni tikkonsisti f’ numri tal-approvazioni tal-istabbiliment li għaddiet minnhom u l-pajjizi ta’ fejn twieldet u fejn kibret. It-tieni provvediment huwa fil-laħam tat-tiġieġ u dan minħabba l-Avian influenza. Dawn il-provvedimenti ma humiex iebsa daqs taċ-ċanga u ma għandhomx id-dettalji ta fejn twieldu u fejn kibru iżda jkollhom ta’ fejn inħadmu. Il-laħam l-ieħor kollu jsegwi l-provvedimenti ġenerali li għandhom kontrolli ta’ l-annimali qabel il-qatla u mmarkar tal-istabbilimenti fejn inqatlu u fejn inħadmu jew gew ippakjati il-prodotti.