Legislature:
Category:
Reset
Active:

Konsultazzjonijiet għar-rotot tat-trasport tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid issirx konsultazzjoni mal-ġenituri dwar liema għandha tkun l-aħjar rotta u l-aħjar post li jwasslu u jwaqqfu lit-tfal tal-iskola meta jwassluhom lejn l-iskola u lejn id-dar tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dwar ir-rotot li jintgħażlu sabiex jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi jagħmel konsultazzjonijiet, fost oħrajn, mal-Kapijiet tal-iskejjel u mal-Prinċipali tal-Kulleġġi. Jisma’ wkoll lil dawk il-ġenituri li jwasslu x-xewqat tagħhom lid-Direttorat. Il-Kapijiet tal-iskejjel u l-Prinċipali tal-Kulleġġi, min-naħa tagħhom, jikkonsultaw mal-ġenituri, u jwasslu x-xewqat tagħhom u tal-ġenituri lura lid-Direttorat. Wara konsultazzjoni mal-operaturi tat-trasport jiġu mfassla rotot li jaqdu l-bżonnijiet tal-istudenti, imma li jkunu fattibbli skont ir-regoli tat-trasport.

Ħinijiet li tfal tal-iskola jinġabru minn djarhom

Question

Tista' l-Ministru tagħti statistika ta x’ħin qed jinġabru t-tfal mid-djar tal-ġenituri tagħhom u x’ħin qed jitwasslu fl-iskejjel, skola b’skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tfal jinġabru minn pick up points stabbiliti u mhux mid-djar tal-ġenituri tagħhom. Il-ħinijiet li fihom jinġabru l-istudenti huma stabbiliti mill-ftehim bejn il-Ministeru/Direttorat għal Servizzi Edukattivi u l-operaturi, u jvarja bejn skejjel primarji u dawk sekondarji, u bejn dawk fil-viċin u dawk fil-bogħod. Dan il-ftehim sar fis-sena 2011 u jgħodd għal 7 snin. Minn tracking system u/jew rapporti li jaslu fid-Direttorati mill-iskejjel, li huma mgħarrfa dwar it- time window aċċettabbli, wieħed jasal biex jistabilixxi jekk xi rotta partikolari segwietx il-ftehim jew le.

Alterazzjonijiet fir-rotot għat-tfal tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm, jekk saru, alterazzjonijiet fir-rotot li jwasslu it-tfal lejn l-iskejjel matul is-sena skolastika 2011 u 2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull darba li tkun mitluba xi alterazzjoni biex l-istudenti jkunu moqdijin aħjar, din l-alterazzjoni tiġi studjata, issir konsultazzjoni mal-partijiet konċernati, u jekk tkun tista’ tinħadem ir-rotta skont ir-regoli tat-trasport, din tidħol fis-seħħ wara li jkunu mgħarrfa l-partijiet kollha konċernati. M’hemmx rekord formali ta’ dawn it-tibdiliet.

Applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea taħt il-miżura 1:2:3? Kemm kienu dawk l-applikazzjonijiet li intlagħqu favevoralment? Kien hemm xi appelli minn dawk l-applikanti li ma intgħażluz? Kemm saru appelli? Meta se joħroġ ir-riżultat ta' dawn l-appelli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Filwaqt li ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess riesaq lejn tmiemu fejn huwa mistenni li r-riżultati se jkunu ppubblikati fil-ġimgħat li ġejjin, mhuwiex prudenti li jinħarġu dettalji f’dan l-istadju.

Miżura 123 — flus allokati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-inqas ammont ta' flus li ġew allokati fl-aħħar sejħa għall-miżura 123 u kemm kien l-iktar ammont?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-aħħar sejħa tal-Miżura 123, l-inqas ammont li ġie allokat kien ta’ €23,874.50 u l-ikbar ammont li ġie allokat kien ta’ €1,919,341.00.

Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta u tar-Rabat — operazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta operazzjonijiet se jibdew jinżammu ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta u tar-Rabat? Jista’ jgħid kemm huwa kkalkulat li meta dawn l-operazzjonijiet jibdew jseħħu kemm se jitnaqqas xogħol minn fuq l-emerġenza?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li t-tip ta’ intervenzjonijiet ġewwa l-‘Minor Operation Room’ li se jibdew jinżammu ġewwa ċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta, huma dawk l-interventi li huma klassifikati bħala minuri, skont id-definizzjoni tal-Hospital Category użata bħala kodiċi tal-kumplessita’ tal-operazzjonijiet / interventi. B’hekk ser tiżdied il-kapaċita’ tas-sistema tas-saħħa fejn jidħlu dawn l-interventi, u jitnaqqas il-piż fuq l-Isptar Mater Dei. Ma hemmx il-ħsieb li ssir ‘Minor Operating Room’ fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat.

