Flus mill-Budget 2012 għall-kura fl-Isptar St. James
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm flus ibbaġitajti mill-Budget 2012 biex ċittadini Maltin u Għawdxin ikunu jistgħu jieħdu kura ta' emerġenza ġewwa l-kliniċi privati bħal St. James matul il-weekend? Kemm qed jiġi kkalkulat bil-budget li hemm li se jidewwew pazjenti f'dawn il-kliniċi?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ispiża għal dan is-servizz hija allokata mill-vot tal-waiting list.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pazjent li jmur jinqeda minn klinika privata li qed toffri s-servizz tal-emerġenza u jkollu bżonn xi intervent kirurġiku x'se jsir minn dan il-pazjent? Tingħata fl-istess sptar privat jew ġewwa l-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li skont il-ftehim milħuq, pazjenti li jagħmlu użu minn dan il-ftehim u jirriżulta li jkollhom bżonn t’intervent kirurġiku, jkollhom jiġu rikoverati fl-isptar Mater Dei. U propizju ngħid li dan il-ftehim hu intiż għall-pazjenti bi problemi minuri hekk deskritti bħala kategorija tlieta li ma huma la ta’ periklu għall-ħajja u lanqas għar-riġlejn jew l-idejn.
Differenza bejn servizz ta' klinika privata u dak taċ-Ċentru tas-Saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'differenza hemm fis-servizz tal-emerġenza mogħti fi klinika privata u servizz provdut miċ-Ċentri tas-Saħħa li diġà huma eżistenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex jinħass il-ħtieġa u fuq liema sutdju bbaża d-deċiżjoni tiegħu li jixtri is-servizz tal-emerġenza tal-kliniċi privati matul il-weekend?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li dan il-ftehim kien pass ieħor mill-Gvern biex jgħin itaffi l-problema ta’ numru kbir ta’ nies li jattendu fid-dipartiment ta’ l-emerġenza ġewwa l-isptar Mater Dei fi tmiem il-ġimgħa.
F’diversi konsultazzjonijiet, jirriżulta li fit-tmiem tal-ġimgħa, il-pubbliku jiltaqa ma’ problemi biex isibu t-tobba kuranti tal-familja u għalhekk jispiċċaw jirrikorru fl-isptar Mater Dei u dan minħabba aktar faċilitajiet li jeżistu f’din il-faċilita’.
Ċifri ta’ attendenza juru wkoll numru aktar qawwi ta’nies li jattendu fl-emerġenza fi tmiem il-ġimgħa.
Jista' l-Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex waqaf ix-xogħol fit-toroq id-Dawr u l-Istrinġell fil-Mosta? Liema xogħol kien beda mill-kunsill preċidenti u twaqqaf mill-kunsill ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Billi dawn it-toroq m'humiex responsabbiltà ta’ Transport Malta nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Mosta — Triq id-Dawr u triq l-Istrinġell - tkomplija ta' toroq
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol ġewwa t-toroq Dawr u l-Istrinġell fil-Mosta, liema toroq qed jikawżaw ħafna inkonvenjent lil għexieren ta' familji minħabba t-trabijiet li hemm bħalissa għaliex ix-xogħol tħalla nofs leħja u peress li r-residenti qed ikollhom ibatu konsegwenzi koroh għaliex it-torba li hemm f'dawn it-toroq qed jikkawżaw ħafna problemi lir-residenti biex jżommu d-djar u l-karozzi tagħhom nodfa barra mill-problemi respiratorji u allerġiji li dan it-trab jista' jikkawża?
Response (GATT, AUSTIN)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 34458.
