Jista' l-Ministru jispjega r-razzjonal għaliex il-kaċċaturi qed jiġu mitluba jħallsu liċenzja oħra qabel ma jibda l-istaġun tal-kaċċa meta dawn diġà jkunu ħallsu l-liċenzji neċessarji fil-bidu tas-sena? Jista' jgħid fejn qed jintużaw dan il-flus li jinġabru minn din il-liċenzja addizzjonali?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-flus li jinġabru minn din l-liċenzja addizzjonali qed jintużaw biex titħaddem is-sistema tal-Carnet de Chasse. Dawn l-ispejjeż jinkludu il-produzzjoni tal-booklets tal-kaċċa u tal-insib, it-tqassim u l-ġbir ta' dawn il-booklets, id-data entry, surveys dwar l-għasafar, is-servizz tal-pulizija waqt l-istaġun tal-kaċċa, il-produzzjoni ta' armbands għall-kaċċaturi u spejjeż amministrattivi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm kaċċaturi li ħallsu biex jkollhom liċenzja speċjali ħalli jkunu jistgħu jikkaċjaw fl-istaġun li għadu kemm għalaq tal-Kaċċa? Jista' jgħid kemm-il tip ta' liċenzja u permessi jridu jħallsu kaċċaturi u nassaba biex ikunu eleġibli biex jikkaċjaw u jonsbu għal kull tip ta' kaċċa li tippermetti l-liġi Maltija?
Response (DEMARCO, MARIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li din is-sena l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar irċeviet total ta’ 6,117-il talba għal liċenzja speċjali għall-kaċċa fir-rebbiegħa. Minn dawn l-applikazzjonijiet erbgħa kienu meqjusin bħala invalidi, peress li l-applikanti ma kellhomx liċenzja tal-kaċċa tal-Pulizija valida (licenzja għall-ġarr ta’ arma tan-nar għall-kaċċa ta’ għasafar fuq l-art) fid-data tal-għeluq tal-applikazzjoni. Għaldaqstant, fl-2012 l-Awtorità ħarġet total ta’ 6,113-il liċenzja għall-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi t-tieni parti tal-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Korp tal-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema biex tieħu l-liċenzja f'Malta tal-muturi hijiex ikkupjata minn xi pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea jew inkella dawn ir-regolamenti li fosthom biex issuq kull tip ta' mutur trid tinżel għat-test b'mutur 650cc humiex regolamenti lokali? Veru li fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea biex issuq kull tip ta' mutur jekk tinżel għat-test b'mutur 350cc huwa biżżejjed?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li mhux minnu li biex issuq kull tip ta' mutur trid tinżel għat-test tal-licenzja b'mutur 650cc. Ir-regolamenti applikabbli f'Malta huma r-regolamenti dwar vetturi bil-Mutur (Liċenzja tas-Sewqan) u li saru bħala traspożizzjoni tad-direttiva tal-Unjoni Ewropja dwar l-istess materja. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tat-Tielet Skeda tal-imsemmija regolamenti li turi r-rekwiżiti tekniċi minimi għal vetturi użati fit-testijiet dwar ħila u mġieba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żoni pubbliċi li jipparkjaw fihom il-karozzi? Jista' jgħid f'liema lokalitajiet qegħdin dawn u x'inhi l-kapaċità ta' karozzi li jesgħu?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi l-karozzi jistgħu jipparkjaw f'kull żona pubblika fejn hu permess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk issa li qed jinbena sptar ġdid tal-onkoloġija ħasibx biex persuni li jkunu se jagħmlu użu minn dawn is-servizzi u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw? Jista' jgħid jekk huwx se jinbena xi car park ieħor ħdejn l-Isptar Mater Dei?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ċ-ċentru tal-onkoloġija ġewwa l-Isptar Mater Dei se jkollu numru ta’ postijiet għall-parkeġġ sabiex persuni u viżitaturi li jkunu ser jagħmlu użu mis-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija u l-familjari tagħhom ikollhom fejn jipparkjaw.
Infakkar lil Onor. Interpellant li ċ-ċentru tal-onkoloġija huwa estensjoni tal-Isptar Mater Dei u l-faċilitajiet ta’ parkeġġ eżistenti tal-Isptar Mater Dei ser ikunu għad-disposizzjoni ta’ dawk li jużaw is-servizzi taċ-ċentru tal-onkoloġija.
