Jista' l-Ministru jgħid meta huwa programmat li jitlesta l-isptar il-ġdid tal-onkologija? Kemm se jkun jesa' pazjenti u jekk humiex se jiżdiedu s-servizzi eżistenti li qed jingħataw ġewwa l-Isptar Boffa? Jekk iva, liema servizzi se jiżdiedu?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-Ċentru tal-Onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei huwa programmat li jkun lest sal-aħħar tas-sena d-dieħla jiġifieri sal-aħħar tal-2013.
Is-servizzi ġewwa ċ-ċentru l-ġdid ser jiżdiedu. L-ewwelnett ser ikun hemm 96 sodda (maqsumin f’74 sodda inpatient u 22 sodda daycare) – żieda ta’ 47 sodda inpatient fuq l-Isptar Sir Paul Boffa. Iċ-ċentru l-ġdid ser ikum mgħammar bi 3 Linear Accelerators ġodda. Infakkar li il-Linear Accelerator il-ġdid li ġie nstallat ġewwa l-Isptar Sir Paul Boffa ser jittieħed fiċ-Ċentru l-ġdid tal-Onkoloġija. Ser ikun hemm sala tal-Haematology, sala għall-kura tat-tfal u addoloxxenti, u sala speċjalizzata għall-kura paljattiva – servizz li diġa’ beda jopera ġewwa l-Isptar Sir Paul Boffa.
Jista' l-Ministru jgħid meta jitlesta l-isptar il-ġdid tal-onkologija kif se jintuża l-bini eżistenti li hemm il-Furjana (l-Isptar Boffa) peress li dan illum qed jagħmel ix-xogħol ta' trattament ta' pazjenti bil-kanċer?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li fil-preżent għad ma hemmx pjanijiet ta’ kif se jintuża l-Isptar Sir Paul Boffa wara li jkun lest l-isptar il-gdid tal-onkoloġija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux issir riċerka biex tindika liema tipi ta' mard tal-kanċer qed jiżdiedu u jekk jistax ikollna kura preventiva biex inaqqsu din l-inċidenza?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka ilu jżomm Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer sa mill-1991. Dan ir-reġistru jiġbor informazzjoni mingħand l-isptarijiet, kliniċi u laboratorji kollha f’Malta u Għawdex, kemm dak statali u anke dawk privati. Dan l-istess reġistru ilu membru sħiħ ta’ l- International Association of Cancer Registries (IACR) sa minn Jannar 1995. Apparti minn dan, ir-Reġistru huwa attiv f’numru mdaqqas ta’ proġetti ta’ riċerka fuq bażi Ewropeja u ilu jagħmel dan sa minn qabel Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropeja. Dan jippermetti li d-data Maltija tiġi analiżżata flimkien ma’ dik ta’ pajjiżi oħra mill-aqwa esponenti Ewropej f’dan il-qasam.
Rigward riċerka lokali, r-Reġistru jikkopera kontinwament mal-Universita’ ta’ Malta u ma’ riċerkaturi u professjonisti Maltin li jkunu qed jagħmlu riċerka f’dan il-qasam. Apparti minn hekk, id-Direttorat innifsu joħroġ tabulati b’informazzjoni dwar ix-xejriet matul l-aħħar għaxar snin fl-incidenza u l-imwiet tat-tipi prinċipali ta’ kanċer f’Malta li wieħed jista’ jsib fuq is-sit ta’ l-internet www.ehealth.gov.mt, kif ukoll rapporti perjodiċi fuq diversi aspetti tas-suġġett.
L-inċidenza ta’ diversi tipi ta’ kanċer f’Malta qiegħda u se tibqa tiżdied kif imbassar peress li l-popolazzjoni tagħna qiegħda tgħix iżjed fit-tul. Madanakollu hemm diversi strateġiji preventivi li jistgħu jiġu implimentati sabiex din tkun ikkontrollata. Il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer 2011-2015 qiegħed jimplimenta dawn l-istrateġiji b’inizzjattiva bħall-kampanji ta’ promozzjoni tas-saħħa biex jitnaqqas it-tipjip u t-tnehdija ta’ programmi organizzati ta’ screening kontra l- kanċer tas-sider u tal-musrana.
