Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Saħħa — waiting list

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 36959 u 36510 u jgħid kif mar l-eżerċizzju tal-organizzazzjoni tal-waiting list li kienet qed issir fid-Dipartiment tas-Saħħa? Kemm fil-fatt kien hemm pazjenti li kienu fuq iktar minn lista ta' stennija waħda u allura jista' jgħid kemm huma l-pazjenti li issa qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija li għadhom kif ġew organizzati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li kif kelli l-okkażżjoni li ngħid fir-risposta tiegħi għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 32694, llum ġewwa l-Isptar Mater Dei qed titħaddem sistema ċentralizzata ta’ listi ta’ stennija. Din is-sistema kompjuterizzata tissejjaħ Central Patient Waiting List Management System. Din is-sistema diġa qiegħda titħaddem f’numru ta’ dipartimenti fosthom id-dipartiment tal-ortopedija; id-dipartiment tal-oftalmoloġija; u d-dipartiment tal-kardjoloġija. Huwa mistenni li din is-sistema wkoll tiġi mplimentata fid-dipartiment tal-kirurġija fil-futur qarib. Din is-sistema diġa wasslet għall-immanniġjar aħjar tal-listi ta’ stennija. Il-listi kollha ta’stennija li sa ftit żmien kienu jinżammu mill-konsulenti rispettivi qegħdin jiġu ċċekjati persuna persuna sabiex jitneħħew ismijiet doppji ta’ pazjenti; ismijiet ta’ dawk il-persuni li mietu; ta’ dawk li saritilhom l-operazzjoni; jew ta’ tawk li ma ridux jagħmlu l-operazzjoni għal-raġunijiet differenti. Kif imsemmi hawn fuq dan il-proċess tlesta fid-dipartimenti tal-Ortopedija, Oftalmoloġija u Kardjoloġija. Dan il-proċess għaddej fid-dipartimenti tal-Kirurġija u l-Mediċina. In-numru ta’ pazjenti li kienu qegħdin jistennew fuq il-listi ta' stennija sad-disa’ ta’ Ottubru 2012 huwa hekk kif ġej: · Total Knee Arthroplasty – 1653 · Knee Arthroscopy – 1494 · Total Hip Arthroplasty - 327 · Cataract Removal – 3215 · Cardiology cases - 1022

bini tal-sptar tal-onkoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-isptar tal-onkoloġija li qed jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei huwiex miexi kif pjanat u allura meta se jilqa' ġewwa fih l-ewwel pazjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentru tal-onkoloġija li qed jinbena bħala estensjoni tal-Isptar Mater Dei miexi kif pjanat u mistenni jkun lest lejn l-aħħar tas-sena 2013.

tlestija tal-isptar tal-onkoloġija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-isptar tal-onkoloġija li qed jinbena ħdejn l-Isptar Mater Dei jkun lest u qed jintuża mill-pazjenti, għal-liema użu jsir jintuża l-Isptar Boffa li llum qed jintuża bħala sptar għal dan il-għan u li huwa lest minn kollox?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tiegħi għad-domanda parlamentari 37461. It-tieni parti tal-Mistoqsija għandha tigi riferuta lill-Ministeru konċernat.

Sptar Boffa — numru ta' sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sodda għandu l-Isptar Boffa llum il-ġurnata u jekk din l-bini kellux jibqa' jintuża bħala sptar? Għandux faċilità li jkomplu jiżdiedu n-numru ta' sodod ġewwa fih?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li hemm sebgħa w’erbgħin (47) sodda fl-Isptar Boffa. Sakemm ma ssirx xi estensjoni, m’hemmx post fejn jizdiedu aktar sodod. Rigward jekk l-Isptar Boffa hux se jibqa’ jintuża bħala Sptar, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Ministeru għat-Turiżmu, l-Ambjent u l-Kultura — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37093 Sitting 514 2012-10-29 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — xiri ta' shredders

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Struttura tal-pensjoni tat-Tarzna

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta beħsiebu l-gvern jirranġa s-sitwazzjoni tal-istruttura tal-pensjonanti tat-Tarzna li l-anomaliji li kien hemm immultiplikaw ruħhom bl-istruttura li saret dan l-aħħar meta hemm nies li kienu f'kategoriji tnien jew tlieta iżgħar minn ta' fitter u spiċċaw li għandhom pensjoni aktar minn ta' fitter u anke hemm differenzi kbar bejn fitters u kategorija oħrajn?