Ċentri tas-Saħħa tal-Mosta u Rabat — interventi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru interventi ġewwa ċ-ċentri tas-saħħa tal-Mosta u Rabat u allura inqas xogħol jibda jmur ġewwa l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei? Kemm se jonqos il-ħin li l-pazjenti qed jagħmel illum sabiex jiġu ikkurati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Nirriferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari numru 37856 rigward it-tip ta’ interventi li sejrin isiru u l-impatt fuq l-emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Dawn l-interventi sejrin jibdew iseħħu hekk kif jitlesta x-xogħol ta’ refurbishment ġewwa iċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Mosta li hemm indikazzjoni għaliħ fir-risposta parlamentari numru 37467.

Ċentri tas-Saħħa rinovati u joffru aktar servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma ċ-ċentri tas-saħħa li se jiġu rinovati u iktar servizzi jibdew jinagħtaw minn ġewwa fihom? Jista’ jgħid il-pjan ta’ kemm se jdum ix-xogħol fuq kull ċentru tas-saħħa u meta dawn se jerġgħu jkunu miftuħa għall pubbliku tal-lokalitajiet tagħhom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li ċ-ċentri tas-saħħa li se jiġu jew li qed jiġu rrinovati huma dawk tal-Furjana, tal-Mosta u tar-Rabat. Fil-każ tal-Furjana, ix-xogħol ta’ tisbieħ tlesta. Ix-xogħol fuq klinika gdida Podiatric Vascular sejjer jitlesta fil-ġimgħat li ġejjin. Fil-każ tal-Mosta, ix-xogħol beda u sejra tinfetaħ ukoll Minor Operating Room . Dan apparti is-servizzi kollha li kienu jiġu offruti miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta. Ix-xogħol huwa maħsub li sejjer ser jitlesta fis-sena 2013. Fil-każ tar-Rabat, il-proġett ta' tisbieħ hu fi stadju avvanzat. Qed isiru ukoll pjanijiet biex jiżdiedu xi servizzi ġodda u x-xogħol hu maħsub li jibda fil-gimgħat li gejjin iżda dan għadu fi stat ta’ pjanar.

Żieda ta' Ċentri tas-Saħħa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li jżid iktar ċentri tas-saħħa madwar Malta u Għawdex? Jekk iva liema postijiet se jiżdiedu dawn iċ-ċentri u x’servizzi se jkunu joffru? Jista’ jgħid meta dawn iċ-ċentri l-ġodda se jkunu joperaw u jservu lill-poplu?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li d-dipartiment tas-Saħħa fil-Kura Primarja, għalkemm għandu ippjanati żewġ ċentri ġodda ġewwa San Ġiljan u Raħal Ġdid, dawn se jieħdu post dawk eżistenti tal-Gżira u ta’ Raħal Ġdid. B’hekk in-numru taċ-ċentri tas-saħħa sejjer jibqa l-istess. Iż-żmien mitlub sabiex jitlestew il-proġetti jiddependu mill-eżitu ta’ proċessi tal-MEPA fiż-żewġ każijiet, u l-applikazzjoni għall-fondi ta’ l-Unjoni Ewropeja fil-każ ta’ Raħal Ġdid.

