Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei — persuni jistennew fuq strecher

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu fuq strecher l-emergenza għal iktar minn 24 siegħa fl-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jingħataw sodda matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #37760 Sitting 522 2012-11-14 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

inċidenti tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku matul is-snin 2000, 2001, 2002, 2003, 2004, 2005, 2006, 2007, 2008, 2009, 2010 u 2011? Kemm kien hemm minnhom fatali u kemm kien hemm minnhom li ma kenux fatali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Ta minn ifakkar illi minn Marzu 2004 inċidenti tat-traffiku mhux fatali jew mingħajr persuni feruti jew ħsarat fi propjetà pubblika ma baqgħux jiġu nvestigati mill-Pulizija.

warrant ta' ġerantologist

Question

Tista' l-Minstru tgħid għaliex jekk aħna sejrin fi żmien msejjaħ the age of the ageing, l-istudenti li qed jigradwa f'diploma level, Masters jew PHD fil-ġerantologija għandhomx huma ukoll jingħataw il-warrant ta' ġerantologist ħalli jkunu jistgħu jaħdmu u jipprattikaw dak li jkunu studjaw f'dan il-qasam?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #37700 Sitting 521 2012-11-13 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

promozzjonijiet fiċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu promozzjonijiet fiċ-Ċivil kollu matul is-snin 2011 u 2012? F'liema grad inħarġu u kemm inħarġu f'kull grad minn dawn il-promozzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fis-snin 2011 u 2012 inħarġu 704 u 851 promozzjoni fis-Servizz Pubbliku rispettivament. Dan seħħ permezz ta’ sejħiet għall-applikazzjonijiet kif ukoll promozzjonijiet, f’kull klassi, abbażi ta’ servizz sodisfaċenti fil-grad, skont il-Ftehim Settorali miftiehem mal-unions/Dokumenti Settorali, kif applikabbli. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli għas-sentejn imsemmijin.

livell ta' duħħan tal-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jitkejjilx il-livell ta' duħħan tal-karozzi u vetturi oħrajn fit-toroq Maltin u Għawdxin? Jekk iva, kemm xjentifikament wieħed jista' joqgħod fuqu l-metodu li jintuża f'Malta u f'Għawdex? Minn fejn jitkejjel dan il-livell ta' duħħan? F'liema lokalitajiet u kemm-il drabi jitkejjel fis-sena?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ma tkejjilx l-emissjonijiet minn sorsi speċifiċi imma skont kif inhu rikjest mid-direttivi Ewropej, tkejjel il-livelli tas-sustanzi inkwinanti fl-arja. Għal aktar informazzjoni fuq l-emissjonijiet mill-karozzi nitlob lill-Onorevoli Interpellant jgħaddi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru risponsabli mit-Transport Malta.

livell ta' duħħan mill-karozzi

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li għandu li permezz tagħhom tkejjel il-livell ta' duħħan li ħareġ mill-karozzi u vetturi oħrajn, fit-toroq Maltin u Għawdxin matul is-snin 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (MARCO, MARIO DE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif spjegajt fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 37751, l-Awtorita' ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tkejjel il-livelli ambjentali ta' sustanzi inkwinanti speċifiċi irrispettivament mis-sors. Ir-riżultati għall-monitoraġġ tal-livelli ambjentali sa jitqegħdu fuq il-mejda flimkien mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 37753.

tniġġis tal-arja

Question

Jista' l-Ministru jgħid it-tniġġis tal-arja fil-gżejjer Maltin u Għawdxin kif jitkejjel? Kemm-il darba jitkejjel fis-sena? Mil-liema lokalitajiet u x'kienu r-riżultati miksuba matul is-snini 2009, 2010, 2011 u 2012?

Response (MARCO, MARIO DE)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

livell ta' duħħan fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jikkomperaw il-livell ta' duħħan fit-toroq Maltin u Għawdxin meta kkomperat ma' livelli oħrajn fi bliet u irħula Ewropew?

