Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li għandhom 'il fuq minn 80 sena u li sal-aħħar ta' Mejju 2012 kien għadhom ma ngħatawx il-bonus ta' €300 li ngħata mal-budget ta' din is-sena għall-anzjani ta' 'l fuq minn 80 sena?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor interpellant li sal-11 ta’ Mejju 2012 kien hemm madwar 80 anzjan li applikaw u li għadhom ma ngħatawx l-għotja tat-€300. Il-proċess biex dan il-ħlas isir ser isir fil-jiem li ġejjin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn postijiet f'Malta u Għawdex li joffru night shelters għall-anzjani u kemm huwa n-numru ta' anzjani li jistgħu jagħmlu użu minn dan is-servizz?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-postijiet f`Malta li joffru night shelters għall-anzjani u n-numru ta` anzjani li jistgħu jagħmlu uzu minn dan is-servizz huma dawn:
Lokalita` Numru ta` Sodod
Zejtun 8
Mellieħa 8
SVPR, Luqa* 8
*Huwa mistenni li r-Residenza San Vinċenz de Paule se tibda tagħti dan is-servizz fil-jiem li ġejjin.
Xogħol meħtieġ għaċ-ċertifikazzjoni konformi mal-Global GAP
Question
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk hemmx spetturi Maltin li jagħmlu x-xogħol meħtieġ biex sar iċ-ċertifikazzjoni ħalli bdiewa Maltin ikunu konformi mal-Global GAP u li dawn l-esperti Maltin li ħadu sehem f'dan ix-xogħol ukoll għadhom ma tħallsux tax-xogħol li għamlu fl-2009?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-responsabbiltà tal-Gvern fejn tidħol l-esportazzjoni u importazzjoni hija waħda limitata għall-fatt li jekk prodott li jkun qiegħed ikun impurtat jew esportat huwiex ħieles minn mard ta’ kwarantina jew le, skont kif inhu stipulata fil-ligijiet rispettivi. Il-Global GAP hija inizjattiva privata li għamluha l-esportaturi għall-valur miżjud. Għaldaqstant il-Gvern m’għandu ebda spetturi fuq din iċ-ċertifikazzjoni.
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet mgħotija għall-Mistoqsijiet Parlamentari 35510 u 35511, nikkonferma li l-Gvern ta l-assistenza tiegħu sabiex din iċ-ċertifikazzjoni sseħħ. Madankollu niġbed l-attenzjoni li l-esperti Maltin għamlu dan ix-xogħol ta’ ċertifikazzjoni fuq bażi personali fi ftehim privat mal-esportaturi u għalhekk fil-każ li għad hemm ħlasijiet pendenti għal dan ix-xogħol privat hija kwistjoni purament kummerċjali bejn żewġ partijiet privati.
Jaħsibx il-Ministru li n-nuqqas ta' pagament lid-ditta Olandiza li għamlet iċ-ċertifikazzjoni jista' b'xi mod jaffettwa ir-reputazzjoni tal-bdiewa Maltin u ta' Malta b'mod ġenerali u li reputazzjoni ħażina tista' ukoll tafettwa l-esportazzjoni tal-patata minn Malta għal dan il-pajjiż?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru.35512,ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlas kollu dovut mill-Gvern sar. Jidher li xi bdiewa/esportaturi għadhom ma tħallsux minħabba xi kwistjoni kummerċjali, u għalhekk mhijiex materja li jista jintervjeni l-Gvern fiha b’ mod dirett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ż-żmien ta' stennija qabel pazjenti li għandhom bżonn it-trattament għall-cancer tat-tyriod magħruf bħala Iodine jkunu jistgħu jibdew jingħatawlhom dan it-trattament? Veru li ż-żmien ta' stennija issa laħaq is-sitt xhur qabel ma jibdew il-kura meħtieġa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li n-numru ta’ pazjenti li qed jistennew għall-kura tar-radio-iodine huwa ta’ 41.
Bħalissa fil-kamra tar-radio iodine unit ġewwa l-isptar Sir Paul Boffa qed jiġi trattat pazjent fil-ġimgħa, pero’ qed isir xogħol biex jitjieb is-servizz u minn pazjent wieħed fil-ġimgha jiżdied għal erbgħa u b’hekk inlaħħqu maż-żieda fin-numru ta’ pazjenti.