Madankollu il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi qed tistudja l-possibilta’ li żżid il-parkeġġ tal-karozzi fuq sit biswit l-Isptar Mater Dei. Aktar dettalji dwar dan jingħataw hekk kif ikunu magħrufa.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35221, 34979, 34225, 33489 u 32492 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk jeżistix xi body-regulator li jirregola kemm importatur irid u għandu d-dritt li jagħmel profitt fuq il-prodotti li jimporta? Jista' jgħid jekk humiex l-istess regolamenti li jirregolaw lil dan il-body irrelevanti minn xi jkun qed jiġi impurtati?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għadha qed tinġabar u se tingħata f’seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 35222, 35058 u 34651 u cioè: B'referenza għall-proġett tar-relocation ta' 17-il razzett, issa niżlu għal 12-il razzett, flimkien mal-impjant tat-trattament tad-demel ġos-south/Qrendi, liema proġett ilu mwiegħed mill-2007, sallum għad lanqas l-out line permit ma ħareġ, jista' l-Ministru jgħid:
a) fejn/fliema stadju wasal;
b) kemm intnefqu flus sa issa, u kif intnefqu;
ċ) kemm hemm raħħala li konfermaw bil-miktub/intrabtu li jmorru l-Qrendi;
d) kemm hu maħsub li jiġi jiswa dan l-impjant,
full cost breakdown
; u
e) kemm hu maħsub li jiġi jiswa kull razzett,
full costs breakdown
u min se jħallas?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess tal EIA wasal fl-istadju ta’ konsultazzjoni u saret laqgħa pubblika għal dan il-għan nhar l-4 ta’ Mejju 2012. Bħala preparamenti meħtieġa, saru numru ta’ studji (inklużi minn naħa arkejoloġika) u pjanti flimkien mar-rapporti meħtieġa għall-EIA u li b’kollox ġew jiswew €123,753.Sadanitant għaddejjin laqgħat ta’ diskussjoni mal- KPH u ‘l-fuq minn 10 r-raħħala li esprimew l-interess tagħhom u l-konvinzjoni tal-bżonn li jimmodernizzaw is-servizzi tagħhom.Huwa stmat li l-impjant għat-trattament tad-demel huwa mistenni jqum madwar €7 miljuni. Sejra issir applikazzjoni għall fondi ta’ l-Unjoni Ewropea għall-finanzjament ta’ dan il-proġett.
pubblikazzjoni -B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 35226 u jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp tal-Budget 2012?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat li l-publikazzjoni, li ipprovdiet informazzjoni lill-pubbliku ġenerali dwar l-inizjattivi u l-iskemi mħabbra fil-Budget 2012 sewa €3,150+VAT għad-diżinn u produzzjoni, u €30,600 +VAT għall-istampar ta’ 157,000 kopja.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm social cases fl-Isptar Mater Dei matul l-ewwel 5 xhur tas-sena 2012 u x'jindika dan meta kkomperati mal-ewwel 5 xhur tas-snin 2009, 2010 u 2011?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-ħin ta' stennija li qattgħu l-pazjenti jistennew wara li jidħlu ġewwa l-holding bay fl-Isptar Mater Dei qabel ma jittellgħu ġewwa s-swali tagħhom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema parti eżatt tal-Isptar qed jirreferi għaliha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hija l-popolazzjoni ta' anzjani li jagħmlu użu mid-day centres li hawn f'Malta u Għawdex day center b'day center? Kemm-il darba fil-ġimgħa jmorru d-day center? Jiġi provdut transport għal dawn id-day centers u kemm-il darba fil-ġimgħa dan t-transport jiġi provdut għall-anzjani li jagħmlu użu miċ-ċentru? Jista' jgħid kemm hija l-ispiża għal kull anzjan biex jagħmel dan?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Rigward id-day centres f’Għawdex nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx spezzjonijiet u reġistrar ta' x'jidħol merkanzija mill-portijiet tagħna anki mill-katamaran għall-konsum Malti u Ghawdxi?
Response (GATT, AUSTIN)
Il-materja in kwistjoni ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux konxju ta' kemm hawn barranin li qed jiġu f'Malta jbiegħu kull tip ta' affarijiet, minn żraben, skieken u għodda minn ġewwa l-karozzi tagħhom b'kompetizzjoni diretta ma' tal-ħwienet li għandhom ħafna iktar spejjeż biex ibiegħu l-istess affarijiet? Jistgħu jittieħdu passi għaliex fil-waqt li l-Maltin kemm dawk li jbiegħu mill-vannijiet kif ukoll dawk li jbiegħu minn ġewwa l-ħwienet għadhom diversi liċenzji u spejjeż x'jagħmlu dawn il-barranin li qed ibiegħu minn ġewwa l-karozzi tagħhom m'għandhom xejn minn dan peress li din is-sitwazzjoni qed toħloq kompetizzjoni mhux ġusta ma' tal-ħwienet u vannijiet Maltin?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninsab infurmat illi meta persuna diġà jkollha liċenza jew tkun xort’oħra legalment stabbilita biex twettaq xi attività kummerċjali fi Stat Membru ieħor, u dik il-persuna tkun tixtieq tiġġestixxi dik l-attività kummerċjali f ’Malta fuq bażi mhux permanenti u li ssir minn żmien għal żmien, l-awtorità regolatorja m’għandhiex twaqqaf lil dik il-persuna milli tagħmel dan billi timponi xi ħtiġiet li jkunu diskriminatorji, mhux meħtieġa jew sproporzjonati:
Iżda l-awtorità regolatorja tista’ timponi dawk il-ħtiġiet dwar il-provdiment ta’ attività ta’ servizz partikolari, meta dawn ikunu ġustifikati għal raġunijiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ l-ordni pubbliku, is-sigurtà pubblika, is-saħħa pubblika jew il-protezzjoni tal-ambjent:
Iżda wkoll meta tkun qegħda tistabbilixxi jekk provditur ikunx qiegħed jeżerċita l-libertà tiegħu li jipprovdi servizzi fi ħdan it-tifsir tal-artikolu 6 tal-Att dwar Servizzi li jingħataw fis-Suq Intern u ta’ l-Artikolu 49 tat-Trattat, jew jekk ikunx każ ta’ stabbiliment, jew jekk provditur ta’ servizzi jkunx qiegħed jieħu vantaġġ mil-libertà li jforni servizzi, l-awtorità kompetenti għandha tivvaluta u tiddeċiedi kull każ fuq il-mertu individwali tiegħu u f’konformità mad-dritt Komunitarju u mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Dan iffiser li jekk il- persuni imsemmija huma minn pajiżżi oħra membri tal-Unjoni Ewropeja u għandhom liċenza biex ibiegħu fit-toroq , m’ghandomx bżonn liċenza oħra minn Malta. Pero xorta iridu joservaw ir-regolamenti relevanti. Jekk m’humiex minn pajjiżi oħra membri tal-Unjoni Ewropeja għandhom bżonn ukoll liċenza. Ninforma lil Onor. Interpellant li kul meta saru Rapporti lill-awtorita kompetenti u kien hemm bażi biex jittieħdu passi fil-Qorti, dawn il-passi ittieħdu, bħal per ezempju meta barranin, anke minn pajjizi tal-Unjoni Ewropea, inqabdu jbiegħu bi ksur tal-liġi tal-VAT.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hawn persuni li l-oriġini tat-twelid tagħhom mhux Malti u li dawn kienu qed jaħdmu f"Malta bil-permessi kollha neċessarji fl-aħħar ta' Ġunju 2012?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill Onor Interpellant biex jagħmel il-Mistoqsija lil Ministru kkonċernat.
Tista' l-Ministru tgħid jekk bejn l-2006 u l-2011 u fl-ewwel ħames xhur tas-sena 2012 kienx hawn persuni li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol jew anki tilfu ħajjithom u li dawn ma kinux suppost qed jaħdmu waqt li kienu f'Malta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kapaċità għandhom dawn il-faċilitajiet li hawn eżistenti li joffru sapport lill-persuni b'diżabilità biex jibdew jgħixu fihom u jibqgħu jgħixu fil-komunità?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Minstru jgħid għandux ħsieb li jagħmel ftehim ma' xi klinika privata kemm f'Malta jew barra minn Malta biex pazjenti li qegħdin jistennew biex jieħdu l-kura minħabba l-kanċer tat-thyroid ikunu jistgħu jagħmlu dan ġewwa klinika privata minħabba li ż-żmien biex tistenna ħalli tingħata din il-kura ġewwa l-Isptar Boffa jidher li twal?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li qed isiru arranġamenti sabiex pazjenti li għandhom bżonn din it-tip ta’ kura għall-kanċer tat-thyroid, din tkun tista’ tingħata minn barra minn Malta. Infurmat wkoll li beda l-ippjanar għal xogħol fl-isptar Sir Paul Boffa sabiex in-numru ta’ pazjenti li jkunu jistgħu jirċievu l-kura fil-ġimgħa jiżdied minn wieħed għal-erba’ pazjenti fil-gimgħa. Hu mistenni li x-xogħol jitlesta sa’ nofs Settembru 2012.
Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġu mmaniġjati s-servizzi tal-first aid u tal-ambunanzi minn u lejn xtut fil-periferiji tal-gżira bħal Marsaxlokk, Birżebbuġa, l-Għadira, Little Armier eċċ.?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li d-Dipartiment tal-Emerġenza ma jipprovdix servizzi ta’ First Aid. Id-Dipartiment jipprovdi servizz ta’ ambulanza lil kull lokalita’ f’Malta inklużi ix-xtut li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant. Dan is-servizz huwa pprovdut miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta lejn it-tramuntana ta’ Malta kuljum bejn is-7am u s-7pm. Wara dawn il-ħinijiet u lejn il-bqija ta’ Malta s-servizz huwa ipprovdut mill-Isptar Mater Dei. Sejħiet għall-ambulanzi għall-każijiet urġenti u serji, ikunu akkumpanjati min-nurses tal-Emerġenza li għandhom il-kompetenza li jagħtu Basic Life Support u jużaw l-Automated External Defibrillator.
Jista' l-Minstru jgħid jekk għandux pjanijiet biex ikun hemm helicopter ambulanza li jibda jinżel u jwassal pazjenti minn u lejn l-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u minn Malta għall-Malta peress li meta wieħed jieħu in konsiderazzjoni t-traffiku dejjem jiżdied u li l-ħin li bih jitwassal pazjent permezz tal-helicopter jista' jkun inqas?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li ma hemm l-ebda pjan sabiex jibda jintuża helicopter ambulanza. Madanakollu f’kull każ ta’ emerġenza li jirrikjedi servizz urġenti ta’ helicopter tal-Forzi Armati Maltin, dan jintbghat fuq il-post, fejn ikun possibli.