Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Saħħa — operazzjonijiet lill-sptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tas-Saħħa jikrix apparat u strumenti tal-operazzjonijiet lill-sptarijiet privati? Jekk iva, liema huma dawn l-istrumenti u kemm-il darba inkrew matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

prezzijiet ta' mediċini mraħħsa

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prezzijiet tal-mediċini, li ġew imraħħsa fil-prezz fl-aħħar lista ppubblikata hawn Malta fid-19 ta’ Settembru 2012? Kif qegħdin jinbiegħu f’dawn il-pajjiżi, stati-membri tal-Unjoni Ewropeja: Portugall, Spanja, Sqallija/Italja, Greċja u Polonja?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaġħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

kwestjoni dwar prezz ta' mediċina

Question

Jista' l-Ministru jispjega d-differenza enormi li teżisti fil-prezz kif jinbiegħu l-pilloli Tamoxifen, 20mg. Pakkett ta’ 30 pillola, li fil-Polonja (Krakow) inxtraw għall-prezz ta’ 14.34 ZLT, equivalenti għal madwar €3.5. filwaqt li f’Malta, jekk persuna jkollha bżonn tixtri dawn l-istess pilloli, per eżempju, jekk dawn il-pilloli jkunu out-of-stock (għax normalment, dawn jingħataw b’xejn fis-sistema tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.), ċittadini Maltin ikollhom iħallsu l-prezz ta’ madwar €19? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b’liema prezz qiegħed jixtri dawn l-istess pilloli mingħand l-importatur?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jaġħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Spiżerija tal-Għażla Tiegħek — mediċini out of stock

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema mediċini kienu out of stock mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek matul ix-xhur ta' Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-lista tal-mediċini out of stock hija waħda dinamika u tvarja minn ġurnata għal oħra. Għaldaqstant, il-lista mhux neċċessarjament tirrifletti l-pożizzjoni tal-istess stokk fil-160 spiżerija fil-kommunita’ li qed tipparteċipa fl-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Barraminhekk, mhux bilfors li l-mediċina out of stock tkun nieqsa mill-ispiżeriji kollha fl-istess ħin. F’dan ix-xenarju Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek jgħamel dak kollu possibbli biex jittrasferixxi dik il-mediċina partikolari minn spiżerija fl-Iskema l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek għall-oħra sabiex il-pazjent jkun jista jinqedgħa. Ta’ minn jgħid li l-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek tipprovdi biex meta mediċina tkun out of stock mill-ispiżeriji tal-kommunita’, il-pazjenti li jibbenifikaw mill-Iskema ikunu jistgħu jinqdew mill-lokalitajiet l-oħra fil-Qasam tas-Saħħa. Minħabba din il-varjazzjoni u d-dinamika kbira fil-parametri, huwa diffiċili li wieħed jikkwantifika u jiddentifka kemm kienu dawk il-mediċini li attwalment kienu out of stock matul dan il-perijodu.

tniġġis fil-baħar — moniteraġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-moniteraġġ tat-tniġġis fil-baħar isirx b'mod regolari matul ix-xhur kollha tas-sena jew inkella jsirx matul ix-xhur tas-sajf biss? X'passi jittieħdu f'każ li jirriżulta li hemm xi żona imniġġsa?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel parti tal-mistoqsija ġiet mwieġba fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 36159. Filwaqt illi l-MEPA qegħda twettaq l-programmi tal-monitoraġġ tal-ekoloġija u tal-parametri kimiċi, qed isir l-implimentazzjoni ta’ diversi miżuri li jinsabu fil-Pjan tal-immaniġjar tal-catchment tal-ilma. F’każ li jirriżulta li hemm xi żona imniġġsa minn dawk l-elementi, l-MEPA trid tinvestiga b’aktar monitoraġġ speċifikat gћal dawk il-parametri li nstabu f’livelli għoljin. Dan il-monitoraġġ investigattiv għandu jsir sa kemm is-sors tat-tniġġis jiġi jdentifikat u l-miżuri kollha possibli jittieħdu sabiex tissolva l-problema. Passi li jittieħdu fir-rigward ta’ possibilità ta’ tniġġis minn sorsi radjoattivi huwa iddeterminat u mfassal mir- Radiation Protection Board skond in-natura tal-kaz.

moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex isir moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li jiġi importat ġewwa pajjiżna u jekk dan il-laħam ikunx ċertifikat bħala tajjeb għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli li jagħmel dan u allura kemm ġew ċertifikati fis-snin li għaddew jiġifieri 2009, 2010 u 2011 tunellati ta' laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li ġew importati u li kienu tajbin għall-konsum tal-bniedem?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nistieden lill-Onorevoli Interpellant iressaq din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Onorevoli Ministru għas-Saħħa, l-Anzjani u Kura fil-Komunitàli hu responsabbli għas-sigurta tal-ikel.

moniteraġġ fuq xarbiet li jiġu importati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ fuq xarbiet li jiġu importati f'pajjiżna u jekk dawn ix-xarbiet ikunux tajbin għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli minn dan il-moniteraġġ u kemm iċċertifika xarbiet li huma tajbin għall-konsum tal-bniedem u li ġew importati matul is-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

xiri ta' dawl minn Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li bil-mod li nixtru d-dawl mill-grid minn Sqallija fl-Italja, il-prezz tal-istess dawl huwiex se jiġi iktar għoli jew jekk huwiex se jorħos lill-konsumatur Malti u Għawdxi meta jibda jagħmel użu minn dan id-dawl?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36281.

Sqallija u l-Italja — prezz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-prezz tad-dawl għall-Isqallin u Taljani tul dawn l-aħħar tliet snin? Kemm-il darba għola u kemm il-darba raħas? X'kien il-prezz tad-dawl meta għola u x'kien meta raħas?

Response (FENECH, TONIO)

Fil-mistoqsija l-Onor. Interpellant qed jiddistingwi l-prezz tad-dawl bejn Sqallija u l-Italja u jista’ jkun li mhux qed jirreferi għall-prezzijiet lill-konsumatur imma għall-prezzijiet tad-dawl interni. Għaldaqstant nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jiċċara l-mistoqsija tiegħu.

persuni li jkollhom partijiet amputati

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi jsir mill-partijiet tal-persuni umani li jkunu għadhom kif ġew amputati? Min huwa responsabbli minnhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ladarba li amputazzjoni ta ' parti ta' pazjent isseħħ, din l-amputazzjoni tiġi ppreparata skont il-protokoll tat-teatri billi tiġi mgeżwra/ nfaxxata / fil-boroż sofor adegwati kif xieraq bil-formoli neċessarji mimlijin li jakkumpanjawha. Imbagħad il-parti amputata tintbagħat lill-kamra mortwarja għall-proċess meħtieġ. L-amputazzjonijiet jittieħdu fiċ-ċimiterju tal-Addolorata fejn jindifnu taħt is-superviżjoni tas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika.