Jista' l-Ministru jintervjeni biex ma jibqax ikun hemm faċilità waħda biss li tipprovdi l-kura tat-trattament għall-kanċer tat-tyriod magħruf bħala Iodine minħabba li din qed iġġib ħafna tensjoni żejda u stress qawwi fuq pazjenti li jkollhom bżonn din il-kura minħabba l-fatt li dawn qed ikollhom jistennew xhur sħaħ qabel ma jibdew il-kura?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Ninsab infurmat li l-Isptar Boffa għandu ppjanat xogħol sabiex in-numru ta’ pazjenti li jiġu mogħtija trattament għall-kanċer tat-Tyroid ser jiżdied minn wieħed għal erbgħa fil-ġimgħa. Dan ix-xogħol mistenni jdum madwar xhar u ser jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Waiting list tal-persuni li għandhom bżonn il-kura tal-kanċer
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-waiting list ta' pazjenti li għandhom bżonn it-trattament għall-kanċer magħruf bħala il-kanċer tat-tyriod - Iodine?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35515.
Persuni b'diżabilità — faċilitajiet biex jagħtu sapport
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn faċilitajiet kemm tal-gvern kif ukoll tal-privat li jagħtu s-sapport biex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jmorru jgħixu fihom b'mod indipendenti jew semi indipendenti u jibqgħu fil-komunità?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-dar tal-komunità Madonna tal-Mellieħa nbniet b’mod li tilqa’ għall-ħtiġijiet tal-anzjani kif ukoll tal-persuni b’diżabilità. Meta nbniet din id-dar tal-komunità kien hemm id-deciżjoni li din tkun residenza fil-komunita’, kemm għal persuni b’diżabilita’, kif wkoll għall-anzjani. Din id-dar fil-komunità toffri diversi servizzi li jinkludu wkoll day centre, night shelter u berġa. Id-Djar oħra kif ukoll ir-residenza ta’ San Vinċenz de Paule jilqgħu wkoll numru ta’ persuni b’diżabilita’.
Sadattant nirreferi lill-Onor. Interpellnat lill-Ministru konċernat sabiex jkunu jistgħu jingħatw aktar dettalji dwar x’hemm f’dan il-qasam.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern huwiex beħsiebu jkompli jixtri servizzi li joffru l-kliniċi privati matul is-sena 2012? Jekk iva, liema huma dawn is-servizzi li se jixtri u jekk hux se ssir sejħa pubblika biex kliniċi li ma kenux joffru dawn is-servizzi jkunu jistgħu jibdew jagħmlu dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Gvern se jkompli jixtri servizzi li joffru kliniċi privati wara li ssir evalwazzjoni tal-kuntratti eżistenti.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-gvern għadda s-somma ta' €30,000 lill-assoċjazzjoni tal-Bdiewa biex jiffinanzja ċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali Good Agricultural Practise?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nikkonferma li l-skont il-ftehim milħuq bejn il-Gvern, l-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u l-esportaturi, il-Gvern għadda din is-somma lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa.
Proċess biex id-Dipartiment tal-Biedja u Sajd jagħmel ċertifikazzjoni fuq il-patata Maltija
Question
Jista' l-Ministru jispjega l-proċess li mexa bih id-dipartiment tal-bieda u s-sajd biex wassal ħalli jagħti lil dawk li ħadu fl-aħħar mill-aħħar il-flus biex jagħmlu din iċ-ċertifikazzjoni tal-patata Maltija għall-esportazzjoni globali G.A.P (Good Agricultural Practice)? Kien hemm sejħa pubblika? Kien hemm iktar minn interess wieħed għal din il-biċċa tax-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwat li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35510, ninfurmah li din l-għajnuna ngħatat fuq perjodu ta’ tlett snin wara li tlett pack houses prinċipali ġew għand il-Gvern ħalli l-Gvern jassistihom jiksbu ċ-ċertifikazzjoni kollha mitluba fl-esportazzjoni tal-patata. Kienu l-pack houses stess li irrikommandaw lill-Assoċjazzjoni tal-Bdiewa u mhux il-Gvern u dan wara li ġew evalwati il-kompetenzi neċessarji.
Tajjeb li jingħad li din l-għajnuna kienet ġiet notifikata lill-iState Aid Monitoring Board skont il-proċedura u l-għajnuna mogħtija ikkwalifikat biex tkun rimborsabbli skont kif speċifikat fil-kuntratt li sar bejn il-partijiet.
Kontijiet pendenti ma' kumpaniji li jagħmlu ċertifikazzjoni tal-patata Maltija
Question
Jikkonferma l-Ministru jekk qattx intalab jintervjeni biex jekk hemm kontijiet pendenti lill-kumpaniji barranin fosthom kumpanija Olandiza N.A.C. li għamlet iċ-ċertifikazzjoni tal-patata maltija għall-esportazzjoni, ma jibqgħux pendenti?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Filwaqt li nirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35511, nikkonferma li kienet saret talba biex dan il-Ministeru jintervjeni fuq il-kwistjoni li għaliha qiegħed jagħmel referenza l-Onorovoli Interpellant. Il-Ministeru jista’ ukoll jikkonferma li kien għamel ir-rakkomadazzjonijiet biex il-ħlasijiet pendenti jsiru. Nittama li l-Onorevoli Interpellant jifhem li dan hu ftehim bejn terzi u allura ftit jista’ jintervjeni l-Ministeru b’mod dirett.