Jista' l-Minstru jgħid jekk jeżistix xi pjan nazzjonali bbażat fuq riċerka fejn jindika t-trends u l-kundizzjonijiet mediċi li qed jiżdiedu fost il-poplu u allura x'hemm bżonn li jsir biex jekk jista' jkun titnaqqas l-inċidenza ta' dawn il-kundizzjonijiet?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Direttorat għall-Informazzjoni dwar is-Saħħa u r-Riċerka jżomm Reġistri Nazzjonali tal-Kanċer, tal-Imwiet, tat-Twelidijiet, tal-Anomaliji Konġeniti, kif ukoll tal-Hospital Discharges. Dawn ir-reġistri jiġbru informazzjoni minn Malta u Għawdex u għalhekk jipermettu l-istatistika Maltija tiġi annaliżżata biex minnha joħorġu trends ta’ mwiet u mard/ kundizzjonijiet li qegħdin jolqtu lill-poplu Malti. Din l-informazzjoni tiġi annalizzata f’tul iż-żmien għaliex ħafna minn dawn ir-reġistri ilhom jeżistu għal madwar ħmistax-il sena.
Minnbarra hekk, dan id-dipartiment huwa attiv fil-qasam tar-riċerka billi jagħmel surveys li minnhom tinħareġ informazzjoni dwar il-prevalenza ta’ mard kif ukoll informazzjoni dwar is-saħħa ġenerali tal-poplu Malti u Għawdxi. Dawn jinkludu il-National Health Interview Surveys li saru fis-2002 u fit-2008 u il-Pilot Health Examination Survey li sar fil-2010. Hemm ukoll surveys oħra li għaddejjin bħalissa.
Minn din ir-riċerka jitfasslu diversi strateġiji preventivi li jistgħu jiġu implimentati sabiex il-mard jkun ikkontrollat. Strateġiji li diġa ġew mnedija u jinkludu l- Healthy Weight for Life Strategy, il-Non Communicable Diseases Strategy, il-Pjan Nazzjonali tal-Kanċer, Strateġija tas-Saħħa Sesswali u diversi kampanji ta’ promozzjoni tas-saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid meta huwa ppjanat li ċ-Ċentru tas-Saħħa fil-Mosta jerġa' jibda jopera bis-servizzi kollha li kellu li kien joffri qabel ma dawn bdew jitwaqqfu biex isir ir-refurbishment?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizzi kollha taċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta huma maħsubin li jerġgħu jibdew jinagħtaw mil-Mosta lejn l-aħħar ta’ din is-sena.
Waqt r-refurbishment ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, hemm ppjanat li s-servizzi kollha, ħlief dak tal-X-rays, sejrin jingħataw minn ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa ta’ Birkirkara. Is-servizz tal-X-rays sejjer jibqa jingħata mill-Mosta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex se jiżdiedu, jonqsu jew jibqgħu dawk li kienu s-servizzi li ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta kien joffri wara li jsir ir-refurbishment?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ingħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35116.
Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — infiq f'ċelebrazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sena b'sena, fis-snin li għaddew 2011, 2010, 2009 u 2008 f'ċelebrazzjonijiet, parties, ikliet, ikliet ta' ospitalità u festini oħrajn mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment? Min kien responsabbli għal dawn l-attivitajiet u kemm ġiet tiswa kull attività?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu shares jew kemm huwa involut bħala shareholder il-Gvern Malti f'kumpaniji/aġenziji/korporazzjonijiet/istituti/fundazzjonijiet u gruppi oħrajn differenti?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34981.
Ħ'Attard — Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ - ilment dwar rwejjaħ
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi ħa, jew qed jieħu, jew inkelli x'bi ħsiebu jieħu rigward ir-riħa qawwija li ħierġa mid-drenaġġ f'Ħ'Attard l-aktar fl-inħawi tat-Triq l-Imdina u Triq Ħaż-Żebbuġ peress li din ir-riħa ilha ħierġa għal aktar minn sena bl-inkonvenjenza kbira għar-residenti, u anki b'periklu għas-saħħa tagħhom? Jista' jara x'jista' jsir peress li r-residenti ġew informati, minn rapreżentanti tad-Dipartiment tas-Saħħa li din hija riżultat li hemm min qed jitfa' l-ħmieġ tal-annimali mill-inħawi tal-Imdina?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34978.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - Ħobb lil Pajjiżek, Żommu Nadif! mill-Ufficcju tal-Prim Ministru 2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li saru 5,000 kopja tal-pubblikazzjoni li tqassmu waqt Notte Bianca tas-sena li għaddiet. L-istampar ġie jiswa €4,935.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati fuljetti u pubblikazzjonijiet mid-Department of Information u mill-Ministeri, ministeru b'ministeru matul is-sena 2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba dwar il-pubblikazzjonijiet maħruġa mill-OPM qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tunellata ta' skart riċiklat inġabar fl-ewwel 4 xhur tal-2012? Jista' jgħid fejn imur dan l-iskart li suppost huwa riċiklat? Iktar minn hekk allura fejn jerġa' jintuża?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35101 imressqa minnu stess għas-Seduta 486 ta’ disa’ t’ijiem ilu.
