Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Saħħa — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36510 u jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.

Qasam tas-Saħħa — listi ta' stennija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36511 u jgħid kemm hemm listi ta' stennija fil-qasam tas-saħħa? F'liema oqsma huma dawn il-listi u kemm pazjenti jistennew għall-interventi fuqhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Leg 11 PQ #37083 Sitting 512 2012-10-23 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw shredders mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dam l-inċineratur bil-ħsara matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-okkorrenza ta’ waqfien ħtija ta’ ħsara kienet darba waħda biss fix-xahar ta’ Awwissu fejn allura ittieħdet l-opportunità biex isir ukoll il-mautenzjoni ta’ rutina b’waqfien totali ta’ ħmistax-il ġurnata.

inċineratur bil-ħsara

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ġie mmaniġjat il-materjal li soltu kien jinħaraq fl-inċineratur sakemm dan kien bil-ħsara?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif jiġri kull meta l-incineratur jitwaqqaf, l-iskart tal-annimali jiġi pproċessat u mqiegħed ġo kontenituri li jiġu ffriżati. Bl-istess proċess jkun applikat għall-iskart tal-isptarijiet.

ktejjeb 'Benefiċċji għalik...'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet l-ispiża fuq il-tfassil, printing u distribuzzjoni tal-ktejjeb 'Benefiċċji għalik...' tas-sigutrà soċjali. li tqassam fid-djar Maltin matul ix-xahar ta' Settembru 2012?

Response (SAID, CHRIS)

Ninformal lill-Onor. Interpellant li t-tfassil tal-ktejjeb imsemmi sar internament minn impjegati tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali. Inżid ninfurmah ukoll li l-ispiża tal-istampar kienet ta’ €12,495.00 (inkluż il-VAT) waqt li d-distribuzzjoni swiet €3,824.37 (inkluż il-VAT).

pazjenti operati fi sptarijiet privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema oqsma hemm il-ħsieb li jsiru ftehim mas-settur tas-saħħa privat sabiex ikunu jistgħu jiġu operati pazjenti li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list? Kemm hija s-somma li se tkun iddedikata għal dan ir-rigward u jekk hemmx ħsieb li jsiru operazzjonijiet fil-privat minħabba u permezz ta' dan il-ftehim?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm il-ħsieb li fil-qasam ta’ day surgery, fejn l-intervent kirurġiku isir matul il-ġurnata u l-pazjent ikun jista’ jintbagħat id-dar dak inhar stess, tiġi kkunsidrata il-possibilita’ li jinfirxu il-ftehim eżistenti bħal tal-katarretti u l-artroskopija tal-irkoppa, li diġa qegħdin isiru, mas-settur tas-saħħa privat sabiex ikunu jistgħu jiġu operati pazjenti li bħalissa qegħdin fuq il-waiting list. Is-somma li hi ddedikata għal dan ir-rigward hi meħuda mill-estimi tal-Vot Rikurrenti Programmes and Initiatives, speċificament il-Vot magħruf bħala: Waiting Lists for Medical Services (Outsourcing) li għas-sena 2012 ammonta għal €2,500,000.

Bidnija — xogħlijiet neċessarji

Question

Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex it-triq tal-Bidnija int u dieħel mill-Mosta għall-Bidnija jsiru x-xogħlijiet neċessarji sabiex l-ilma ma jeqlibx għal ġewwa r-raba, imma jiġi gwidat għall-Wied Għajn Mula?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi lill-Onor.Interpellant li se jintbagħtu persuni inkarigati sabiex issir spezzjoni fuq il-post imsemmi.

prezzijiet ta' mediċini mraħħsa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36504 li oriġinarjament saret lill-Minsitru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet rifertua lilu u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-prezzijiet tal-mediċini, li ġew imraħħsa fil-prezz fl-aħħar lista ppubblikata hawn Malta fid-19 ta’ Settembru 2012? Kif qegħdin jinbiegħu f’dawn il-pajjiżi, stati-membri tal-Unjoni Ewropeja: Portugall, Spanja, Sqallija/Italja, Greċja u Polonja?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-mediċini li roħsu kif ġew imħabbra fid-19 ta’ Settembru 2012, bil-prezzijiet kif jinbiegħu fil-Portugall, fi Spanja u fl-Italja. Billi l-Greċja u l-Polonja ma jintużawx bħala pajjiżi ta’ riferenza fil-mekkaniżmu tat-tqabbil tal-prezzijiet, l-Awtorità għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur m’għandhiex lista bil-prezzijiet f’dawn il-pajjiżi.

Università ta' Malta — degree tal-veterinarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx pjanati li jibdew isiru korsijiet li jwasslu għall-degree tal-veterinarji ġewwa l-Università ta' Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università ta’ Malta kellha diskussjonijiet ma’ istituzzjoni Inġliża u oħra Slovakka dwar il-possibiltà li l-Università toffri kors għall-veterinarji f’Malta. Deher ċar li kors sħiħ qatt mhu sejjer ikun possibbli hawn Malta minħabba li l-popolazzjoni tal-annimali f’dawn il-ġżejjer qatt ma hija se tkun biżżejjed biex issostni kors ta’ dan it-tip. Barra minn hekk hawn Malta ma għandniex l-istaff akkademiku meħtieg biex inkopru s-suġġetti kollha li jkunu meħtieġa f’kors bħal dan. Iżda l-Università qiegħda f’diskussjonijiet mar-Royal Veterinary College tal- Università ta’ Londra, biex jiġi żviluppat kors ta’ 3 snin li jsir hawn Malta, bit-tagħlim mogħti minn lecturers minn Malta u mill-Ingilterra u dawk li jtemmuh b’suċċess ikunu eliġibbli li jkomplu l-istudji tagħhom l-Ingilterra bil-għan li jsiru veterinarji. It-tieni kors jibni fuq il-kors li jkun sar Malta u komplessivament il-kors ikun twil daqs korsijiet li jsiru barra minn Malta.