moniteraġġ tat-tniġġis tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx moniteraġġ tat-tniġġis tal-arja? Isir frekwenti dan il-moniteraġġ?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħal kull Stat Membru ieħor tal-Unjoni Ewropeja, Malta hija obbligata li timmnonitorja l-kwalita tal-arja għal numru ta' parametri skond ir-rikwiżiti tad-Direttiva dwar il-kwalita' tal-arja 2008/50/EC. Skond din id-Direttiva, Malta hija obbligata li tagħmel mill-anqas 2 stazzjonijiet ta' kejl fiss wieħed għas-sustanzi inkwinanti kollha bl-eċċezzjoni tal-partiċelli PM10, fejn Malta hija obbligata li tagħmel mill-anqas 3 stazzjonijiet ta' kejl fiss. F'Malta hawn 4 stazzjonijiet ta' kejl fiss għas-sustanzi inkinanti kollha bl-eċċezzjoni tal-merkurju gassuz u il-partiċelli PM2,5. Id-dettalji kollha stazzjoni bi stazzjon huma hekk kif ġej: Iż-Żejtun ikejjel b'mod kontinwu: id-dijossidu tal-kubit (SO2), l-ossidi tal-azotu (NO2, NO u NOx), monossidu tal-karbonju (CO), partiċelli PM10, partiċelli PM2,5, ożonu (O3), komposti organiċi non-metiliċi (li jinkludu benzene, toluene, u il-xileni), merkurju gassuz kif ukoll b'mod diskontinwu iċ-ċomb, in-nikil, il-kadmju, l-arseniku u il-benzo(a)pirene flimkien ma' idrokarburi poliċikliċi aromatiċi oħra fil-partiċelli PM10. Kordin ikejjel b'mod kontinwu: id-dijossidu tal-kubit (SO2), l-ossidi tal-azotu (NO2, NO u NOx), monossidu tal-karbonju (CO), partiċelli PM10, ożonu (O3), komposti organiċi non-metiliċi (li jinkludu benzene, toluene, u il-xileni). L-Imsida jkejjel b'mod kontinwu: id-dijossidu tal-kubit (SO2), l-ossidi tal-ażotu (NO2, NO u NOx), monossidu tal-karbonju (CO), partiċelli PM10, partiċelli PM2,5, ożonu (O3), komposti organiċi non-metiliċi (li jinkludu benzene, toluene, u il-xileni), iċ-ċomb, in-nikil, il-kadmju, l-arseniku u il-benzo(a)pirene flimkien ma idrokarburi poliċikliċi aromatiċi oħra fil-partiċelli PM10. L-Għarb (Għawdex) jkejjel b'mod kontinwu: id-dijossidu tal-kubit (SO2), l-ossidi tal-azotu (NO2, NO u NOx), monossidu tal-karbonju (CO), partiċelli PM10, partiċelli PM2,5, ożonu (O3), komposti organiċi non-metiliċi (li jinkludu benzene, toluene, u il-xileni), kif ukoll b'mod diskontinwu iċ-ċomb, in-nikil, il-kadmju, l-arseniku u il-benzo(a)pirene flimkien ma idrokarburi poliċikliċi aromatiċi oħra fil-partiċelli PM10. Din l-informazzjoni tiġi rrapurtanta sena b'sena lill-Unjoni Ewropeja. Il-MEPA bħalissa qeda twaqqaf stazzjon ta' kejl fiss ieħor f' Ħ'Attard u jkejjel il-livelli ta' numnru ristrett ta' sustanzi inkwinanti (dijossidu tal-kubrit, ozonu, dijossidu tal-azotu u benzene) permezz tal- passiv diffusive tubes li jieħdu kampjun tal-arja minn 133 sit mferrxa f'44 lokalita' f'Malta u Għawdex. Din id-data ma tiġix rrapurtata lill-EU għaliex għad-dijossidu tal-kubrit u għall-ożonu d-data li tinġabar m'hijiex kumparabbli mal-livelli li Malta hija mitluba li tħares skond id-Direttiva 2008/50/EU u għad-dijossidu tal-azotu u l-benzene dan il-metodu għadu ma ġiex ippruvata bħala ekwivalenti għall-metodi ta' monitoraġġ mitluba mid-Direttiva 2008/50/EC għas-sustanzi inkwinanti rispettivi. Fil-fatt ir-riżultati tal- passiv diffusive tubes ma jintużawx biex tiġi assessjata il-konformita ta' Malta mal-livelli importi mid-Direttiva 2008/50/EC iżda jintużaw sabiex jitqabblu l-livelli tas-sustanzi inkwinanti f'lokalitajiet differenti f'Malta u Għawdex.

moniteraġġ tat-tniggis tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huwa responsabbli biex jara li l-moniteraġġ tat-tniggis tal-arja jsir? Mil-liema partijiet ta' Malta u Għawdex ġew monitered minħabba t-tniġġis matul is-snin 2009, 2010 u 2011?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hija responsabbli mill-monitoraġġ tal-kwalita' tal-arja f'Malta. Rigward "il-partijiet ta' Malta u Għawdex li ġew monitored" nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 36155.

riżultati tat-tniġġis tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jippubblika r-riżultati tat-tniġġis tal-arja f'Malta u Għawdex, żona b'żona li ġew miksuba matul is-snin 2008, 2009, 2010 u 2011?