B’ riferenza għall-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill- Onor.Interpelant li t-tunellaġġi imsemmija ġew esportati għar riċiklaġġ lejn dawn il-pajjiżi segwenti: Svezja ,Tajlandja Cina, Singapore, Indonesia, India, Hong Kong, Spanja u Malaysia.L-iskart imbgħad igħaddi minn proċessi skond il-frazzjoni li jerġgħu jibdlulu n-natura tiegħu għal prodott u dan jerġa jkun jista’ jitpoġġa fuq is-suq: ħafna drabi taħt tikketta li turi li hu magħmul minn prodott riċiklat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se jitnaqqsu ħaddiema mal-Air Malta u meta se jispiċċaw dawn il-ħaddiema? Jista' jgħid ukoll kemm idaħħlu ħaddiema ġodda jaħdmu mal-Air Malta matul ix-xhur ta'Jannar, Frar, Marzu u April 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba ma tistax tingħata minħabba li hija kummerċjalment sensittiva.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35102 u jgħid jekk il-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla kemm mill-ġdida kif ukoll mill-antika li hemm il-Magħtab x'qed isir minnhom u jekk humiex jinġabru jew jintużaw għal xi ħaġa oħra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li partijiet mill-gassijiet li qed joħorġu mill-miżbla qiegħdin iservu sabiex tkun iġġenerata enerġija taħt forma ta’ sħana biex tgħin l-impjant RTO u l- flare li jittrattaw il-gassijiet oħra li jkunu ġenerati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa għandux linji gwida ta' xi tfisser palliative care? Jistgħu l-pazjenti li jkunu rikoverati ġewwa xi sptar kemm pubbliku kif ukoll privat ikunu jafu d-drittijiet tagħhom bħala pazjenti? Jekk iva, kif jistgħu l-pazjenti jġibu din l-informazzjoni?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35022 u 31739 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni ta' kemm qed jiswew lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar l-uffiċċji taċ-chairman, tas-CEO u tal-erba' diretturi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-gradi, il-paga, il-perkaċċi u l-overtime li tħallsu lil kull impjegat f'dawn l-uffiċċji? Tista' din l-informazzjoni tkun maqsuma sena b'sena mil-1998 sal-lum u tingħata spjegazzjoni ta' kif telgħu l-ispejjeż fuq kull individwu?
Response (DEMARCO, MARIO)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 34979, 34225, 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35058 u 34651 u cioè: B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid:
a) fejn/fliema stadju wasal;
b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu;
ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi;
d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant,
full cost breakdown
; u
e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett,
full costs breakdown
u min se jħallas?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippublikati u kemm ġew jiswew dawn il-publikazzjonijiet - Minn Qalbna ... Għalik mis-Segretarjat Parliamentari għall-Anzjani u l-Kura fil-Komunità?
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - Flimkien Noħolqu x-Xoghol Għalik mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru 2012?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-pubblikazzjoni tqassmet lil kull familja f’Malta u l-istampar ta’ din il-pubblikazzjoni ġie jiswa €22,050. Il-kumpanija li stampat il-magazine intgħażlet minn kumitat ta' aġġudikazzjoni wara talba għal kwotazzjoni lil seba' kumpaniji li ntalbu jissottomettu kwotazzjoni f'envelope issiġġillat lid-Dipartiment tas-Servizzi Korporattivi. Kien hemm ħames kumpaniji li tefgħu l-kwotazzjoni u ntgħazlet l-orhos offerta.