Legislature:
Category:
Reset
Active:

studju fuq siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju fuq l-aħħar ħames snin biex jara kemm inżergħu siġar f'dan il-perjodu u kemm mietu siġar fl-istess żmien? Jista' jiddentifika x'kienet ir-raġuni li dawn is-siġar mietu? X'tip ta siġar inżergħu matul dan l-aħħar ħames snin fil-gżejjer tagħna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Niġbed lattenzjoni tal-Onorevoli Interpellant li l-attività ta’ tnissel, żergħa, tħawwel, importazzjoni u esportazzjoni ta’ siġar mhix waħda kontrollata ħlief għall-ispeċi elenkati fi Skeda III tal-Avviz Legali Nru 200 tal-2011 u skond kontrolli definiti meħtieġa minn żmien għal żmien permezz ta’ Avviżi Legali taħt l-Att 433 (Att Dwar il-Kwarantina tal-Pjanti). Għaldaqstant ma jinżammux records ta’ kemm jitħawwlu siġar f’Malta u l-anqas ta’ kemm imutu. Madankollu nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-Mistoqsija Parlamentari numru 28518 (orali) u Mistoqsija Parlamentari numru 273 (Miktuba) fejn urejt li direttamant bi tħawwil li għalih kien responsabbli dan il-Ministeru u indirettament permezz ta’ importazzjoni u bejgħ ta’ varjetajiet ta’ siġar tal-frott, fil-perjodu imsemmi tħawwlu madwar 180 elf siġra.

persuni li għandhom il-protezzjoni tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni f'Malta u Għawdex li jingħatalhom il-protezzjoni tal-pulizija Maltija u Għawdxija 24 siegħa kull jum?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hawn 6 persuni li għandhom sorveljanza tal-Pulizija 24 siegħa kuljum.

għajnuna lir-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-għajnuniet lir-raħħala, fejn liema raħħala kienu mwiegħda, anke għandhom kuntratti ffirmati, għajnuna għas-soqfa li kellhom jagħmlu fl-irziezet, b'effett tad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea u Nitrates Directive, liema flus kellhom jiġu mill-fond tal-SMPPMA? Kemm kienu mwiegħda li sejrin jingħataw kull metru kwadru jekk jagħmlu saqfa tal-pjanċi jew jekk jagħmlu soqfa tal-konkos u kemm fil-fatt kien hemm raħħala li ħadu din l-għajnuna u kemm fadal raħħala li għad iridu jieħdu għajnuna?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema skema speċifika qiegħed jirreferi għaliha taħt SMPPMA.

negozjati mar-raħħala

Question

Jista' l-Ministru jagħti pjan dettaljat kif se jkun trattat, settur settur, u x'se tkun l-ispiża kemm għal produttur, u kemm għal gvern, fir-rigward ta' tħaddim ta' impjanti rispettivi? Meta dan il-pjan se jidħol fis-seħħ u fiex waslu n-negozjati mar-raħħala kkonċernati s'issa?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jikkjarifika għal liema mpjanti qiegħed jirreferi għalihom f’din il-Mistoqsija Parlamentari.

ħaddiema li tilfu fondi mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid bejn 2006 u 2011, kemm raħħala/bdiewa/sajjieda, tilfu/tnaqsulhom fondi mill-Unjoni Ewropea, settur settur? Fejn kien jidher li dawn il-flus setgħu jintilfu, għaliex dawn il-bdiewa/raħħala/sajjieda/produtturi ma ġewx mgħejjuna sabiex dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea, flok jintilfu jgħaddu għand is-setturi rispettivi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill- Onor.Interpellant jiċċara l-mistoqsija tiegħu peress li mhuwiex ċar għal xhiex qed jirreferi

fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm iktar flus li nistgħu nieħdu bħala pajjiż mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-biedja u sajd sakemm jiġi biex jagħlaq il-ftehim preżenti? Jista' jgħid f'liema settur hemm probabilità li jkollna opportunità napplikaw għal dawn il-fondi settur b'settur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari nru.34654.