Jista' l-Ministru jgħid liema awtorità hija responsabbli biex tagħmel is-sinjali tat-toroq kif ukoll il-kaxxi il-bojod u s-sofor li fihom jipparkjaw il-karozzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sinjali kollha tat-toroq għandhomx bżonn xi permess minn xi awtorità nazzjonali ċentrali, jew inkella jekk il-kunsill lokali jistax ipinġi dawn is-sinjali mingħajr il-permess ta' din l-awtorità ċentrali?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li l-linji kollha tal-karreġġjati jeħtieġu l-permessi ta' Transport Malta ħlief dawk il-linji sofor doppji ta' ħames metri li jiġu mplimentati fil-kantunieri tat-toroq minħabba li parkeġġ ma jistax isir f'din id-distanza kif speċifikat bil-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema loġika jitmexxa l-ħsieb li meta jkun hemm xi ċittadin li jkun ipparkja l-karozza tiegħu b'inqas minn ħames metri 'l bogħod minn xi kantuniera dan jiġi mħarrek u mwaħħal ċittazjoni u jekk f'din l-istess triq isiru l-kaxxi l-bojod anke jekk l-ewwel kaxxa tkun ftit ċentimetri 'l bogħod mill-kantuniera li tipparkja f'dik il-kaxxa ma jkun illegali? Mela jekk karozza li tkun ipparkja inqas minn ħames metri 'l bogħod minn kantuniera hija perikoluża għat-traffiku li jkun għaddej, ikun hemm kaxxa bajda impinġija mal-art, dan il-periklu ma jibqax hemm?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fejn ċittadin jista' jitlob biex il-parkeġġ fit-triq tiegħu jkun organizzat aħjar ġewwa l-istess triq? Hija responsabbilità tal-kunsill li jsir dan jew ta' xi awtorità oħra?
Response (GATT, AUSTIN)
Jien infurmat li ċittadin jista' jitlob lill-kunsill lokali rispettiv sabiex jiġu organizzati l-kaxxi tal-parkeġġ fit-triq. Sussegwentament il-kunsill lokali jista' jressaq tali talba għal konsiderazzjoni ta' Transport Malta.
Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm aktar minn operatur wieħed li offra jagħti s-servizz ta' emerġenza lill-pazjenti Maltin u Għawdex? Kif intgħażel l-Isptar St. James biex jagħti dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-għażla tal-Isptar saret skont kif jipprovdu ir-Regolamenti Finanzjarji u bil-awtorizazzjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan il-ftehim huwa għall-tlett xhur u wara ssir evalwazzjoni dwar l-andament ta’ dan is-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun available dan is-servizz b'xejn lill-poplu minn kliniċi privati? Għaliex intgħażlu dawn il-ġranet? Fuq liema statistika mexa biex iddeċidew li għandhom ikunu dawn il-ġranet li jibda jingħata dan is-servizz u mhux ġranet oħrajn matul il-ġimgħa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li dan is-servizz beda jiġi offrut mill-Ġimgħa 4 ta’ Mejju 2012. Is-servizz qed jiġi offrut mis-seba’ ta’ filgħaxija tal-ġimgħa, il-ġranet kollha tas-Sibt u l-Ħadd sas-seba’ ta’ filgħodu tat-Tnejn.
Dan il-ftehim kien pass ieħor mill-Gvern biex jgħin itaffi l-problema ta’ numru kbir ta’ nies li jattendu fid-dipartiment tal-emerġenza ġewwa l-isptar Mater Dei fi tmiem il-ġimgħa.
F’diversi konsultazzjonijiet, irriżulta li fit-tmiem tal-ġimgħa, il-pubbliku jiltaqa ma’ problemi biex isibu t-tobba kuranti tal-familja u għalhekk jispiċċaw jirrikorru fl-isptar Mater Dei u dan minħabba aktar faċilitajiet li jeżistu f’din il-faċilita’.
Ċifri ta’ attendenza juru wkoll numru aktar qawwi ta’ nies li jattendu fl-emerġenza fi tmiem il-ġimgħa.
Hu mportanti li niġbed l-attenzjoni li dan il-ftehim hu proġett pilota u ser ikun rivedut wara tlett xhur biex nkunu certi li l-għan ewleni tiegħu qiegħed jiġi milħuq.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi studju fejn juri kemm hawn domanda għaċ-childcare centers? Liema żoni fil-pajjiż l-iktar li għandhom bżonn dawn iċ-childcare centers? X'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar dawn iċ-ċentri? Meta u fejn hemm il-ħsieb li jinfetħu iktar ċentri?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33479 u jgħid kemm kienet in-nefqa f'konsulenza matul is-sena 2011 u l-ewwel tliet xhur tas-sena 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar in-nefqa f’konsulenza għas-sena 2011, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta tiegħi f’mistoqsija parlamentari numru 33415.
Għall-ispiża fl-ewwel tlett xhur tal-2012, qed inpoġġi l-informazzjoni fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33300 u jgħid liema oqsma se jintlaqtu l-iktar ħażin u allura l-programm ppjanat se jkollu jinbidel fil-qasam tal-biedja u sajd minħabba nuqqas u l-qtugħ ta' flus li se jseħħ wara li fil-budget il-gvern kellu jerġa' jnaqqas €40 miljun minnu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33238.
