pubblikazzjoni -B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp tal-Budget 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Differenza bejn servizz ta' klinika privata u dak taċ-Ċentru tas-Saħħa
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'differenza hemm fis-servizz tal-emerġenza mogħti fi klinika privata u servizz provdut miċ-Ċentri tas-Saħħa li diġà huma eżistenti?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Il-bżonnijiet tal-pazjenti li għandhom jirrikoru fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei jew il-klinika privata msemmija, huma differenti minn dawk ta’ pazjenti li jkollhom bżonn jirrikorru fiċ-Ċentru tas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jixtri servizzi u kemm xtara servizzi ta' sodod ġewwa d-djar privati l-gvern matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2012 dar b'dar? Jista' jgħid jekk il-budget biex jixtri iktar servizzi jippermettilux jew inkella l-massimu ta' servizzi ta' sodod huwiex milħuq?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm social cases matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2012 ġewwa l-Isptar Mater Dei ? Jista' jgħid kemm minn dawn is-social cases reġgħu ġew integrati fis-soċjetà u kemm minnhom marru ġewwa xi home?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx strateġija nazzjonali dwar id-dimenzja? Jista' jgħid din l-istrateġija x'inhi u jispeċifika r-rwol tal-istat x'inhu f'din l-istrateġija u r-rwol tal-individwu x'inhu ukoll?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-pjan għall-iStrateġija Nazzjonali tad-Dimenzja qiegħed fi stat avvanzat u jrid jiġi approvat mil-Kabinett. Il-pjan jikkonsisti f’miżuri li jridu jiġu mplementati mill-Istat f’oqsma diversi fil-kura tad-dimenzja. Dawn jinkludu:
1. miżuri biex jiżdied l-għarfien fuq il-kundizzjoni
2. miżuri biex id-djanjosi ssir f’ħin bikri fejn hu possibbli
3. diversi miżuri biex ikun hemm titjib fil-kura għal min ikollu id-dimenzja
4. miżuri biex il-professjonisti kif ukoll ħaddiema oħra li jieħdu ħsieb pazjenti bid-dimenzja ikollhom it-taħrig meħtieġ
5. żvilupp ta’ reġistru tad-dimenzja kif ukoll riċerka epidemioloġika f’dan il-qasam.
L-Istat irid jaħdem id f’id mal-familjari u nies oħra li jipprovdu informal care biex fejn hu possibbli dawn in-nies ikollhom it-taħrig li jkun hemm bżonn, kif ukoll l-għajnuna biex ikunu jistgħu jieħdu ħsieb l-individwi bid-dimenzja.
Jista' l-Minstru jgħid meta jaħseb li x-xogħol fuq iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta jkun lest? Jista' jagħti spjegazzjoni dan ix-xogħlijiet fiex se jkunu jikkonsistu u/jew huwiex se jżomm is-servizzi li hemm jew jekk humiex sejrin jiżdiedu jew jonqsu s-servizzi li kienu jingħataw qabel ma beda x-xogħol?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li x-xogħol fuq iċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta mistenni jkun lest lejn l-aħħar ta’ din is-sena. Ix-xogħol jirrigwarda tisbiħ tal-bini biex isir aktar funzjonali għall-ħtigijiet tal-pazjenti li jagħmlu użu minn dan iċ-ċentru. Wara li jsiru ix-xogħlijiet se jkun hemm il-faċilita’ ta’ teatru żgħir għall-operazzjonijiet taħt anesteżija lokali kif ukoll klinika speċjalizzata fuq il-feriti. Barra minn dawn is-servizzi ġodda, is-servizzi kollha li kienu qegħdin jingħataw miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta se jibqgħu jingħataw wara li jitlestew ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-servizz tad-dentistrija huwiex se jibda jingħata fil-komunità u allura fiċ-ċentri tas-saħħa jew jekk dan is-servizz huwiex se jibqa' jingħata mill-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li huwa ppjanat li s-servizzi tad-dentistrija ser jerġgħu jinfetħu fiċ-ċentri reġjonali ġodda. Is-servizz ser ikun iffukat fuq prevenzjoni ta’ mard tas-snien, tindif tas-snien u servizz ta’ emerġenza fid-dentistrija. F’ċentru wieħed ser ikun iffukat is-servizz nazzjonali sabiex jieħu ħsieb il-bżonnijiet tad-dentistrija għat-tfal tal-iskejjel.