Applikazzjoni Miżura 121

Question

Peress li fis-16 ta' Diċembru 2011 għalqet l-aħħar Applikazzjoni għall-Miżura 121, jista' l-Ministru jgħid meta l-applikanti se jkunu jafu min ikwalifika għal dawn il-fondi għal kull settur rispettiv?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement qiegħdin isiru l-verifiki meħtieġa fuq it-talbiet imressqa u huwa mistenni li min jikkwalifika jkun infurmat b’dan fix-xhur li ġejjin.

Importazzjoni tas-Soya

Question

Jista' l-Ministru jara għaliex l-importatur tas-soya, li tifforma parti sostanzjali sa' 25 % mill-gwież tal-majjali, għolla l-prezz tagħha minn €420-il tunnellata għall-€500-il tunnellata, meta hija l-istess soya li ġiet impurtata madwar xahrejn ilu u li minnha ilhom jixtru l-produtturi għal dawn l-aħħar xahrejn, u mhux xi konsenja ġdida mixtrija bi prezz aktar għola? Jista' jara x'ikkaġuna din iż-żieda fil-prezz?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq il-mistoqsija tiegħu lill-Onorevoli Ministru għall-Kompetizzjoni Ġusta, Negozji Żgħar u l-Konsumatur li huwa responsabbli għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur.

prezz tal-fuel

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif jinħadem il-prezz tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol? Jista' jagħti l-mod kif jasal għal prezz finali ta' kull tip ta' fuel kull gallun mill-pompa tal-petrol?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-prezz finali tal-fuel li jixtri l-konsumatur mill-pompi tal-petrol ’ jiġi ikkalkulat fuq il- bażi tal–fatturi segwenti: Spiza tal prodott - li tirrifletti il-prezz tal- ‘Platts’ li bih ikun inxtara il-prodott. Jiġi ikkunsidrat wkoll il-movimenti li jkun hemm fil -valur ta’ stock li jkun fadal bħala bilanċ mix- xahar ta’ qabel. Barra minn hekk jitnaqqas wkoll il-valur tal-bejgħ li jkun sar matul ix-xahar. B’hekk jigi ikkalkulat il-prezz ta’ kull prodott fuq il-bażi ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet. F’dawn il–kalkoli jiġi wkoll ikkunsidrat l-element ta’ tibdil fir-rata tal-kambju (EUR/USD), kif wkoll id-‘density factor’ tal-prodott sabiex il-prezz jiġi ibbażat għal kull litru miflok għal kull tunnellata. Opening Stock value (EUR/ltr) Less Cost of Sales value (EUR/ltr) Plus delivery value (EUR/ltr) Dan l-element jifforma l-bażi li fuqu jiġi stabilit il-prezz ta’ kull tip ta’ fuel.

Pitkalija — Investiment

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm sar investiment fil-pitkalija matul is-snin 2005/6/7/8/9/10/11/12?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar fid-dwal tat-tul tal-perjodu li dwaru qiegħed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant.

Farmer's Market — bdiewa li pparteċipaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bdiewa li jipparteċipaw fil-Farmer's Market matul ix-xahar ta' April 2012, mhux kemm hemm li għandhom il-permess li jipparteċipaw imma kemm fil-fatt ipparteċipaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul ix-xahar ta’ April ta’ din is-sena kien hemm 38 minn dawk li għandhom il-permessi meħtieġa li pparteċipaw f’dan is-suq f’ Ta’ Qali.

kwestjoni mal-pitkala

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żviluppi fil-kwestjoni mal-pitkala, liema kwestjoni anki waslet biex il-pitkala kellhom jistrajkjaw?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement għadhom għaddejjin it-taħdidiet bejn uffiċjali tal-Ministeru u l-Pitkala. Hekk kif ikun hemm żviluppi jien inħabbarhom pubblikament.

Agrikoltura — fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown sena sena, skema/skema (eżempju miżura 121, miżura 124, miżura 111, eċċ....) għall-pakkett fondi tal-Unjoni Ewropea f'agrikoltura 2007-2013, kemm ħadu flus setturi differenti, settur settur, sal-aħħar tal-2011? Kemm għad baqa' jieħdu fondi 2012/2013 kemm għal kull settur u taħt liema skema?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet diġa mogħtija matul din il-leġiżlatura f’dan ir-rigward li dettalji tagħhom qiegħdin fid-dokument li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

relocation tal-irziezet

Question

B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid: a) fejn/fliema stadju wasal; b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu; ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi; d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant, full cost breakdown ; u e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett, full costs breakdown u min se jħallas?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor.Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tweġiba tingħata f' seduta oħra.