prezz tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux xi kalkoli mill-Gvern Malti u l-prezz tad-dawl li se nixtru minn Sqallija jew l-Italja fejn se jkunu imqabbdin mal-grid huwiex se jkun iktar għoli mill-prezz tad-dawl kif qegħdin nixtruh illum jew irħas?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 34523.

provvista tad-dawl biex tforni lil pajjiżna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-cable tad-dawl li se nqabbdu mal-grid Ewropew huwiex se jkun biżżejjed biex iforni lil Malta u Għawdex kollu bid-dawl jew jekk dan huwiex se jforni biss parti mill-pajjiż?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Ċimiterju tal-Addolorata — oqbra ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ix-xogħol fuq l-oqbra ġodda u tkabbir taċ-Ċimiterju tal-Addolorata f'liema stadju qiegħed? Jista' jgħid meta se jkun hemm offerta għal min irid jixtri qabar ġdid?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bil-pubblikazzjoni l-ġimgħa li għaddiet tal-Avviż Legali 327 tal-2012 infetħet it-triq sabiex jinbiegħu 2989 qabar ġdid fiċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata. Matul din il-ġimgħa għandu jingħalaq it- tendering process għall-kostruzzjoni u r-restawr tal-istess ċimiterju u b’hekk ix-xogħol fuq l-oqbra l-ġodda mistenni li jibda mill-aktar fis possibli.

bini ta' krimatorju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni krimatorju li jkun jista' jintuża minn dawk il-persuni li juru ix-xewqa li jagħmlu dan? Jekk għandu il-ħsieb li jagħmel dan, meta jaħseb li dan il-proġett se jibda u jitlesta?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-Gvern m’għandux pjanijiet biex jibni krematorju pubbliku

ċimiterju għall-annimali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk għandux il-ħsieb li jibni ċimiterju għall-annimali? Fejn jaħseb li dan il-post se jsir u meta jkun lest biex jibda jilqa' fih l-ewwel karkassi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li skont Regolament ta-Kunsill 1069/2009 llum ma jistgħax ikun hemm ċimiterju tal-annimali peress li annimali mejta huma kunsidrati bħala Animal By products tal-Kategorija 1 u għalhekk jridu jinħarqu. L-uniku mezz biex jiġi żviluppat ċimiterju tal-annimali huwa li jkun hemm inceneratur u jiġu midfuna biss l-irmied. Minn naħa l-oħra, sid ta’ pet jista’ jidfen biss fil propjeta tiegħu u dan u jista’ jkun animal wieħed kultant żmien.

Dejn tal-gvern ma' aġenti ta' prodotti farmasewtiċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu dejn sa Settembru 2012 il-gvern ma' aġenti li jissupplixxu prodotti farmasewtiċi għall-isptarijiet u qasam tas-saħħa? Jista' jagħti breakdown ta' dan id-dejn?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-Dipartiment tas-Saħħa jixtri mediċina b’termini ta’ kreditu ta’ 60 ġurnata minn meta l-mediċina tiġi ssuplixxita. Sa Settembru 2012 id-Dipartiment tas-Saħħa għandu jagħti is-somma ta’ €5,349,357 f’pagamenti li qabżu t-termini ta’ kreditu ta’ 60 ġurnata. Minħabba s-sensittivita kummerċjali il-breakdown ta’ dan id-dejn ma’ jistax jiġi mpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.

Kiri tas-servizzi tas-saħħa mingħand il-privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma s-servizzi li qed jikri mingħand il-privat? Kemm ilu jikri dawn is-servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa ma jikrix servizzi imma jixtri servizzi. Dawn is-servizzi jinkludu kemm servizzi kliniċi kif ukoll servizzi amministrattivi.

Rata' ta' twelid f'Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ir-rata ta' twelid f'Malta żdiditx jew naqsitx matul is-sena 2012 komperata mas-snin 2010 u 2011?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li bejn l-ewwel ta’ Jannar u l-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena twieldu 1971 tarbija f’Malta u Għawdex. It-tabella ta’ hawn taħt turi kemm twieldu trabi fl-ewwel sitt xhur tas-snin 2010-2012. Jannar – Gunju Numru ta’ trabi li twieldu fl-ewwel sitt xhur tas-sena. 2010 1867 2011 2047 2012 1971

Statistika fuq mard respiratorju

Question

Jista' l-Ministru jgħid, jekk jieħu snin 2005 sa 2012, jarax trends ta' żieda jew tnaqqis ta' mard respiratorju madwar il-pajjiż? Mil-liema parti tal-pajjiż ġejjin dawn it-tibdiliet? Kien hemm xi studju biex isibu s-sors li qed jikkawża dan it-tibdil?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Studenti li waqfu mill-korsijiet tal-università

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li s-sena l-oħra kienu qed jagħmlu kors universitarju u li din is-sena waqfu milli jkomplu dan l-istudju tagħhom? F'liema fakultajiet kienu dawn l-istudenti u kemm kien l-ammont tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.