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hawnx strateġija nazzjonali biex tnaqqas l-obesità? Fiex tikkonsisti din l-istrateġija nazzjonali, min huwa responsabli tagħha u x'targets għandha? Meta huwa ppjanat li dawn it-targets jintlaħqu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk skont l-informazzjoni li tana huwa stess fil-Parlament il-flus li qed jintużaw biex jitħallsu kliniċi privati li pazjenti qed jagħmlu użu minnhom bħala emergenza bħal ngħidu aħna ġewwa l-Isptar St James kienu sejrin jintużaw biex inaqqsu l-waiting list għall-operazzjonijiet, allura kemm huwa kkalkulat li se jsiru inqas interventi biex issa jitħallas dan is-servizz? Jista' dan in-nuqqas jiġi kwantifikat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-vot tal-waiting list hemm fondi allokati għaż-żewġt inizjattivi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi żvilupp f'dawn l-aħħar ftit ġimgħat dwar dak li se jiġri rigward ir-resurfacing tat-Triq l-Istringell u Triq id-Dawr ġewwa l-Mosta minħabba l-fatt li r-residenti għandhom qed iħabbtu wiċċhom ma' toroq mimlija torba u ħofor?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Bord ta’ Inkjesta qiegħed jinvestiga l-materja tat-toroq in kwistjoni. Hekk kif tintemm l-inkjesta nkun nista’ nagħti d-dettalji li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-qatla tal-majjal fil-ġimgħa naqset taħt l-elf? Jista' jispjega x'kienu r-raġunijiet li din il-qatla niżlet b'dan il-mod?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 17714 u infakkru fit-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 32692 imressqa mill-istess Onorevoli Interpellant, ninfurmah li l-kwoti tal-qatla huma deċiżi mill-Koperattiva ta' min Irabbi l-Majjal (KIM). Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq l-mistoqsija tiegħu lill-KIM.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-qatla tal-majjal matul ix-xahar ta' Jannar, Frar, Marzu u April 2012 kenitx tlaħħaq mad-domanda fis-suq ta' majjel lokali? Jista' jispjega għaliex dan seħħ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-Ministeru ma jżommx rendikont tad-domanda tas-swieq, niġbidlu l-attenzjoni li mhuwiex ir-rwol ta’ dan il-Ministeru li, f’ambjent ta’ suq ħieles, jżomm rendikont ta’ jekk il-produzzjoni fi żmien qasir (short run) hix qed tkun ugwali jew le mad-domanda.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm ġew esportati tunellati ta' patata matul is-snin 2001/2/3/4/5/6/7/8/9/10/11 u 12? Jista' jispjega dawn il-figuri u jgħid għaliex qed ikun hemm din id-differenza kollha fl-esportazzjoni tal-patata u x'inhi l-politika tal-gvern preżenti rigward dan il-qasam?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li llum għandna suq ħieles u sa minn qabel id-dħul ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, il-Gvern ma baqax involut f’din l-attività, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19383.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li qed jistennew biex jidħlu ġewwa xi dar tal-anzjani? Jista' jagħti din l-inforamzzjoni dar b'dar u kemm ilhom jistennew?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Minstru jgħid kemm kien hemm materjal li ġie rriċiklat matul is-sena 2011 u fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2012 fl-impjanti eżistenti tar-riċiklaġġ?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nfakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-WasteServ Malta Limited mhix l-unika operator f’dan is-settur, minn-naħa tagħha l-WasteServ Malta matul is-sena 2011 ġew riciklati 21,267.79 tunellati ta’ skart, filwaqt li fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2012 ġew riciklati 4,600.45 tunellati ta’ skart fl-impjanti tal-Wasteserv. Kif joħroġ minn dak li għidt qabel, il-figuri msemmija ma jkoprux l-impjanti operati mill-privat u għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla kemm mill-ġdida kif ukoll mill-antika li hemm il-Magħtab x'qed isir minnhom u jekk humiex jinġabru jew jintużaw għal xi ħaġa oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx tagħlim kontinwu, organizzat fis-sistema edukattiva tagħna u jekk huwiex parti mit-taħriġ li jingħata lit-tfal tal-iskola b'mod regolari biex t-tfal u żgħażagħ tagħna jitilgħu b'mentalità ambjentalista? Jekk iva, x'taħriġ jingħata f'sena skolastika?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-livell primarju t-tfal jesploraw temi ambjentali bħall-ambjent naturali Malti, it-tniġġis tal-baħar, stili ta’ ħajja u ħarsien ambjentali, ir-riċiklaġġ, il-protezzjoni ta’ l-ambjent għall-kwalita’ ta’ ħajja aħjar, l-impatt negattiv ta’ l-effett serra, id-distruzzjoni tal-foresti u xita aċiduża (acid rain) fost oħrajn, fis-suġġetti ta’ l-Istudju Soċjali u kif ukoll fix-Xjenza. L-għalliema jistgħu jinkludu temi ambjentali fit-tagħlim ta’ suġġetti oħra bħall-Malti u l-Ingliż, b’għażla adegwata ta’ qari/kitba u eżempji.