Response (MARCO, MARIO DE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha li ntbagħtet lill-UE mill-2008 sal-2010. Id-data tal-2011 għadha ma ġietx validata. Dan għaliex kull Stat Membru għandu żmien sa Settembru tas-sena ta' wara biex jirraporta data li tkun validata.

pjanijiet biex jitnaqqas it-tniġġis fl-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet kellu il-gvern biex inaqqas it-tniġġis fl-arja matul is-snin 2008, 2009, 2010 u 2011? X'passi ħa biex dan it-tniġġis jitnaqqas u liema politika jimxi biha?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

tniġġis fil-baħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux politika li jara li ma jkunx hemm tniġġis ta' ibħra Maltin u Għawdxin? Kif jimmoniterja ħalli dawn l-ibħra jkunu mħarsa minn tniġġis? Kemm isir regolari dan il-moniteraġġ u x'passi jittieħdu f'każ li jirriżulta li hemm tniġġis?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-politika li tħares l-kwalita’ ta’ l-ibħra Maltin u Għawdxin tinvolvi l-implimentazzjoni ta’ numru ta’ obligi internazzjonali u Ewropej. L-ewwel direttiva Ewropeja hija dik tal- Bathing Water Directive . Sabiex jimplimenta l-provvedimenti ta’ din id-direttiva, d-Departiment tas-Saħħa Ambjentali, iwettaq moniteraġġ fl-ilma tajjeb għall-għawm. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għandu l-obbligu li jniedi moniteraġġ għall-kwalita tal-ilma baħar f’dawk iż-żoni uffiċċjalment identifikati bħala żoni tajbin għall-għawm. Malta identifikat 87 sit minn fejn għandhom jinġabru dawn il-kampjuni tal-ilma minn dawk il-bajjiet identifikati. L-obbligu li joħroġ minn din id-Direttiva huwa li għandhom jinġabru kampjuni darba kull erba` ġimgħat matul l-istaġun uffiċċjali għall-għawm. F’Malta dan l-istaġun jibda mit-tielet ġimgħa ta’ Mejju sat-tielet ġimgħa t’ Ottubru. Id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali mar oltre minn dak rikjest mill-istess Direttiva peress li qed jiġbor kampjun minn dawn is-seba` u tmenin sit kull ġimgħa u mhux darba kull erba` ġimgħat. Kull kampjun jiġi analizzat fil-laboratorju ta’ l-istess Direttorat li huwa akkreditat sabiex jagħmel dawn l-analiżi għall-mikrobi obbligatorji mill-istess Direttiva li huma Enterokoċċi intestinali u Escherichia coli. Rapporti ta’ kif ikunu qed jikkwalifikaw dawn iż-żoni matul l-istaġun uffiċċjali jiġu ppublikati ta’ kull ġimgħa kif ukoll jintbagħtu bl-imejl lil lista ta’ nies u uffiċċjali inklużi lill-membri parlamentari kollha. Dawn ir-rapporti kif ukoll ir-riżultati kollha jistgħu jinstabu fuq is-sit eletroniku tal-istess Direttorat ( https://ehealth.gov.mt/HealthPortal/public_health/environmental-health/health_inspectorate/env._hlt._risk_management/envhealth_bathingwater09.aspx ). F’każ li jkun hemm il-bżonn minħabba riskju għal min ikun qed igħum li tingħalaq xi waħda minn dawn iż-żoni dan id-Direttorat huwa obbligat li josserva l-proċeduri mposti fuqu taħt ir-regolament 125 tal-2008 li traspostaw id-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2206/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. It-tieni tip ta’ monitoraġġ jagħmel parti mill-obbligi ta’ Malta biex timplimenta r-regolamenti dwar Pjan ta’ Azzjoni fil-Qasam politika ta’ l-ilma jew aħjar magħruf bħala l- Water Framework Directive (WFD) 2000/60/EC. Taht l-WFD, Malta ghandha timmoniterja l-ilma kostali sa mil nawtiku l-barra minn xtutna għall-parametri tal-ekologija u sa tnax il-mil nawtiku għall-parametri kimiċi. Il-MEPA għandha l-obbligu li twettaq programmi ta’ monitoraġġ ta’ diversi parametri biex tgħin lil Malta tassessja l-istat ta’ l-ilma tal-kosta minn aspett ekoloġiku kif wkoll kimiku. Fost ħafna parametri dan il-monitoraġġ jassessja l-preżenza tas-sustanzi li potenzjalment jispiċċaw fl-ilma baћar, fis-sediment u fil-bijota, bћal eżempju pestiċidi, metalli u żjut. Il-frekwenza ta’ dan il-monitoraġġ jiddependi minn diversi parametri li jiġu analizzati. Ġeneralment sustanzi li jirriżultaw fi tniġġis iridu jiġu assessjati kull tlett xhur, filwaqt li dawk is-sustanzi iżjed perikolużi jew ta’ riskju għas-saħħa tal-bniedem jiġu assessjati darba kull xahar. Il-MEPA bdiet twettaq dan il-programm tal-monitoraġġ minn din is-sena u huwa mistenni li r-riżultati finali jiġu rrapportati s-sena d-dieћla. Il-programm ta’monitoraġġ irid jiġi rrevedut kull sitt snin u jiġi nkluż fi pjan ta’ l-immaniġjar ta’ l-ilma, jew hekk imsejjaћ il- Water Catchment Management Plan . Il-MEPA tagħmel ukoll moniteraġġ tar-radjazzjoni fl-ilma baħar skond il-pjan nazzjonali kif stabbilit mir- Radiation Protection Board , skond in- National Environment Radioactivity Surveillance Plan , li jimxi fuq ir-rekwiżiti ta’ obbligi internazzjonali. Il-moniteraġġ isir erbgħa darbiet fis-sena fejn kull darba jiġu analizzati tlett kampjuni tal-ilma baħar minn tliet lokalitajiet. Fl-aħħar, bit-traspozizzjoni tal-Qafas ghall-Politika Ambjentali tal-Bahar (il- Marine Strategy Framework Directive , Direttiva 2008/56/KE), Malta ghandha tisstabilixxi u timplimenta, sa Lulju 2014, programmi koordinati ta’ monitoragg ghall-valutazzjoni kontinwa tal-istat ambjentali tal-bahar abbazi tal-lista indikattiva ta’ elementi stipulati fid-Decizjoni tal-Kummissjoni 2010/477/UE u b’referenza ghall-miri ambjentali stabiliti. L-obbligi ta’ din id-Direttiva tibni fuq l-monitoragg tad-WFD, però tkopri area akbar ta' bahar minn dawk koperti taht id-WFD.