Response (MARCO, MARIO DE)

Nixtieq niġbed l-attenzjoni tal-Onorevoli Interpellant, li skont l-obbligi Ewropej li għandha Malta, tkejjel il-livelli ta' sustanzi inkwinanti speċifici madwar Malta u Għawdex (eż. dijossidu tal-kubrit, dijossidu tal-azotu, bezene, monossidu tal-karbonju, ożonu, partiċelli (PM10, PM2,5), ċomb, nikil, kadmju, arseniku u bezo[a] pyrene) u mhux “duħħan”. Għaldaqstant, għall-paragun ta' dawn, mal-livelli fil-bqija tal-UE nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li sa tingħata għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 37755.

djar privati tal-anzjani — servizzi mixtrija mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn id-djar privati li qed jixtri s-servizzi mingħandhom il-gvern bħala residenza għall-anzjani? Jista' jgħid kemm nefaq biex xtara s-servizzi mingħand id-djar privati matul ix-xhur ta' bejn Jannar u Settembru 2012 u jagħti rendikont f'liema home xtara servizzi?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: DAR SUPPLIER AMMONT € JANNAR - SETTEMBRU Central Home Age Concern Limited 687,023 Casa Serena Care Services Limited 802,948 Casa Leone Archdiocese of Malta 98,307 Dar St Anna Archdiocese of Malta 89,314 Dar Saura Archdiocese of Malta 64,807 Holy Family Archdiocese of Malta 36,518 Casa Arkati CareMalta Limited 441,314 Villa Messina CareMalta Limited 642,993 Roseville Home CareMalta Limited 850,142 St. James Hospital St. James Hospital 144,437 Total 3,857,803

Birkirkara — rotta tal-linja għaċ-ċentru tas-saħħa

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 37465 u jintervjeni sabiex anzjani li soltu jagħmlu użu miċ-ċentru tas-saħħa fil-Mosta u li issa dawn is-servizzi imxew għaċ-ċentru tas-saħħa ta' Birkirkara bid-differenza li issa dawn l-anzjani li jaqbdu l-karozza tal-linja biex jagħmlu dan ikollhom jinżlu fil-bypass ta' Birkirkara jaqsmu l-bypass u jinżlu niżla? Jista' l-Ministru jintervjeni sabiex Transport Malta tbiddel temporanjament ir-rotta tagħha u jkun hemm karozza tal-linja li tgħaddi apposta minn ħdejn il-klinika tas-saħħa ta' Birkirkara ħalli dawn l-anzjani u persuni bi problemi ta' mobiltà jkunu jistgħu jagħmlu użu minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 37614.

ingaġġ ta' youth workers

Question

Tista' l-Ministru tgħid minn meta dawk li huma gradwati fil-youth work se jibdew jaħdmu bħala l-youth workers u se jingħataw il-warrant biex ikunu jistgħu jagħmlu dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Diġa’ hemm numru ta’ youth workers li jaħdmu mal-gvern bħala youth workers. Il-warrant jibda jingħatalhom meta l-Att tal-Professjoni tal-Youth Workers jiġi approvat minn din il-Kamra.

warrant ta' youth worker

Question

Peress li hemm gradi differenti ta' studju minn ċertifikat - diploma, degree u masters, tista' l-Ministru tgħid liema livell ta' studju se jkun biżżejjed biex dawk li għandhom background ta' dan l-istudju jkunu jistgħu jieħdu l-warrant ta' youth worker?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-livell minimu ta’ studju rekwiżit għall-warrant ta’ youth worker se jkun ta’ livell ta’ Baċellerat. L-abbozz tal-liġi qiegħed quddiem il-Parlament.

degree għal min m'għandux warrant

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema degrees li jinħarġu mill-Università ta' Malta ma għandhomx warrant? Għaliex dawn ma jingħatawx warrant u għaliex dawk li jingħataw il-warrent isir dan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — boroż ta' studju

Question

Tista' l-Ministru tispjega jekk hemmx fakultajiet oħrajn u boroż ta' studju oħrajn fil-Università ta' Malta li se jsiru t-tibdil neċessrji biex min jilħaq il-livell neċessarju ta' studju jkun jista' jingħata l-warrent fis-suġġett ħalli jkun jista' jaħdem b'dak is-suġġett li jkun studja għalih?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università ta’ Malta ma toffrix boroż ta’ studju imma l-istudenti full time li jirreġistraw għall-korsijiet undergraduate kollha jingħataw l-istipendju u s-Smart Card. Dawk il-korsijiet full time postgraduate li jwasslu biex tingħata warrant jingħataw ukoll l-istipendju.