Response (SAID, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli nterpellant li r-reviżjonijiet imsemmija saru abbażi tal-Provedimenti, tal-Att dwar is-Sigurtà Soċjali. Kull reviżjoni ssir skont is-sitwazzjoni ndividwali ta’ kull każ partikolari u għalhekk ma tistax tqabbel każ ma’ieħor, fejn jista’ jkun hemm varjazzjoni bejn każ u ieħor.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma xtrat ebda shredder mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin matul is-sena 2011 għall-użu f'uffiċċji f'Malta, filwaqt li din is-sena nxtrat waħda (1) flok oħra li ma taħdimx.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #37089 Sitting 513 2012-10-24 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Ministeru tal-Intern — xiri ta' shredders

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw shredders mill-Ministeru matul is-snin 2011 u 2012?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kwestjoni dwar prezz ta' mediċina

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36505 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa ġiet riferuta lilu u jispjega d-differenza enormi li teżisti fil-prezz kif jinbiegħu l-pilloli Tamoxifen, 20mg. Pakkett ta’ 30 pillola, li fil-Polonja (Krakow) inxtraw għall-prezz ta’ 14.34 ZLT, equivalenti għal madwar €3.5. filwaqt li f’Malta, jekk persuna jkollha bżonn tixtri dawn l-istess pilloli, per eżempju, jekk dawn il-pilloli jkunu out-of-stock (għax normalment, dawn jingħataw b’xejn fis-sistema tal-Iskema Spiżerija tal-Għażla Tiegħek.), ċittadini Maltin ikollhom iħallsu l-prezz ta’ madwar €19? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra b’liema prezz qiegħed jixtri dawn l-istess pilloli mingħand l-importatur?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ninsab infurmat li ‘Tamoxifin’ huwa l-ingredjent attiv tal-mediċina u mhux id-ditta tal-mediċina. Skond il-prezz indikat, il-mediċina Novardex D (20mg tablets X 30), u li għandha ‘Tamoxifin’ tinbiegħ għal-prezz ta’ €19.72 f’Malta. Wieħed irid jara jekk il-marka li qed jalludi l-interpellant hiex din jew ditta oħra li għandha it-‘Tamoxifin’.

moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36161 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk huwiex isir moniteraġġ tal-laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li jiġi importat ġewwa pajjiżna u jekk dan il-laħam ikunx ċertifikat bħala tajjeb għall-konsum tal-bniedem? Min huwa responsabbli li jagħmel dan u allura kemm ġew ċertifikati fis-snin li għaddew jiġifieri 2009, 2010 u 2011 tunellati ta' laħam tal-fniek, majjal u tiġieġ li ġew importati u li kienu tajbin għall-konsum tal-bniedem?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li l-monitoraġġ u ċertifikazzjoni fuq l-importazzjoni tal-laħam li jinkludi tiġieġ, fniek kif ukoll majjal issir fil-border inspection post ġewwa l-Freeport minn uffiċċjali tad-Dwana u, meta jkunu msejħa, mill-uffiċċjali veterinarji li jaqgħu taħt il-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u peress li d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali m’huwiex involut f’dawn l-ispezzjonijiet għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sasbiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Sptar Mater Dei — nefqa fuq manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 36509 u jgħid kemm hija n-nefqa tal-manutenzjoni li jonfoq id-Dipartiment tas-Saħħa fl-Isptar Mater Dei kull xahar, u allura kemm nefaq f'manutenzjoni matul ix-xhur ta' Jannar u Awwissu xahar b'xahar?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 36509.