Ħ'Attard — Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ - ilment dwar rwejjaħ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa, jew qed jieħu, jew inkelli x'bi ħsiebu jieħu rigward ir-riħa qawwija li ħierġa mid-drenaġġ f'Ħ'Attard l-aktar fl-inħawi tat-Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ peress li din ir-riħa ilha ħierġa għal aktar minn sena bl-inkonvenjenza kbira għar-residenti, u anki b'periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' jara x'jista' jsir peress li r-residenti ġew informati, minn rapreżentanti tad-Dipartiment tas-Saħħa li din hija riżultat li hemm min qed jitfa' l-ħmieġ tal-annimali mill-inħawi tal-Imdina?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Kummissarju tat-Taxxi Interni — ħlasijiet ta’ spejjeż legali
Question
Jista' l-Ministru jispjega għaliex qed jintbagħtu avviżi legali permezz tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali tar-Repubblika , “in rapprezentanza tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni”, għal ħlasijiet ta’ spejjeż legali li ma kenux tħallsu, iżda li huma preskritti skont il-liġi? Jaqbel li dan ma kellux isir? Kien jaf b’dan? F’każ li kien jaf, x’passi ħa biex dan ma jibqax isir għax qiegħed jikkawża ħafna inkwiet bla bżonn, speċjalment lil min ikun anzjan u ma jkunx jaf li dik it-talba għal ħlas kienet preskritta? F’dawk il-każijiet fejn min irċieva minn dawn l-avviżi, minkejja li l-ħlas kien preskritt iżda li min irċieva l-avviż b’theddid ta’ mandat, mar iħallas, se jingħataw il-flus li ħallsu lura?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-attenzjoni tal-Onorevoli Membru qed tigi attirata għall-fatt illi jekk ammont ikun dovut id-dejn ma jinħallx bis-sempliċi trapass taż-żmien, izda jekk persuna tkun trid tqajjem il-preskrizzjoni dan trid tagħmlu permezz ta’ eccezzjoni jew ta’ azzjoni apposita.
Ammont dovut in forza ta’ sentenza ma jaqax preskritt qabel ma jgħaddu tletin sena u huwa ghalhekk kemmxejn stramb dak allegat fid-domanda peress illi ma ntbagħtu ebda kontijiet għal ammonti li jmorru lura daqshekk.
S’intendi l-Onorevoli Membru huwa ukoll imfakkar illi ghad li ħadd ma jieħu gost iħallas il-kontijiet, dak li jkun dovut lill-erarju pubbliku irid jitħallas.
Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawn il-karozzi li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku ma ġewx skrapjati u kemm minnhom ġew?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mill-508 li kienu jintużaw għat-trasport pubbliku f’Malta, n-numru ta’ vetturi li ġew skrapjati jammonta għal 165. Mill-ammont ta’ 343 vettura li ma ġewx skrapjati, dawn huma hekk kif ġej:
· 75 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali;
· 3 ġew miżmuma mis-sidien oriġinali bħala
vintage buses
fuq ir-rotot tat-trasport għat-turisti skont il-PTSR L.S 499.56;
· 127 ġew mgħoddija lill-Heritage Malta;
· 118 ġew mixtrija mill-kumpanija Arriva Malta Ltd;
· 1 ġiet miżmuma minn Transport Malta għal raġunijiet ta’ taħriġ;
· 8 ġew mixtrija minn entitajiet governattivi;
· 1 ġiet mgħoddija lill-Malta Red Cross;
· 10 għadhom għand is-sid oriġinali minħabba raġunijiet legali jew bejn terzi persuni.
Mit-78 karozzi tal-linja li kienu joperaw għat-trasport pubbliku ġewwa Għawdex, minnhom ġew skrapjati 3. Il-75 l-oħra huma hekk kif ġej:
· 64 għandhom liċenzja mġedda;
· 8 ġew garaxxjati;
· 1 m’għandux il-liċenzja mħallsa;
· 2 għadhom miżmumin minħabba raġunijiet legali.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm nies qed jirreġistraw għax-xogħol, kemm ilhom, x'età għandhom u x'livell ta' edukazzjoni għandhom? Għal-liema xogħlijiet kienu qed jirreġistraw fl-aħħar ta' April 2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.