speed cameras effett

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qed isir studju longitudinali biex jara x'effett kellhom l-ispeed cameras fuq is-sewqan f'Malta? Jekk sar dan l-istudju, jista' jippubblikah? Jista' jgħid allura x'effett kellhom l-ispeed cameras fuq is-sewqan f'Malta ?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta għamlet l-istudji li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant u r-riżultati ta' tali studji ġew ippubblikati fid-dokument 'Speed Management on Maltese Roads - Policy and Technical Guidance Manual' li jinsab fil-website ta' Transport Malta, wara li saret konsultazzjoni estensiva mal-entitajiet ikkonċernati. Mill-istudji li saru jirriżulta li fejn ġew installati l-i speed cameras , il-veloċità 85th Percentile tas-sewqan naqas f'kull lokalita' kif muri fl-informazzjoni li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #37762 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Speed cameras — ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-speed cameras matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012 ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Proċess għal-Learning Support Assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid il-proċess li tifel jew tifla jrid jgħaddi minnu jekk it-teacher jew il-ġenitur jinduna li dawn għandhom bżonn għajnuna adizzzjonali bħal dik ta' learning support assistant? Tista' tgħid kemm iridu jdumu it-tfal mingħajr ma jirċievu din l-għajnua minn meta jibda l-proċess sakemm tingħata l-għajnuna? Tista' tikkonferma li jridu jgħaddu snin biex dan il-proċess iseħħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Meta għalliem jew ġenitur jinduna li t-tifel jew tifla għandhom bzonn ta’ għajnuna addizzjonali bħal dik ta’ LSA jridu jassessjaw lit-tifel jew tifla għand psikologu u għand professjonisti oħra skont id-diffikultajiet. Meta r-rapporti jkunu lesti jehduhom l-iskola biex isir referral għall-Istatementing Moderating Panel. Appena l-Bord jircievi l-applikazzjoni l-ġenituri jingħataw appuntament skont il-kaz. Min naħa tad-Direttorat tal-Edukazzjoni ma hemm l-ebda ‘waiting list’ ta’ snin fil-preżent. Qegħdin, bħalissa, jkunu pproċessati l-applikazzjonijiet tal-2012. 315 minn madwar 660 applikant tal-2012 kienu kklassifikati bħal “Applikanti priorità” u diġà għandhom LSA.
Leg 11 PQ #37764 Sitting 523 2012-11-19 Oral · Final From: ANTHONY AGIUS DECELIS To: Ministeru tal-Intern

Management tat-traffiku ħdejn l-iskejjel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn huwa responsabbli għaż-żamma tal-ordni u managment tajjeb tat-traffiku ma' ġenb l-iskejjel speċjament meta t-tfal ikunu ħerġin u deħlin għall-iskola? Hemm linji gwida li kull skola trid issegwi? Min irid jara li dawn il-linji gwida jridu jiġu oservati? Id-Dipartiment tal-Edukazzjoni, il-pulizija jew xi dipartiment ieħor li jieħu ħsieb il-gwardjani lokali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi skont l-artikolu 33 (1) (d) ta’ l-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap.363) huma l-Kunsilli Lokali li fost funzjonijiet oħra, għandhom jipprovdu għall-ħarsien tat-tfal tal-iskola qrib l-iskejjel. Madanakollu, il-Korp tal-Pulizija joffri ukoll dan is-servizz ta’ kull filgħodu u wara nofsinhar mal-iskejjel primarji tal-gvern madwar Malta u Għawdex. Fejn l-eżiġenzi jippermettu l-pulizija ukoll tassisti ma’ skejjel kemm tal-knisja kif ukoll dawk privati.

Tfal tal-iskola statali — assistenza ta' adulti mat-tfal fil-vannijiet tal-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ikunx hemm assistenza ta' adulti mat-tfal fil-vannijiet u transport ieħor provdut lit-tfal tal-iskola statali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-maġġoranza tar-rotot ta’ transport provdut mill-istat ma hemmx assistenza ta’ adulti mat-tfal. L-assistenza provduta permezz ta’ escorts hija provduta lil dawk l-istudenti b’diżabilità li jeħtieġu din l-għajnuna. Fuq ir-rotot kollha taċ-Ċentri ta’ Riżorsi jiġu provduti escorts. Hemm il-possibilta’ li ġenituri jistgħu volontarjament joffru assistenza fuq ir-rotot rispettivi.

Kontijiet tad-dawl residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm kontijiet tad-dawl residenzjali u oħrajn, li matul is-snin 2009 - 2012 li ħarġu €0? Jista' jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex dan seħħ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Intepellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Sptar Mater Dei — dewmien fl-emerġenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm kien hemm persuni li damu 'l fuq minn 12-il siegħa fl-emergenza tal-Isptar Mater Dei sakemm issejħu sabiex jarahom tabib matul ix-xhur ta' Jannar, Frar, Marzu, April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu, Settembru u Ottubru 2012?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-A&E module tal-Patient Administration System, huwa possibbli li wieħed jiddetermina l-ħin li jkun għadda minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza, sakemm l-istess persuna tkun illiċenzjata mill-istess dipartiment, jew tiddaħħal l-isptar jekk ikun hemm bżonn. Madanakollu, mill-istatistika li tiġi miġbura m’huwiex possibbli li wieħed jikkalkula iż-żmien ta’ stennijja minn meta persuna tirreġistra fir-reception tad-Dipartiment tal-Emerġenza sakemm l-istess persuna tiġi msejjħa biex j/taraha t-tabib/a.