Fil-livell sekondarju numru ta’ suġġetti jinkludu temi ambjentali varji fis-sillabu. Fost dawn insibu s-suġġetti tax-Xjenza Integrata, Bioloġija, Kimika, Fiżika, Ġeografija, Studji Soċjali, Studji Ewropej (European Studies) u Home Economics.
Jsir ukoll taghlim mhux formali dwar l-ambjent permezz ta’ programmi bħall-Eko Skola li dwaru ngħata aktar informazzjoni fit-tweġiba PQ numru 35104.
Fil-livell post-sekondarju l-istudenti jistgħu jagħżlu li jistudjaw s-suġġett Xjenza Ambjentali (Environmental Science) fl-Livell Intermedjarju.
Il-Qafas (Abbozz) tal-Kurrikulu Nazzjonali li ġie mniedi f’Mejju 2011 qed jipproponi l-Edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli bħala waħda mill-ħames temi interkurrikulari għal edukazzjoni ħolistika. Dan il-Qafas jaħseb biex din it-tema flimkien ma’ erba temi interkurrikulari oħra jkunu integrati fl-oqsma tat-tagħlim diversi u jipprovdu fergħat li jgħaqqdu flimkien l-oqsma kollha tat-tagħlim.
Tista' l-Ministru tgħid xi proġetti t-tfal u żgħażagħ tal-iskejjel ipparteċipaw fihom matul is-sena 2011 u fl-ewwel erba' xhur tas-sena 2012 fuq proġetti ambjentali biex ikomplu jinkoragixxu lit-tfal ikunu iktar konxji tal-ambjent naturali tagħna?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm pinnoli out of stock fid-Dipartiment tas-Saħħa u li allura pazjenti li għandhom karta roża jew safra ma setgħux jiġbru minħabba f'hekk matul x-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April u l-ewwel ġimgħat ta' Mejju 2012?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li bejn Jannar u April ta’ din is-sena kien hemm 53 tip ta’ pillola li kienet out of stock.
Jista' l-Ministru jispjega x'riforma qed issir fil-kartuna r-roża u għaliex xi pazjenti qed jgħidulhom li issa m'għadhomx intitolati għall-karta r-roża u bagħtuhom jagħmlu l-kartuna s-safra?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kriterji li fuqhom jingħata l-intitolament għall-mediċini b’xejn huma bbażati fuq l-Att tas-Sigurta’ Soċjali Kap 318 Art 23 u Skeda V tal-istess Att.
Dawk il-pazjenti li jkollhom marda kronika skont Skeda V, jirċievu d-dokument magħruf bħala l-kartuna s-safra. Dawk il-persuni li jkollhom dħul finanzjarju inqas mill-medja skont id-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali japplikaw għal Skeda II (il-kartuna r-roża).
Il-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V ġiet emendata uffiċjalment fis-27 ta’ Marzu 2012 kif ġie stabbilit fl-Avviż Legali 81 tal-2012.
Id-Dijabete Mellitus hija waħda mill-kundizzjonijiet kroniċi li qabel kienet tingħata l-kura b’xejn permezz tal-kartuna r-roża u li issa żdiedet mal-lista ta’ kundizzjonijet kroniċi ta’ Skeda V. Pazjenti li kienu jieħdu l-kura tad-dijabete permezz tal-kartuna r-roża ser ikunu jistgħu jagħżlu jekk ikomplux jieħdu l-kura meħtieġa tad-dijabete permezz tal-kartuna safra jew roża. Pazjenti li applikaw għall-kura tad-dijabete wara li ġiet fis-seħħ l-emenda hawn fuq imsemmija ser tinħarġilhom kartuna safra kif isir bħall-mard kroniku kollu.