Sadanittant, il-Ministeru beda l-proċeduri biex jirkupra l-fondi li ħareġ il-Gvern jew parti minnhom peress li jidher li l-arranġament li kien intlaħaq bejn it-tlett partijiet (esportaturi, Gvern u l-ATB) ma ġiex milħuq fit-totalità tiegħu.
Mosta — żona Santa Margerita - barrieri li jużaw l-isplussivi
Question
Jista' l-Minstru jgħid liema awtorità tista' tigwida lir-residenti fiż-żona tal-Mosta Santa Margerita li qegħdin iħossu t-theżżiż kbir kull darba li jinħarqu l-furnelli biex jitkisser il-blat ġewwa l-barrieri fil-viċin? Jista' jgħid min huwa responsabli li jara li meta jsir dan ix-xogħol ta' tkissir ta' blat fil-barrieri jkun stipulat skont il-liġi ?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita ta' Malta dwar L-Ambjent u l-Ippjanar tista tiggwida lil-residenti li joqgħodu viċin ta’ barrieri li jaħarqu il-furnelli u jixtiequ jagħmlu xi ilment.
L-Awtorita ħarġet żewġ dokumenti fuq
blasting
fil-barrieri tal-qawwi. Dokument minnhom iservi ta' linji gwida għall-operaturi sabiex il-
blasting
isir skond l-aħħar standards dwar din l-attivita. F'dan id-dokument ġew ukoll stipulati limiti fl-emmisjonijiet ta' vibrazzjoni u
air overpressure
(
blast
fl-arja).
It-tieni dokument approvat huwa
Terms of Reference
, sabiex kull operatur jkun jista jissottometti
Blasting Method Statement
permezz ta' konsulent ambjentali. Dan il-
Method Statement
, fost affarjiet oħrajn, irid jinkludi metodi sabiex l-effett tal-
blasting
fuq iż-żoni tal-madwar jiġi mitigat. Il-konsulent ambjentali jissottometti rapport bil-livelli ta' l-emissjonitiet irrekordajati wara kull attivita ta' blasting.
Ir-rapporti kollha u d-dokument relatati msemmija jinsabu kollha għall-access tal-pubbliku fil-website ta' l-Awtorita' (http://www.mepa.org.mt/blastmonitoring). L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid min qiegħed fuq il-bord li qed jagħmel l-inkjesta u jekk dan il-bord inħatarx apposta jew jekk dan il-bord kienx diġà stabbilit u intuża' biex jagħmel din l-inkjesta? Min ħatar lill-membri li qed jiffurmaw dan il-bord u lil min iridu jwieġbu bir-riżultat miksub? Minn min huwa komposta l-bord imsemmi, xi kwalifikazzjonijiet u esperjenza għandhom fix-xogħol in kwestjoni l-membri tal-bord u qatt servew f'xi bord qabel? Kemm-il darba ġrat fl-istorja tal-kunsilli lokali li jinħatar bord kif inħatar hawn imsemmi u liema kienu l-każijiet li investigaw?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Bord ta’ Inkjesta inħatar mill-Ministeru għall-Intern bħala l-Ministeru responsabbli mill-Kunsilli Lokali skont Artikolu 4 tal-Att dwar l-Inkjesti. Huwa kompost mis-Sinjuri Louis Cilia bħala Chairperson, Martin Scicluna u Natalino Attard. Is-Sur Cilia hu ex-Segretarju Permanenti (Ministeru tal-Intern u wara tal-Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni) u ex-Direttur-Ġenerali (Ministeru tal-Intern) fis-servizz pubbliku. Is-Sur Scicluna għandu esperjenza twila f’diversi karigi għolja fis-servizz pubbliku Ingliż kif ukoll dak Malti bhala konsulent fuq is-sigurtà. Filwaqt li s-Sur Attard fil-preżent huwa Direttur Probation and Parole u ex-Direttur tal-Gvern Lokali. It-tlieta li huma servew matul il-karriera tagħhom (u anke wara) fuq diversi bordijiet ta’ inkjesti kif ukoll bordijiet oħrajn.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35108, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li r-resident li qed jbatu minħabba t-torba li hemm bħalissa f'dawn it-toroq imsemmija u allura meta jista' jkun li jkun hemm soluzzjoni għal dan l-inkonvenjent? Meta l-bord maħtur huwa pjanat li jlesti li inkjesta tiegħu u joħroġ ir-riżultat? X'logika qed jimxi biha min qed imexxi din l-inkjesta u xi jrid jfittex b'dak li qed jagħmel?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Bord ta’ Inkjesta qed jagħmel mill-aħjar li jista’ biex ir-rapport tiegħu jitlesta malajr kemm jista’ jkun. Iżda mhux dejjem jiddependi minnu għax hemm fatturi oħra li jistgħu jittardjaw il-proċess fosthom id-disponibbilità tal-membri u posponimenti validi.