skejjel — aċċessibilità għal min juża wheelchair

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hawn skejjel li għadhom mhumiex aċċessibbli għal tfal li jużaw wheelchair? Kemm hawn skejjel li ma għandhomx lifts stallati u allura qegħdin iġibu ċertu ristrizzjonijiet għal min jagħmel użu minn dan is-siġġu tar-roti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37555 Sitting 519 2012-11-07 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

dipartimenti mhux aċċessibbli għal persuni bil-wheelchair

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn dipartimenti tal-gvern li għad mhumiex aċċessibbli għall-persuni bil-wheelchair? Kemm hawn dipartimenti tal-gvern li jagħtu servizz liċ-ċittadini li għad ma għandhomx lift għall-użu tal-persuni li jagħmlu użu mill-wheelchair?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru hemm tmien Direttorati li għandhom xi uffiċini li jaqgħu taħthom li m’humiex aċċessibbli għal persuni bil-wheelchair. Minn dawn id-Direttorati msemmija hemm tnejn li jagħtu xi tip ta’ servizz lill-pubbliku. Ta’ min jinnota li dawn id-Direttorati jinsabu fl-istess binja u l-Gvern approva l-bini ta’ lift għall-aċċess tagħhom. Hemm ukoll żewġ Dipartimenti oħra, li l-uffiċini tagħhom, li qed joffru xi servizz lill-pubbliku jinsabu fis-sular ta’ isfel u għal daqstant huma aċċessibbli mingħajr il-bżonn ta’ lift. Rigward Ministeri oħrajn nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jagħmel l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.

numru ta' anzjani fi djar tal-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-djar privati tal-anzjani għandhomx restrizzjonijiet ta' kemm jistgħu jieħdu anzjani ġewwa fihom? Jista' jgħid jekk dan in-numru huwiex marbut ma' kemm-il anzjan jista' jitpoġġa f'kull kamra?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li id-djar privati tal-anzjani għandhom restrizzjoni ta' kemm jistgħu jieħdu anzjani ġewwa fihom. Dan in-numru jigi stabbilit wara spezzjonijiet u tingħata liċenzja għan- numru ta’ soddod konsistenti mal-faċilitajiet, apparat u staff li huma disponibbli biex jiġi assigurat l-għoti ta’ kura adegwata. In-numru ta’soddod f’kull kamra, jiġi evalwat waqt l-ispezzjoni biex jiġi żgurat li id-daqs tal-kamra jiflaħ in-numru ta’ sodod li jkun hemm fiha u jkun hemm spazju biżżejjed biex jiġu moqdija il-bżonnijiet tal-anzjaniu residenti fl-istess kamra.

djar tal-anzjani — numru ta' anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kull dar tal-anzjani għandha l-permess li tieħu anzjani? Jista' jgħid kemm hemm f'kull dar preżentament?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat hekk: DAR Permess għal Sodod Anzjani Preżenti Illum Bormla 130 130 Floriana 46 46 Gżira 31 11* Mellieħa 154 154 Mosta 68 68 Msida 64 64 Mtarfa 123 123 Żejtun 167 167 Żammit Clapp Hospital RH 96 96 TOTAL 879 859 * Minħabba d-deċiżjoni li ttieħdet li d-Dar tal-Anzjani tal-Gżira se tingħalaq mhumiex qed jiġu ammessi residenti f’din id-dar.

dajr tal-anzjani — servizz mhux meħud mill-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm djar tal-anzjani li għandhom il-kapaċità li jieħdu anzjani ġewwa fihom imma l-gvern għadu mhux qed jagħmel użu mis-servizzi ta' dawn id-djar anki meta dawn id-djar urew ix-xewqa li jridu jagħtu dan is-servizz?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li minn żmien għal żmien id-Dipartiment għall-Anzjani u Kura fil-Komunita’ joħroġ sejħa għall-operaturi fil-privat li huma nteressati li jissuplixxu sodod għal kura fit-tul. Dawn is-sottomissjonijiet jiġu evalwati skont il-livell ta’ servizzi li joffru u l-bżonnijiet tad-Dipartiment.