Twaħħil ta' meters mal-boreholes

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwaħħlu l-meters fil-boreholes li l-bdiewa jtellgħu l-ilma minnhom? Kemm hawn boreholes irreġistrati u meta hemm il-ħsieb li dawn il-meters jkunu lesti?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 30518 u 30850.

Boreholes — ilma lill-bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi kkalkulat li dawn il-bdiewa li għandhom borehole l-ilma li jkun jistgħu jtellgħu minn din l-istess borehole? Dan l-ammont se jkun wieħed fiss jew ivarja minn staġun għall-ieħor skont il-wiċċ u skont jekk tkunx għamlet xita jew le?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari 28036.

Gvern Malti bħala Shareholder

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33769 u jgħid kemm għandu shares jew kemm huwa involut bħala shareholder il-Gvern Malti f'kumpaniji/aġenziji/korporazzjonijiet/istituti/fundazzjonijiet u gruppi oħrajn differenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

splussivi fil-barrieri

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34188 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jinżammux log books biex ikunu jafu kemm jintużaw splussivi fil-barrieri kull meta dawn jaħarqu l-isplussivi biex ikissru l-blat?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-isplussiv jinżamm għand il-Forzi Armati ta’ Malta. Kull meta tkun se ssir operazzjoni li jintuża l-isplussiv fil-barrieri, l-Awtorita' Maltija għar-Rizorzi tindika l-ammont ta’ splussiv li għandu jintuża. Skont dan id-dokument flimkien mal-liċenzja tal-Pulizija maħruġa għal dan il-għan, l-Forzi Armati jirrilaxxaw l-ammont ta’ splussiv indikat u anke’ tinzamm record. Għandu jingħad ukoll illi din l-operazzjoni tkun sorveljata minn membru tal-Korp tal-Pulizija sabiex ikun żgurat illi l-ammont ta’ splussiv li jkun inħareġ mingħand il-Forzi Armati ikun intuża kollu kif speċifikat.

mediċini li roħsu

Question

Billi l-prezz tal-mediċini li qegħdin jitraħsu qiegħed jiġi maħdum skont il-prezz medju kif qiegħed jinbiegħ f’ċerti pajjiċi membri tal-Unjoni Ewropeja, jista' l-Ministru jagħti l-isem tal-pajjiżi u l-prezzijiet li ntużaw biex ġie stabbilit il-prezz tal-medicina LYRICA 25 mg capsules x 56, li mill-prezz ta' €106.94 tniżżel għal €75.44, meta l-prezz ta’ din l-istess mediċina, skont il-lista mogħtija mill-Ministru fil-mistoqsija parlamentari 33749, qiegħda tinbiegħ għall-prezz ta’ €23.14 fl-Italja u €15.88 fil-Portugall?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li minħabba l-fatt li preżentement hemm transizzjoni mill-ftehim l-antik għall-ftehim il-ġdid, għadhom ma bdewx in-negozjati bejn l-Awtorita u l-importatur konċernat fuq il-prezz tal-prodott Lyrica 25mg capsules (x 56). Minkejja dan u anke b’xhieda tal-koperazzjoni li ssedqet bejn il-Gvern u l-importaturi tal-mediċina f’dawn l-aħħar snin, l-importatur għażel li jraħħas il-prezz ta’ dan il-prodott minn jeddu. Dan ma jippreġudikax il-fatt li jkun hemm negozjati biex jitraħħas il-prezz skont il-ftehim. Il-prezz preżenti ta’ dan il-prodott fil-pajjiżi li jintużaw biex tinħadem il-medja huwa kif gej: Ingilterra € 104.10, Italja €23.14, Irlanda €110.29, Portugal €15.88, Franza €18.79, Cipru € 23.13, Germanja €54.64, Danimarka €22.08 u Norvegja €20.52.

kumpanija Arriva — sussidju mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern ta' sussidju jew għajnuna u fuq xiex ta susidju jew xi tip ta' għajnuna oħra lill-kumpanija tat-transport Arriva kemm ilha topera sal-aħħar ta April 2012?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.