Gvern Malti bħala Shareholder

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 33769 u jgħid kemm għandu shares jew kemm huwa involut bħala shareholder il-Gvern Malti f'kumpaniji/aġenziji/korporazzjonijiet/istituti/fundazzjonijiet u gruppi oħrajn differenti?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34981.

pubblikazzjoni -B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew ippubblikati u kemm ġew jiswew dawn il-pubblikazzjonijiet - B'Għaqal u b'Serjetà Biss Nirbħu l-Maltemp tal-Budget 2012?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 35664.

parkeġġi tal-istat immexxija mill-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu spazji pubbliċi jew parkeġġi mibnija li huma tal-istat u li qegħdin jitmexxew mill-privat? Jista' jgħid kif huwa l-ftehim bejn l-istat u min qed imexxi dawn il-parkeġġi? Kemm fadal żmien biex dan il-ftehim jiskatta u jekk bdewx id-diskussjonijiet biex l-ftehim eżistenti jinbidel?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sa fejn jirrigwarda l-Ministeru tiegħi, taħt il-kuntratt iffirmat fl-20 ta’ Novembru 2011 mal-Arriva bħala operatur tat-trasport pubbliku hemm tlett siti ta’ Park and Ride li jitħaddmu mill-kumpanija. Dawn huma fil-Furjana, fil-Marsa u f’San Ġiljan u tagħhom l-Arriva tħallas rispettivament €8,000, €3,000 u €4,000 fis-sena, liema ammonti Transport Malta tgħaddihom lid-Dipartiment tal-Artijiet. Dan il-ftehim huwa għall-perjodu ta’ għaxar snin u għalhekk fadallu iktar minn disa' snin biex jiskadi. Barra minn dawn hemm ukoll numru ta siti ta’ parkeġġ li fihom ikun hemm car park attendants li għandhom liċenzja maħruġa minn Transport Malta. F’dan ir-rigward nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 32219 u 34422. Barra minn dawn jista’ jkun hemm proprjeta’ oħra tal-Gvern li tinkludi spazji għall-parkeġġi pubbliċi u li tista’ tkun ingħatat jew mid-Dipartiment tal-Artijiet jew minn xi Ministeru ieħor bħala parti minn xi kumpless bħal per eżempju il-parkeġġ ta’ l-isptar Mater Dei. Dwar tali każijiet nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.