Il-Bord għandu termini partikolari mgħotija mal-ħatra tiegħu, li huma s-segwenti:
1. Jeżamina u jirraporta dwar iċ-ċirkostanzi fejn ordni għal xogħolijiet ġiet preżentata lil
V & C Contractors
f’Diċembru 2011 biex isiru xogħolijiet ta’
road-surfacing
fi Triq id-Dawr u Triq l-Istrinġell, Mosta;
2. Jistabbilixxi il-punt safejn wasal it-twettiq ta’ dik l-ordni skont il-proċeduri, regoli u regolamenti stabbiliti fejn ġeneralment japplikaw il-funzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u iktar speċifikament fir-rigward tar-regolament dwar Kuntratti Pubbliċi;
3. Jidentifika kwalunkwe evidenza ta’nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti, imġieba ħażina, jew abbuż ta’ awtorità da parti ta’ dawk prinċipalment involuti; u
Jagħmel rakkomandazzjonijiet neċessarji fid-dawl tat-tisjib u l-konklużjonijiet li jasal għalihom.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 35107, fejn huwa spjega li ġie nfurmat li fil-vot tal-waiting list hemm fondi allokati għaż-żewġ inizjattivi, jiġifieri wieħed li jitnaqqsu l-waiting lists u l-ieħor biex jitħallsu visti li pazjenti jagħmlu ġewwa l-Isptar St. James, jista' l-Ministru jagġti iktar informazzjoni dwar kemm huwa kbir dan il-fond? Kif huwa imqassam u allura kemm huwa pjanat li jistgħu jsiru visti mill-publiku ġewwa l-klinika privata għal vista u kemm jistgħu jew huwa kkalkulat li sejrin jsiru operazzjonijiet żejda biex titnaqqas il-waiting list?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li hemm €2.5 miljun allokati fil-vot tal-waiting list. Il-fond allokat għaż-żewġ inizjattivi jiddependi mir-rispons tal-publiku għaż-żewgt inizjattivi li nieda d-dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid kif sejrin u kemm se jiġu mħalsa s-servizzi li l-poplu se jieħu mill-kliniċi privati li issa għandu d-dritt li jmur jagħmel visti fihom fil-weekends jekk jkollu l-ħtieġa?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li s-servizz li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant qed jintuża minn numru ta’ persuni li qegħdin jinqdew kif mistenni. Is-servizzi qed jiġu mħallsa skont kif miftiehem fil-kuntratt u li minħabba s-sensitivita kummerċiali dawn il-figuri ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jispjega jekk pazjent li jmur ġewwa klinika privata huwiex intitolat għal vista biss bla ħlas minn ġewwa l-kliniċi privati fil-weekends jew jekk huwiex intitolat għall-kura kollha li jkollu bżonn b'xejn minn dik l-klinika f'dak il-mument?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-ftehim milħuq bejn id-Dipartiment tas-Saħħa u l-isptarijiet privati jelenka li l-pazjenti li jużaw dan is-servizz huma ntitolati għall-vista minn infermier u minn tabib, imma wkoll għall-diversi servizzi oħra li jkun hemm bżonn. Dawn is-servizzi huma elenkati fil-ftehim - fosthom x-rays konvenzjonali (plain), elektrokardjogramma, testijiet tad-demm bażiċi, tindif ta’ feriti u punti (suturi) fejn ikun hemm bżonn, faxex, amministrazzjoni ta’ drips u mediċini kemm f’sura ta’ titqib kif ukoll ta’ pilloli biex jinqdew, ġibs għall-każijiet ta’ ksur. Hu possibbli ukoll li pazjent jinżamm għal ftit ħin biex jiġi mogħti xi kura u sabiex jiġi evalwat l-effett tat-trattament li jkun ingħata. F’każ li l-pazjent/a jkollu/ha bżonn ta’ aktar konsultazzjoni fl-isptar Mater Dei, b’ko-operazzjoni mal-isptar Mater Dei, jista’ jiġi offrut wkoll is-servizz tal-ambulanza.